Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Film Studios – rate card

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika r-rate card preżenti tal-Malta Film Studios? Jista’ jgħid kif jiġu stabbiliti r-rati tal-Malta Film Studios u min japprova t-tibdil minn sena għal sena?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva u għaldaqstant ma tistax tingħata.

Ministeru għat-Turiżmu — kuntratti ma’ influencers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru u/jew kwalunkwe awtoritajiet/aġenziji li jaqgħu taħtu għandhomx kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-istess Ministeru u/jew aġenziji lill-udjenza tagħhom fuq pjattaformi tal-media soċjali? Jekk iva, jista’ għal kull kuntratt jgħid kemm intefqu flus fi promozzjonijiet sa mill-bidu tal-ftehim?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha influencers barranin li jippromwovu lil Malta barra minn xtutna. Dawn jitħallsu tal-materjal li jkunu pproduċew abbażi ta’ negozjar li jsir magħhom.

Bajjiet f’Malta u Għawdex – sand renourishment fil-bajjiet

Question

Jista' l-Ministu jgħid x'bajjiet ġewwa Malta u Għawdex sarilhom is-sand renourishment matul is-snin 2021 u 2022 u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-bajjiet ġewwa Malta u Għawdex li se jsirilhom is-sand renourishment qabel u matul is-sajf 2023 u kemm hi stmata li se tkun l-ispiża?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda sand renourishment f’Malta fl-2021 u 2022, filwaqt li għal din is-sena għadhom għaddejjin xi studji fuq numru ta’ bajjiet. Fir-rigward tal-bajjiet ġewwa Għawdex, nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Malta Film Studios — Masterplan

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Masterplan għall-Malta Film Studios li skont il-Film Commissioner se jiswa €35 miljun? Jista’ jippubblika l-baġit dettaljat għal dan il-pjan u action plan, sena b’sena?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Malta Film Commission bħalissa qed taġġorna l-baġit tal-Master Plan. L-offerti għal proġett se jinħarġu fi żmien li ġej.

Malta Film Studios – spiża tal-Masterplan

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat tal-ispiża li saret mill-Gvern, mill-Malta Film Commission u minn entitajiet oħrajn fuq il-Masterplan għall-Malta Film Studios mill-2013 sal-aħħar ta’ Ottubru 2022?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għall-Estimi tal-Baġit li diġà tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Malta Film Commission – dħul minn kiri tal-faċilitajiet, użu ta’ riżorsi umani u administration fees

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ammonti kollha ta’ dħul li rċeviet il-Malta Film Commission mill-kiri tal-faċilitajiet, użu ta’ riżorsi umani u administration fees fil-Malta Film Studios għas-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6088 u d-dokumenti mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Sadanittant tlabt biex tinġabar il-bqija tal-informazzjoni.

San Pawl il-Baħar – proġett tal-gallarija – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-proġett tal-gallarija f'San Pawl il-Baħar u jgħid meta huwa mistenni li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġett tal-gallarija ġewwa San Pawl il-Baħar huwa investiment ta’ aktar min nofs miljun ewro li l-MTA qiegħda tagħmel sabiex tinżamm il-wegħda li jibqa’ mantenuti il-proġett oriġinali li kien ġie mwettaq mill-istess Awtorità fl-2011 (bħala parti minn proġett akbar). Dan il-proġett għandu jitlesta sa nofs Lulju 2023.

MTA — ħruġ ta’ liċenzja lil lukanda fil-Mellieħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġietx ipprovduta liċenzja mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) lil-lukanda li tinsab fil-binja li hemm fi Triq Ħalq iċ-Ċawl c/w Triq L-Iżbark tal-Franċiżi c/w Triq in-Nases c/w Triq il-Fortizza, il-Mellieħa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Intepellanta li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ma pprovdiet l-ebda liċenzja ta’ lukanda fil-binja li qed tiġi indikata.

Belt Valletta – turisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ turisti li qattgħu l-btala tagħhom f'akkomodazzjonijiet li jinsabu fil-belt kapitali matul is-sena 2022?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma jippubblikax ċifri ta’ numri ta’ turisti li jakkomodaw ruħhom skont il-lokalità. L-istatistika disponibbli tiddistingwi biss bejn ċifri nazzjonali, ċifri għall-gżira ta’ Malta u ċifri għall-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna.

Belt Valletta – average occupancy rate

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-average occupancy rate ta’ lukandi li jinsabu fil-belt kapitali matul is-sena 2022?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Intepellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9153.

MTA — ħruġ ta' permess għal lukanda fil-Mellieħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) tatx permess (PA5909/17) biex topera lukanda fid-daħla tal-Mellieħa (biswit il-Welbees Supermarket), liema lukanda fl-aħħar jiem kien hemm deċiżjoni tal-Qorti li din l-istess lukanda qatt ma kellu jinħareġ il-permess għaliha mill-Awtorita tal-Ippjanar u li l-istess permess irid jiġi revokat? Jekk ingħata l-permess mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-permess ġiex revokat?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9141.

FTZF – San Ġiljan – spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa mill-Foundation for Tourism Zone Development (FTZD) minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari ġewwa San Ġiljan?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2022 l-Aġenzija tar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni fi ħdan il-Ministeru tat-Turiżmu, wettqet xogħlijiet f’San Ġiljan fosthom il-manutenzjoni tar-railings mill-Bajja ta’ Spinola sal-Bajja tal-Balluta, kif ukoll ir-railings madwar l-istatwa ta’ Kristu Re. Barra minn hekk, kemm fl-2022 kif ukoll din is-sena, l-Aġenzija flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, tieħu ħsieb il-Bajja ta’ San Ġorġ li hija Blue Flag Beach kif ukoll il-Bajja tal-Balluta. L-interventi jinkludu l-provvista ta’ showers, walkways, bins, slielem u sorveljanza ta’ dawn il-bajjiet, inkluż lifeguards. L-Aġenzija tassisti lill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, u tinsab f’kuntatt regolari ma’ stakeholders oħrajn, fejn jidħlu interventi meħtieġa fuq sinjali tat-toroq, tiswijiet ta’ bankini u infrastruttura ġenerali. L-Aġenzija qiegħda wkoll tagħti l-appoġġ tagħha lill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan fil-: · manutenzjoni tas-soft area mill-Monument tal-LOVE saż-żona tan-Neptunes, · titjib tal-playfield f’Ta’ Giorni (180sq.m.), · ipprovdiet koordinazzjoni u appoġġ finanzjarju waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Patrizju, · impenjat ruħha biex tibdel l-arbli tad-dawl f’Xatt is-Sajjieda, u · se tipprovdi assi ġodda fuq il-bajja għall-perjodu tas-sajf 2023. Dawn l-interventi mistennija jiswew madwar €20,000. Barra minn hekk, l-Aġenzija idduskutiet mal-Kunsill Lokali l-upgrading totali ta’ Paceville Avenue li jinkludi servizzi u finituri. Dan il-proġett huwa mmexxi minn Infrastructure Malta u Water Services Corporation. Proġett ieħor, fuq skala ikbar, huwa d-disinn mill-ġdid u l-upgrading ta’ Ġnien Spinola li huwa ppjanat li jsir spazju miftuħ kbir għal networking u avvenimenti kulturali u soċjali. Il-proġetti msemmija huma stmati li se jiswew aktar minn €6 miljun. L-Aġenzija għandha relazzjoni eċċellenti mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan.

Naxxar – dawl ġdid fuq il-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dawl il-ġdid li se jsir mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fuq il-knisja tan-Naxxar jinkludix id-dawl fuq iz-zuntier?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għandu jitwaħħal dawl ġdid kemm mal-faċċati kif ukoll ġol-bankini li jdawru l-knisja.

Paceville – proposta dwar il-ġbir ta’ skart

Question

B’referenza għall-ħidma fuq il-proposta biex il-ġbir tal-iskart ġewwa l-Paceville jkun simili għal dak tal-Belt Valletta, fejn kien hemm working group magħmul minn diversi stakeholders, fosthom il-Cleansing and Maintenance Division, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet din il-ħidma?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġbir tal-iskart huwa f’idejn ir-Reġjuni, ninfurmah li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni qiegħda tinvesti f’riżorsi u makkinarju apposta għal-lokalità ta’ Paceville, hekk kif diġà teżisti sistema simili fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta u San Pawl il-Baħar. Inħarġu tenders għal xiri ta’ makkinarju li speċifikament għandu jintuża biss fil-lokalità ta’ Paceville, sabiex jikkumplimenta mas-servizzi diġà offruti mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan. F’dan il-mument dawn it-tenders qed jiġu evalwati u aġġudikati.

Paceville – użu mill-Kannabis

Question

Fid-dawl li meta timxi fit-toroq ta’ Paceville xxomm riħa ta’ Kannabis, jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew imħarrka ladarba l-użu tal-kannabis għadu illegali u lanqas mhu previst li jkun legali f’postijiet pubbliċi?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

MCC – kariga ta’ CEO

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7855, jista’ l-Ministru jgħid jekk permezz tat-tweġiba tiegħu huwiex qiegħed jikkonferma li ma nżammx rekord tan-numru ta’ sigħat li ħadem is-CEO ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) sa mid-data tal-bidu tal-impjieg tiegħu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Kap Eżekuttiv tal-MCC qiegħed jimxi mal-kuntratt li għandu viġenti, u iżjed importanti minn hekk, taħt it-tmexxija tiegħu l-MCC qiegħda tikseb l-aqwa riżultati finanzjarji ta’ kull żmien.

Mediterrane Film Festival – spiża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ser jinħarġu fondi pubbliċi minn xi awtorità jew entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu għall-kunċert li se jsir fis-17 ta' Ġunju bħala parti mill-Mediterrane Film Festival u li fih se jieħu sehem Russell Crowe?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kunċert li se jsir fis-17 ta’ Ġunju ma jagħmilx parti mill-Mediterrane Film Festival. L-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva u possibbilment tippreġudika l-pożizzjoni tal-artist involut u sussegwentement tal-entitajiet inkwistjoni.

Sliema – promenade – bdil ta’ railings

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3006 dwar il-bdil ta’ railings tul il-Promenade ta’ Tas-Sliema, jista’ l-Ministru jgħid meta l-poġġamani tal-ħadid, li huma mimlijin sadid, tul il-Promenade ta’ Tas-Sliema, li ritratti tagħhom qed jintbagħtu separatament, se jiġu mibdula issa li ninsabu ftit ġimgħat ’il bogħod mix-xhur tas-sajf u din l-istess promenande se tiġbed ħafna nies?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħadid fiż-żona tal-Fortizza, jew kif magħruf ic-Chalet, ġie ordnat u mistenni jinbidel fil-ġimgħat li ġejjin.

Knisja Kolleġġjata Marija Bambina tan-Naxxar – proġett ta’ dwal u rinnovar taz-zuntier

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-proġett li kien ġie mħabbar ta' dawl u rinnovar taz-zuntier tal-Knisja Kolleġġjata Marija Bambina tan-Naxxar? Meta huwa mistenni li jingħata bidu għal dan il-proġett biex residenti tan-Naxxar jibdew japprezzaw din il-ħidma?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa qed jiġi mħejji d-dokument tat-tender. Ix-xogħol huwa ppjanat li jibda f’Settembru wara l-festa tal-Vitorja.

Buġibba – Proġett tal-Pjazza

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-proġett li kien ġie mħabbar għall-Pjazza ta' Buġibba, liema proġett huwa essenzjali għal din iż-żona li tħaddan valur turistiku b'saħħtu u huwa wkoll essenzjali għall-entitajiet kummerċjali u anke għar-residenti biex joffri ambjent aħjar? Meta huwa mistenni li jingħata bidu dan il-proġett?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett mistenni jibda fix-xhur li ġejjin.