Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birkirkara — toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru toroq f’Birkirkara kull sena fis-sena 2017, 2018 u 2019? Liema huma dawn it-toroq?

Response (BORG, IAN)

It-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta ilha minn meta twaqqfet li bdiet twettaq bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali, toroq rurali kif ukoll ħafna xogħol ta’ manuntenzjoni u tiswijiet f’toroq oħrajn. Bħalissa qed twettaq investiment ta’ €700 miljun mifrux fuq seba’ snin fit-toroq madwar il-pajji¿. Fl-2019 Infrastructure Malta għamlet xogħlijiet f’seba’ toroq f’Birkirkara. Dawn huma Triq is-Santwarju, Triq Mike Pulis, Triq il-Ferrovija l-Antika, Triq Tumas Fenech, Triq il-Ħerba, Triq it-Torri u Triq Notabile. Ix-xogħol għall-perjodu 2017 u 2018 sar taħt ir-responsabilita’ tat-Transport Malta u jinkludi dan li ġej; 2017: p/o Triq Bontadini Triq P P Castagna and p/o Triq Bontadini Road works in Triq Bontadini (ifo school) Triq Bontadini (up to Triq Cagliares) & p/o Triq l-Imriehel (Phase 3) 2018: P/o Triq Mose Gatt and p/o Triq G. Depiro

Tender — clarification

Question

Jista' l-Ministru jispjega fiex tikkonsisti t-tender li ġiet ippublikata fis-7 ta' Frar 2020 'IM005/2020 Establishment of a Dynamic Purchasing System for the Construction and maintenance of roads in different localities in Malta and Gozo'? Jista' jgħid jekk kienx hemm diġà Clarification rigward din it-tender u jekk iva meta saret din il-Clarification, x'kien mistoqsi f'din il-clarification u meta ġiet imwieġba? Jista' jikkonferma li l-fatt li nħarġet din it-tender allura jfisser li issa t-toroq f'Għawdex għaddew taħt ir-responsabilità ta' Infrastructure Malta xi ħaġa li ma kinetx saret sal-aħħar tas-sena 2019?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta twaqqfet fl-2018 sabiex pajjiżna jagħmel qabża ‘l quddiem fil-kwalità, sigurezza, effiċjenza u sostenibilità tat-toroq u ta’ infrastruttura pubblika oħra fis-snin li ġejjin. Din l-aġenzija m’hijiex biss qed iżżid ir-ritmu u l-kwalità tax-xogħol ta’ tisħiħ ta’ l-infrastruttura pubblika, iżda qed tara wkoll kif tista’ ttejjeb il-proċeduri involuti f’din il-ħidma kontinwa, sabiex niżguraw li nimmassimizzaw il-benefiċċji li l-familji u n-negozji f’Malta jieħdu lura għal dan l-investiment bla preċedent. Is-sistema ġdida ta’ akkwist ta’ servizzi ta’ xogħlijiet li jkunu meħtieġa kontinwament għal xogħlijiet fit-toroq hija bbażata fuq is-sistema preċedenti magħrufa bħala “framework agreement”, iżda toffri diversi benefiċċji li jiżguraw aktar kontabilità u effiċjenza. Dettalji dwar il-proċess indikat jinsabu fis-sit www.etenders.gov.mt (li tagħha qed nqegħdu screenshot) taħt in-numru ta’ referenza indikat fil-mistoqsija. Il-laqgħa ta’ kjarifiki għall-kuntratturi prospettivi interessati f’din is-sejħa saret hekk kif indikat fid-dokument tas-sejħa li qed issir referenza għaliha, nhar il-21 ta’ Frar 2020. Il-minuti ta’ din il-laqgħa, bit-tagħrif kollu relatat, ġew ippubblikati fis-sit indikat f’din it-tweġiba, hekk kif isir normalment fi proċessi bħal dawn. Kopja ta’ dawn il-minuti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Filwaqt li s-sejħa indikata tagħti lok biex riżorsi akkwistati permezz ta’ dan il-proċess jintużaw għal xogħlijiet f’Għawdex, ir-responsabilità tat-toroq f’Għawdex għadha f’idejn il-Ministeru konċernat. Bħal ma sar minn kemm ilha li twaqqfet, kull fejn ikun meħtieġ, Infrastructure Malta tappoġġja lil entitajiet oħra governattivi, fosthom il-Ministeru t’Għawdex, f’xogħlijiet marbutin ma’ titjib fl-infrastruttura pubblika. Dan ser ikun jista’ jsir ukoll permezz tal-proċess t’akkwist ta’ servizzi indikat f’din il-mistoqsija.

Karozzi tal-linja – passiġġieri bil-wieqfa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu permissibbli passiġġieri bil-wieqfa f'kull karozza tal-linja li qed jopera l-operatur tas-servizz tat-Trasport Pubbliku? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-Certificate of Conformity (COC) li nħareġ mill-manifatturi tal-karozzi tal-linja li bħalissa qed joperaw fuq id-diversi rotot madwar Malta u Għawdex ħalli jkun stabbilit eżatt in-numru ta’ kemm kull karozza tal-linja tista’ ġġorr passiġġieri bil-wieqfa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, l-ammont ta’ passiġġiera ta’ kull tip ta’ karozza tal-linja li jintużaw fil-preżent fuq is-servizz tat-trasport pubbliku huwa hekk kif indikat fit-tabella sussegwenti: Tip ta' Vettura Bil-wieqfa Bil-Qiegħda Total Capacity King Long 18 28 46 King Long 30 41 71 Otokar 37 31 68 Otokar 63 35 98 Mercedes (Sprinter) 9 17 26 Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ Certificate of Conformity (COC) ta’ kull tip ta’ vettura li hawn fuq imsemmija.

BUS 811 – rotta 41 — numru eċċessiv ta’ passiġġieri bil-wieqfa – passi kontra l-operatur tas-Servizz Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fil-konfront tal-operatur tas-Servizz Pubbliku peress li fil-21 ta’ Frar 2020, il-karozza tal-linja bin-numru BUS 811 li kienet qiegħda topera r-rotta bin-numru 41 tal-5.00pm kellha numru eċċessiv ta’ passiġġiera bil-wieqfa? X’inhi r-raġuni li l-operatur tas-servizz pubbliku mhux jipprovdi numru ta’ karozzi tal-linja adekwat biex il-passiġġiera jkunu jistgħu jużaw dan is-servizz b’mod sikur?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jekk għandu xi nformazzjoni dwar in-numru ta’ passiġġiera bil-wieqfa fuq il-vjagg li qied jirreferi għalih f’din il-mistoqsija parlamentari jgħaddihilna u b’hekk inkunu nistgħu nivverifikaw. Tajjeb wieħed ifakkar li n-numru ta’ passiġġiera li wżaw it-trasport pubbliku din is-sena kompla żdiet. Sabiex nilqgħu aħjar għal din iżieda, f’Awwissu tas-sena l-oħra żiedna il-frekwenzi fuq ċertu rotot. Min naħa tiegħu l-operatur tat-trasport pubbliku daħħal fis-servizz 40 karrozza tal-linja ġdida ta’ 12 meters li parti minnhom intużaw biex jibdlu karrozzi tal-linja ta 9 metri filwaqt li l-kumplament żdiedu mal-flotta.

BUS 871 – Rotta 48 — numru eċċessiv ta’ passiġġiera bil-wieqfa – passi fil-konfront tal-operatur tas-Servizz Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fil-konfront tal-operatur tas-Servizz Pubbliku peress li fil-21 ta’ Frar 2020 il-karozza tal-linja bin-numru BUS 871 li kienet qiegħda topera r-rotta bin-numru 48 tal-5.15pm kellha numru eċċessiv ta’ passiġġiera bil-wieqfa? X’inhi r-raġuni li l-Operatur tas-Servizz Pubbliku mhux jipprovdi numru ta’ karozzi tal-linja adegwat biex il-passiġġiera jkunu jistgħu jużaw dan is-servizz b’mod sikur?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlametari bin-numru 13130 tal-istess Seduta.

BUS 826 – Rotta 48 — numru eċċessiv ta’ passiġġiera bil-wieqfa – passi fil-konfront tal-operatur tas-Servizz Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fil-konfront tal-operatur tas-Servizz Pubbliku peress li fil-21 ta’ Frar 2020 il-karozza tal-linja bin-numru BUS 826 li kienet qiegħda topera r-rotta bin-numru 48 tas-6.20pm kellha numru eċċessiv ta’ passiġiera bil-wieqfa? X’inhi r-raġuni li l-Operatur tas-Servizz Pubbliku mhux jipprovdi numru ta’ karozzi tal-linja adegwat biex il-passiġġiera jkunu jistgħu jużaw dan is-servizz b’mod sikur?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlametari bin-numru 13130 tal-istess Seduta.

BUS 100 – Rotta 82 — numru eċċessiv ta’ passiġġiera bil-wieqfa – passi fil-konfront tal-operatur tas-Servizz Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fil-konfront tal-operatur tas-Servizz Pubbliku peress li fl-24 ta’ Frar 2020 il-karozza tal-linja bin-numru BUS 100 li kienet qiegħda topera r-rotta bin-numru 82 tas-2.20pm kellha numru eċċessiv ta’ passiġġiera bil-wieqfa? X’inhi r-raġuni li l-Operatur tas-Servizz Pubbliku mhux jipprovdi numru ta’ karozzi tal-linja adegwat biex il-passiġġiera jkunu jistgħu jużaw dan is-servizz b’mod sikur?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlametari bin-numru 13130 tal-istess Seduta.

Spezzjonijiet fuq il-karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux isiru spezzjonijiet lill-karozzi tal-linja li qed jintużaw fuq ir-rotot tas-Servizz Pubbliku biex jiġi assigurat li dawn qegħdin jinżammu fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni? Kemm saru spezzjonijiet mill-ispettorat tal-Malta Transport f’dan is-sens, u kemm instabu karozzi tal-linja li ma kinux konformi? Meta nstabu dawn in-nuqqasijiet, kemm kienu l-multi li weħel l-Operatur tas-Servizz tat-Trasport Pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport, l-uffiċjali fi ħdan Transport Malta jwettqu spezzjonijiet ta’ kuljum fuq vetturi li jintu¿aw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku bi skeda. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika l-perjodu li qiegħed jagħmel riferenza għalih f’din il- mistoqsija parlamentari.

Infrastructure Malta – kuntratt ta’ impjieg ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta’ impjieg tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ta’ Infrastructure Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata kienet impjegata ma’ entità oħra tal-Gvern u fl-2018 ġiet assenjata ma’ Infrastructure Malta. Fil-fatt, il-kuntratt ta’ din il-persuna baqa’ l-istess kif kien qabel, bl-istess kundizzjonijiet hekk kif indikat f’mistoqsija parlamentari 16627 tal-istess Onorevoli Azzopardi f’Lulju tas-sena 2015. Meta dan il-kuntratt skada f’dawn l-aħħar xhur, ġie mġedded bl-istess kundizzjonijiet ħlief għal aġġustament għal żidiet statutorji. Kopja ta’ dan il-kuntratt qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bormla – Triq San Pawl – lift

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min hu responsabbli mil-lift pubbliku li hemm fi Triq San Pawl Bormla, li jgħaqqad il-car park ta' Triq il-Karmnu mal-moll ta’ Dock 1? Billi dan il-lift ilu bosta xhur ma jaħdimx, jista' l-Ministru jara li min hu responsabbli jagħmel xogħol regolari ta' manutenzjoni u jassigura li l-lift jibda jopera?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-lift imsemmi kien żviluppa ħsara li ġiet imsewwija. Iżda l-ħġieġ li jdawwar il-bokka tal-lift ġie vvandalizzat u għalhekk il-lift kellu jiġi mwaqqaf milli jkompli jaħdem għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura qed jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex dan il-ħġieġ b’karatteristiċi specifiċi jinbidel kemm jista’ jkun malajr.

Coronavirus — Numru ta’ passiġġieri fuq vettura tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser joħorġu regolamenti dwar kemm jista’ jkun in-numru ta’ passiġġieri fuq vettura tat-trasport pubbliku, kemm-il darba l-awtoritajiet tas-saħħa javżaw lill-pubbliku biex minħabba l-coronavirus, meta persuni jitkellmu għandhom ikunu metru 'lbogħod minn xulxin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li waqt li s-sitwazzjoni tibqa’ tiġi monitorjata b’mod kostanti, ġejt infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li nħarġu struzzjonijiet lill-operatur tat-trasport pubbliku biex matul il-vjaġġi l-vetturi joperaw mingħajr l-użu tal-arja kundizzjonata u bi twieqi miftuħin.

Awtorità tal-Artijiet – skema għal ksur ta’ kundizzjonijiet mill-kuntratt emfitewtiku

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-Awtorità tal-Artijiet għadhiex bil-ħsieb li tintroduċi skema għal min ikun kiser xi kundizzjoni mill-kuntratt emfitewtiku li jkun ġie mifdi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat li l-Awtorità tal-Artijiet m'għandhiex ħsieb li tintroduċi skema għal min ikun kiser xi kundizzjoni mill-kuntratt emfitewtiku li jkun ġie mifdi.

Il-Gudja — Triq Raymond Caruana, Triq Santa Katerina, Triq id-Dejqa u Triq Ġużeppi Pace - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol ta’ asfaltar u xogħlijiet infrastrutturali ta’ Triq Raymond Caruana, Triq Santa Katerina, Triq id-Dejqa u Triq Ġużeppi Pace fil-Gudja?

Response (BORG, IAN)

It-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq investiment ta’ €700 miljun mifrux fuq seba’ snin biex tibni mill-ġdid it-toroq residenzjali. Ix-xogħlijiet fit-toroq indikati mistennija jibdew fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, bħala parti minn dan l-investiment.

Tal-Linja Card

Question

Peress li l-Gvern iħallas madwar €30 miljun f'sussidji fis-sena lill-operatur tat-Trasport Pubbliku, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn / hawn nies, tas-sess maskil separatament minn dawk ta' sess femminil u Maltin separatament minn dawk ta' nazzjonalità barranija, li għandhom / kellhom tal-Linja Card, sena b'sena, bejn l-2016 u l-2019? Kemm minnhom huma: (a) taħt l-14-il sena; (b) bejn l-14-il sena u t-18-il sena; (c) bejn 19-il sena u t-30 sena; (d) bejn il-31 sena u l-45 sena; (e) bejn is-46 sena u s-60 sena, (f) bejn is-60 sena u l-74 sena; u (g)‘l fuq minn 75 sena? Kemm minn dawn jużaw tal-Linja Card aktar minn 4 darbiet fil-ġimgħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Transport Malta – Design Guidelines – wisa’ ta’ lanes ta’ toroq residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12914 u jgħid x'inhi l-wisa' ta' lane hekk kif stabbilita mid-Design Guidelines ta' Transport Malta għal toroq residenzjali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ ta’ toroq residenzjali, tali toroq jiġu mfassla mill-Awtorità tal-Ippjanar u għaldaqstant il-wisgħa tal-karreġġjata tirriżulta mill-istess tfassil.

Transport Malta – Design Guidelines fuq wisa’ ta’ lanes tat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12913 u jgħid x'inhi l-wisa' ta' lane hekk kif stabbilita mid-Design Guidelines ta' Transport Malta għal toroq arterjali, distributorji u maġġuri?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’mod generali, il-wisgħa ta’ karreġġjata tat-toroq tiddependi fuq diversi fatturi li jinkludu l-ammont ta’ traffiku li jgħaddi, il-karatteristiċi tal-madwar, il-velocità massima tat-triq kif ukoll is-sensittivita' ambjentali tal-inħawi biswit it-triq in kwistjoni. Għaldaqstant il-wisgħa tal-karreġġjata tiġi stabbilita skont dawn id-diversi kriterji w oħrajn skont iċ-ċirkostanzi uniċi ta’ kull triq. Fl-isfond ta’ dan, LN 364 ta’ 2003 jagħti wisgħat ta’ karreġġjati minn bankina sa bankina.

Infrastructure Malta – condition surveys u condition reports tat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-condition surveys u condition reports tat-toroq kollha li ser isir ix-xogħol fuqhom minn Infrastructure Malta sarux jew le? F'dawn ir-rapporti, ġie identifikat xi ħsarat għandhom dawn it-toroq bħal rutting, crocodile cracks, u x'ammont mit-triq preżentement hemm mibnija, eċċ? Jista’ jgħid min għamel dawn ir-rapporti u kemm ġew jiswew flus? Jista’ jpoġġi dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Nirreferu għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 9305. L-istudju indikat f’din it-tweġiba issa tlesta u d-dettalji miġbura dwar l-istat u l-ħsarat tat-toroq tal-pajjiż jinsabu fuq pjattaforma diġitali tas-Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika (GIS). Din is-sistema qed tintuża minn Infrastructure Malta fit-twettiq tal-investiment bla preċedent li l-Gvern qed jagħmel biex itejjeb il-kwalità, l-effiċjenza u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta.

Ħal Safi – Triq il-Kuċċard — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jispiċċa x-xogħol fuq Triq il-Kuċċard, Ħal Safi peress li għalkemm dan ix-xogħol ilu għaddej mill-2013 u kien jifforma parti integrali mix-xogħol ta' Vjal ix-Xarolla ż-Żurrieq, sal-lum dan ix-xogħol għadu mhux lest?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta qed twettaq proġett b’investiment ta’ €1.3 miljun biex tibni mill-ġdid Triq il-Kuċċard, li tgħaqqad Vjal ix-Xarolla, fiż-Żurrieq, ma’ Ħal Safi u Ħal Kirkop. Ix-xogħlijiet huma simili ħafna għal dawk li saru fi Vjal ix-Xarolla. Qabel, Triq il-Kuċċard kienet triq waħda u kienet tintuża kemm mir-residenti u dawk li jivvjaġġaw minnha. Permezz ta’ dan il-proġett, din it-triq qed tinbidel f’żewġ toroq separati, waħda b’żewġ korsiji għall-karozzi, bankina u korsija għar-roti, u triq maqtugħa għaliha bi drittha bħala service road għar-residenti. Minħabba li x-xogħol huwa estensiv, il-proġett inqasam f’żewġ fażijiet. L-ewwel sar il-bini tat-triq ewlenija ta’ żewġ korsiji ġdida li tlestiet u qed tintuża. Imbagħad bdiet ssir is-service road bil-bankini u spazji ta’ parkeġġi aktar aċċessibbli. Fl-ewwel fażi tal-proġett, Infrastructure Malta bidlet u saħħet ukoll is-sistemi ta’ distribuzzjoni li jgħaddu minn taħt it-triq. B’kollox jitpoġġew aktar minn 1.6 kilometri ta’ pajpijiet u cables għal servizzi tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekommunikazzjoni, kif ukoll sistemi għall-ilqugħ u l-ġbir tal-ilma tax-xita. Mal-ġenb tat-triq inbena ħajt tas-sejjieħ li jifridha mill-għelieqi. Bħal f’kull proġett li qed jiġi implimentat minn Infrastructure Malta, fi Triq il-Kuċċard qed isiru wkoll diversi elementi oħra li jkomplu jtejbu s-sigurtà u l-aċċessibbiltà għal mezzi differenti tal-ivvjaġġar. Apparti s-service road, dawn jinkludu wkoll madwar kilometru ta’ bankini ġodda, erba’ pedestrian crossings, korsija għar-roti li tingħaqad ma dik li saret fi Vjal ix-Xarolla u sistema ta’ dwal tat-toroq ġdida. Bħal Vjal ix-Xarolla, Triq il-Kuċċard tinsab f’żona ta’ sinifikat arkeoloġiku importanti. Għalhekk, Infrastructure Malta kellha tieħu diversi miżuri biex tiżgura li jekk jinstabu xi fdalijiet storiċi taħt it-triq, jiġu dokumentati u konservati. B’kollaborazzjoni sħiħa mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, kull xogħol li kien jinvolvi tħaffir sar fil-preżenza ta’ arkeologi awtorizzati. F’ċerti żoni, ix-xogħol sar bl-għodda tal-idejn, minflok bil-gafef u makkinarju ieħor. Fiż-żewġ każi fdalijiet li nstabu ġew inkorporati fid-disinn ġdid tat-triq, sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jiġu apprezzati mill-pubbliku. Infrastructure Malta qed taħdem biex dan il-proġett jitlesta fis-sajf li ġej.