Legislature:
Category:
Reset
Active:

Port tal-Imġarr – allokazzjoni tal-irmiġġi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8921, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex, u jgħid kif tingħata l-allokazzjoni tal-irmiġġi fil-Port tal-Imġarr? Jista' jgħid jekk kienx hemm bidla fil-politika għall-allokazzjoni tal-irmiġġi u kif din hi differenti u meta nbidlet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allokazzjoni ta’ rmiġġi fil-Port tal-Imġarr, prijorità assoluta tingħata lid-dgħajjes tas-sajd irreġistrati MFA (full-time) u MFB (part-time). Bħala proċeduri, dan mhux dejjem ikun fissi minħabba limitazzjonijiet ta’ spazju fejn ħafna spazju li jkun disponibbli ma jkunx biżżejjed biex jakkomoda ċertu dgħajjes tas-sajd ta’ ċertu daqs. Fil-port tal-Imġarr, l- installazzjoni tal-puntuni l-ġodda tpoġġew fl-istess spazju li kien hemm qabel u għaldaqstant l-ispazji fuq dawn il-puntuni l-ġodda ċkienu fid-daqs.

Policy dwar bastimenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8922, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex, u jikkonferma li l-"policy" kienet dejjem li tingħata prijorità lill-bastimenti li l-ħaddiema jiddependu fuqhom għall-għajxien tagħhom, bħas-sajjieda u l-bastimenti relatati mat-turiżmu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jikkjarifika l-mistoqsija.

Talbiet għall-irmiġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8923, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dokumenti biex jikkonferma li ma kien hemm ebda talba pendenti għal irmiġġ minn MFA jew MFB matul l-aħħar tliet snin fejn dgħajjes irreġistraw “S” minflok ingħataw irmiġġ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma teżisti ebda dokumentazzjoni jew informazzjoni ta’ dan it-tip. Ma ngħata ebda rmiġġ lil dgħajjes irreġistratti “S” taħt ir-reġistru tal-bastimenti ż-żgħar għal skopijiet rikreazzjonali, matul l-aħħar tliet snin kif diġà spjegajt u rrispondejt għall-mistoqsijiet parlamentari oħra.

Bastimenti reġistrati “S”

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8924, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex, u jikkonferma li l-ebda bastiment ieħor irreġistrat “S” ma ngħata preċedenza fuq bastiment tal-MFA jew MFB jew bastiment kummerċjali minn mindu sar Ministru?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ebda bastiment irreġistrat “S”, taħt ir-reġistru tal-bastimenti ż-żgħar għal skopijiet rikreazzjonali, ma ngħata preċedenza fuq bastiment tal-MFA jew MFB jew bastiment kummerċjali fi żmien imsemmi.

Port tal-Imġarr – dgħajjes reġistrati “S” li ngħataw irmiġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8919, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex, u jgħid kemm dgħajjes li huma reġistrati “S” ingħataw irmiġġ fil-Port tal-Imġarr bejn: Jannar 2022 - April 2022; Mejju 2022 - Awwissu 2022; Settembru 2022 - Diċembru 2022; u Jannar 2023 - April 2023?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ingħata l-ebda irmigġġ u ma’ hareġ ebda permess lil dgħajjes irregistrati “S” fil-Port tal-Imġarr fl-imsemmi perjodu ta’ żmien.

Ferry Terminal bejn Bormla u l-Belt

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9028, peress li qed nifhem li x-xogħol kollu huwa lest, jista’ l-Ministru jikkonferma dan il-fatt u jgħid ukoll meta huwa stmat li jaslu l-fenders u meta se jitwaħħlu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nistgħu nikkonfermaw li s-sit hu lest imma waqt it-trial run intalbu xi modifiċi mill-operatur. Bħalissa qed tinħadem fender addizzjonali skond it-talba tal-operatur biex b’hekk meta jibda jintuża s-sit ma jkun hemm l-ebda riskju għall-passiġġieri.

Kappara – flyover – użu miċ-ċiklisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ċiklisti jistgħux jużaw il-flyover tal-Kappara? Jista' jgħid ukoll jekk hux se jiġu installati sinjali ġodda għaċ-ċiklisti f'din iż-żona?

Response (FARRUGIA, AARON)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett tal-flyover tal-Kappara kompla jitwettaq fuq pjanti li tfasslu taħt Gvern Nazzjonalista. Kif diġa mħabbar f’April, bdejna naħdmu fuq rotot għal mobilità attiva li tinkludi wkoll dawn iż-żoni.

Cycle lane li tgħaqqad l-Università mal-Kappara

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn is-cycle lane li suppost tgħaqqad l-Università mal-Kappara għadha mhix kompluta u mqabbda?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta bħalissa qed tħejji numru ta’ rotot biex dawn ikunu iktar effiċjenti u siguri għal min jużhom b’mod attiv (inkluz bir-rota) u l-inħawi tal-Kappara u l-Università qegħdin inklużi fiż-żona fejn dawn ir-rotot qed jiġu mħejjija. L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett ser tittratta rotot fl-inħawi tal-Blata l-Bajda, il-Floriana u l-Marsa li ġew identifikati fis-Sustainable Urban Mobility Plan għar-reġjun tal-Belt Valletta. L-inħawi tal-Kappara u l-Università ser ikunu qed jiġu kkunsidrati iktar fid-dettall fil-fażijiet sussegwenti għall-ewwel fażi msemmija aktar 'il fuq.

Ħaż-Żabbar – Triq Ġanni Bonavia – xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8934, peress li ninsab infurmat li x-xogħlijiet huma lesti u ċerti ostakli tneħħew, jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel ix-xogħlijiet tad-drenaġġ u l-ilma li huma tant meħtieġa sabiex in-nies jidħlu fir-residenzi ta’ din l-istess triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta fi ħdan il-Ministeru ser tkun qed tintervjeni fil-ġimgħat li ġejjin wara li jsir koordinament mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rigward is-servizzi indikati.

Għawdex – talbiet għal berth fil-Marina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ talbiet li hemm fuq il-waiting list għal berth fil-Marina ta' Għawdex? Jista’ jgħid ukoll fil-konkret x'hemm ippjanat li jsir biex jiżdiedu l-berths ġewwa Għawdex matul din il-leġiżlatura?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar ħafna xogħol biex ikunu organizzati bl-aħjar mod l-irmiġġi fil-Port tal-Imġarr billi tpoġġew puntuni ġodda u ġew organizzati aħjar id-dgħajjes li kien hemm marbuta u fuq bagi. L-ispazju hu dak li hu, ristrett ħafna għad-domanda kbira li hemm speċjalment bil-miżati preżenti li wieħed iħallas għall-irbit u rmiġġi. Dawn il-miżati ilhom ma jiġu reveduti snin u ma jirriflettux dawk attwali u tas-suq. Madankollu, l-Awtorità tat-Trasport se tibqa’ għaddejja b’eżerċizzji biex dejjem torganizza aħjar il-mooring u berthing areas biex jinħolqu spazji ġodda fejn hu possibbli. Jien infurmat li bħalissa hemm 457 applikazzjoni fil-waiting list għall-berthing f’Għawdex.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Ħaddiema tal-Kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema mal-kuntrattur fid-dekasteru tiegħu, u f’liema rwoli?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt id-dekasteru tal-Ministeru hemm 56 ħaddiem tal-kuntrattur li jagħmlu xogħol relatat ma’ tindif, dak klerikali u bħala assistenti uffiċjali. Fl-istess ħin, Infrastructure Malta tuża total ta’ 14,910 sigħat fis-sena ta’ servizzi ta’ ħaddiema tal-kuntrattur.

Raħal Ġdid – Pjazza Antoine de Paule — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8952, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u ċjoè: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1390, 1657, 2056, 2928, 4461, 5066, 5165 u 6362 jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi forma ta’ żvilupp fuq ix-xogħol neċessarju fil-Pjazza Antoine de Paule f’Raħal Ġdid fid-dawl li din is-sitwazzjoni issa ilha pendenti s-snin u jindika meta se jibda jsir ix-xogħol neċessarju f’din il-pjazza?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta fi ħdan il-Ministeru ntalbet biex tassisti lill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali biex jindirizza xi ħsarat li żviluppaw fil-wiċċ ta’ din il-pjazza. Infrastructure Malta kkummissjonat studji u numru ta’ testijiet biex isiru rakkomandazzjoniet kif l-aħjar jiġu indirizzati dawn il-ħsarat wara diskussjonijiet mal-awtoritajiet ikkonċernati.

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – talba għal zebra crossing jew pelican lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta rċevietx talba biex issir zebra crossing jew pelican lights jew xi forma ta' mezz ieħor sabiex persuni jkunu jistgħu jaqsmu t-triq b'mod sigur fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, viċin il-kappella tal-Madonna tal-Karmnu? Jekk iva, meta kkunsidra dan u x'deċiżjoni ttieħdet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta fi ħdan il-Ministeru ma rċeviet l-ebda talba għal xi tip ta’ crossing fi Triq San Pawl. L-Awtorità ser tkun qed tikkomunika mal-Kunsill Lokali biex tara x’hemm bżonn isir.

Għawdex — Port tal-Imġarr – dgħajjes reġistrati “S”

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm dgħajjes li huma reġistrati “S” ingħataw irmiġġ fil-Port tal-Imġarr bejn: Jannar 2022 - April 2022; Mejju 2022 - Awwissu 2022; Settembru 2022 - Diċembru 2022; u Jannar 2023 - April 2023?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ingħata l-ebda rmiġġ u ma ħareġ ebda permess lid-dgħajjes irreġistrati “S” fil-Port tal-Imġarr fl-imsemmi perjodu ta’ żmien.

Rabat, Għawdex — Uffiċċju tat-Trasport Pubbliku - ftuħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba qed jiftaħ l-uffiċċju tat-Trasport Pubbliku fil-Bus Terminus fir-Rabat, Għawdex?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 7852, li għamel hu stess.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – kuntratti ma’ influencers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru u/jew kwalunkwe awtoritajiet/aġenziji li jaqgħu taħtu għandhomx kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-istess Ministeru u/jew aġenziji lill-udjenza tagħhom fuq pjattaformi tal-media soċjali? Jekk iva, jista’ l-Ministru għal kull kuntratt jgħid kemm intefqu flus fi promozzjonijiet sa mill-bidu tal-ftehim?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru kkonċernat m’għandux kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma fuq pjattaformi tal-media soċjali.

Ħad-Dingli – Triq it-Turretta — xogħol fis-sistemi tad-drenaġġ u asfaltar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li jitkompla x-xogħol fis-sistemi tad-drenaġġ u asfaltar fi Triq it-Turretta, Ħad-Dingli?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8830 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Rabat – Telgħa tas-Saqqajja — rapporti dwar katusi

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti ta' esperti li qalu biex il-katusi fit-Telgħa tas-Saqqajja r-Rabat jitħallew jidhru u mhux jitgħattew wara li tlesta l-proġett ta' riġenerazzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-proġett, it-trattament tal-katusi kien ġie diskuss mal-Awtoritajiet kompetenti. Fost id-diversi metodi diskussi, ġie konkluż li l-aħjar soluzzjoni kienet li dawn il-katusi jinżebgħu kulur li jqarreb il-ġebla u mhux li jinksew b’ġebla minn knaten ġodda. Għaldaqstant din il-kwistjoni qatt ma mmeritat rapport tekniku, però biss konsultazzjoni.

Rabat, Malta – bdil ta’ covers tal-plastic fil-bankini

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkunu qed jinbidlu l-ammont kbir ta' covers tal-plastic imkissrin li saru fil-bankini l-ġodda ftit xhur ilu madwar ir-Rabat, Malta? Jista' jgħid min se jkun qed jinżamm responsabbli wara li dawn kollha tkissru malli saru?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għamlet spezzjonijiet tul l-2022 f’diversi toroq u investigat sensiela ripetuta ta’ ħsarat (tkissir) fl-għotjien (“covers”) tal-plastik (uPVC) użati f’manholes u drawpits għall-provvista ta’ servizzi fil-bankini (pedestrian). Irriżulta illi dawn ma kinux ċertifikati skont l-istandard Ewropew EN 124-1. Ġie nnotat ukoll “ageing” qawwi tal-materjal u PVC attribwit lir-raġġi UV li lokalment huma qawwija u fit-tul. Infrastructure Malta aġixxiet billi ħarġet (04/11/2022) direzzjoni teknika ċara lill-entitajiet terzi u lill-istaff tekniku tagħha sabiex b’mod immedjat jiġu installati BISS għotjien konformi mal-ispeċifikazzjoni Ewropea EN 124-1 – Dan ifisser illi l-materjal tal-“covers” ikun “ductile cast iron”, l-istess bħalma jintuża fil-kareġġjata. Ir-reżistenza għall-piż (loading class) kif mitluba mill-istandard tkun dik għall-użu “pedestrian”. Infrastructure Malta kompliet tinforza din id-deċiżjoni billi inkorporat speċifikazzjoni ċara fid-Tender Dynamic Purchasing (DPS) maħruġ f’Marzu, 2023 li tesiġi dan. Fir-rigward tat-toroq fir-Rabat u li saru b’“covers” tal-uPVC (installati bejn 2021 u 2022) IM ser tieħu ħsieb tissostitwixxihom b’oħrajn konformi mar-regoli kif indikati fid-DPS (2023).