Legislature:
Category:
Reset
Active:

Regolamenti tal-2007 dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni — eżenzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intalbu eżenzjonijiet mir-Regolamenti tal-2007 dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni (Avviż Legali 295 tal-2007) sabiex ikunu jistgħu jitkomplew xogħlijiet ta' twaqqigħ u/jew skavar f'siti li jinsabu f'żoni turistiċi fil-perjodu bejn il-15 ta' Ġunju 2018 u t-30 ta' Settembru 2018? Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw eżenzjonijiet u kemm-il talba ġiet miċħuda? Jista' l-Ministru jagħti lista tas-siti u tal-lokalitajiet li għalihom intalbu l-imsemmija eżenzjonijiet?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5951 f’Seduta 124, filwaqt li wieħed iżid li ma kienx hemm il-ħtieġa li t-talbiet li kienu saru jintlaqgħu.

Regolamenti tal-2007 dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni — eżenzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intalbu eżenzjonijiet mir-Regolamenti tal-2007 dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni (Avviż Legali 295 tal-2007) sabiex ikunu jistgħu jitkomplew xogħlijiet ta' twaqqigħ u/jew skavar f'siti li jinsabu f'żoni turistiċi fil-perjodu bejn il-15 ta' Ġunju 2019 u t-30 ta' Settembru 2019? Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw eżenzjonijiet, kemm-il talba ġiet miċħuda u kemm għadhom pendenti? Jista' l-Ministru jagħti lista tas-siti u tal-lokalitajiet li għalihom intalbu l-imsemmija eżenzjonijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat, ma kien hemm ebda talba għal xi eżenzjoni tat-tip li qiegħed isemmi l-Onor. Interpellant sal-lum 2 ta' Mejju 2019.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Ġanni Cilia - enforcements

Question

B'referenza għal Triq Ġanni Cilia f’Ħaż-Żebbuġ fejn din it-triq hi meqjusa bħala industrijali meta fil-fatt fis-Southern Local Plan hi waħda minn 14-il triq li hi f’ODZ, jista' l-Ministru jgħid jekk f'żona bħal din hux suppost issir attività industrijali? X'enforcement ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar? X’inhuma l-irregolaritajiet f’din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar, l-garaxxijiet li jinsabu fi Triq Ġanni Cilia f’Ħaż-Żebbuġ huma koperti b’numru ta’ permessi tal-PB (Building Permits) li jawtorizzaw użi varji li jinkludu garaxxijiet domestiċi kif ukoll imħażen. Xi wħud mill-garaxxijiet huma wkoll koperti b’permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar li jinkludu sanzjonar ta’ garaxxijiet eżistenti u użu ta’ Klassi 4B (Bejgħ bl-Imnut). Id-Direttorat tal-Konformità u Infurzar fi ħdan l-Awtorità ilu għal diversi snin jinvestiga rapporti tal-allegat ksur tar-regolamenti tal-ippjanar fit-triq in kwistjoni. Infatti, mill-2015 sal-lum, id-Direttorat investiga total ta’ sebgħa u tletin (37) rapport. Matul is-snin, id-Direttorat intervjena sabiex iwaqqaf l-operat ta’ użi kummerċjali li ma kinux koperti bil-permessi meħtieġa. Parti minn dawn is-37 rapport kienu jinkludu każijiet li fuqhom id-Direttorat ma setax jipproċedi b’ebda azzjoni peress li ma rriżultax li kien hemm ksur tar-regolamenti tal-ippjanar u/jew ma kienx hemm evidenza li turi li l-użu tal-garaxx/ijiet kien wieħed illegali. Fil-preżent, id-Direttorat għandu żewġ każijiet attivi li fuqhom għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet, li iżda, fiż-żewġ każijiet jidher li l-operaturi rispettivi qegħdin fil-proċess li jikkonformaw mal-istruzzjoniet mogħtija lilhom.

Pjazza Raħal Ġdid u Ġnien Duminku Mintoff — bike racks

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9397, jista' jgħid ukoll jekk id-diżinjatur ta’ dawn ir-racks ikkonferma li dawn jistgħu jintużaw? Jista’ jikkonferma li r-roti jistgħu jissakkru magħhom? Kemm hu l-ammont ta’ dawn it-tip ta’ racks, simili għal dawk tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid u Ġnien Duminku Mintoff, li twaħħlu b’kollox, u kemm swew flus?

Response (BORG, IAN)

L-Informazzjoni għadha qed tinġabar

Port tal-Imġarr — tenders

Question

B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret fit-3 ta’ Mejju 2019 fejn intqal li se jintefqu €6 miljuni biex il-Port tal-Imġarr jitnaddaf, jinbidlu l-puntuni u jiżdiedu l-faċilitajiet għas-sajjieda, jista' l-Ministru jagħti break down dettaljat ta’ kif ser jintefqu dawn is-€6 miljuni? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn huma fondi lokali u kemm huma fondi ewropej kif ukoll x'tenders ħarġu s'issa u kemm kien il-prezz li bih ġew awarded u x' tenders għad fadal joħorġu biex tintlaħaq iċ-ċifra ta' €6 miljuni li ser jiġu investiti fil-Port tal-Imġarr?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed twettaq dan il-proġett b’investiment ta’ €6 miljun biex ittejjeb il-faċilitajiet għas-sajjieda fil-Menqa tal-Port tal-Imġarr, Għawdex. Dan il-proġett jifforma parti minn numru ta’ proġetti mmirati lejn is-sajjieda Maltin taħt il-fond ta’ l-European Maritime and Fisheries Fund (EMFF) u għalhekk huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ dan il-proġett qed jinbnew mill-ġdid il-mollijiet ta’ din iż-żona biex magħhom jitwaħħlu puntuni ġodda għal aċċessibilità aħjar, aktar sigurtà u iżjed spazji ġodda fejn is-sajjieda jistgħu jorbtu d-dgħajjes u l-laneċ tagħhom għall-kenn tal-Port. Ix-xogħol beda fil-jiem li għaddew bit-tħammil ta’ medda ta’ madwar 20,000 metru kwadru ta’ qiegħ il-baħar fejn hemm dawn il-mollijiet u puntuni. Matul is-snin f’qiegħ il-baħar f’dawn l-inħawi nġemgħu kwantitajiet kbar ta’ ħama u materjali oħra, tant li s-sajjieda ma tantx kien għadhom jistgħu jimmanuvraw il-bċejjeċ tagħhom mal-mollijiet. Din il-parti tal-Port qed titnaddaf u titfannad madwar żewġ metri u nofs. Xi ftit mill-materjal li qed jitħammel instab li jista’ jkun imniġġes b’kimiċi u materjali oħra li maż-żmien spiċċaw f’qiegħ il-baħar. Meta jiġri hekk, dawn il-fdalijiet jiġu meħuda f’siti approvati għall-ipproċessar ta’ dan it-tip ta’ skart. Sabiex it-tħammil ma jħammiġx il-baħar u x-xtut tal-inħawi, tpoġġiet purtiera ta’ lqugħ madwar iż-żona fejn qed isir ix-xogħol. Wara li ssir l-ewwel fażi tat-tħammil, ser jibda l-bini mill-ġdid tal-mollijiet. Gradwalment se jibdew jitpoġġew ukoll il-puntuni l-ġodda. Il-proġett qed jitwettaq f’fażijiet differenti sabiex jiġu evitati diffikultajiet lix-xogħol tas-sajjieda u attivitàjiet marittimi oħra f’dan il-port. Il-bini mill-ġdid tal-mollijiet f’din iż-żona tal-Port tal-Imġarr se jgħin biex dan ix-xatt ikun organizzat aħjar, u biex jidher isbaħ ukoll. Minbarra li jintużaw mis-sajjieda, dawn l-inħawi huma popolari wkoll ma’ ħafna residenti Għawdxin u turisti għal xi passiġġata mill-Menqa sar-Ramla taż-Żewwieqa aktar lilhinn fl-istess Port. L-erba’ puntuni ġodda se jkunu akbar minn dawk eżistenti, sabiex jiżdiedu madwar 90 post ġdid għall-irmiġġ tad-dgħajjes ta’ sajjieda li ilhom snin twal jistennew li jingħataw spazju fejn jorbtu b’mod sikur l-opri tal-baħar li jaqilgħu l-għixien tagħhom minnhom. Infrastructure Malta se tagħmel ukoll faċilitajiet ġodda fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jisseparaw u jarmu l-iskart li jiġi ġġenerat mill-ħidma tagħhom. B’hekk, dawn l-inħawi jkunu jistgħu jinżammu aktar indaf. Il-valur tax-xogħlijiet (mingħajr VAT) għat-tibdil u żieda ta’ puntuni huwa ta’ €802,810, għat-tħammil u xogħol ta’ kostruzzjoni tal-mollijiet u skall €4,430,710, servizz ta’ Project Management €499,736, studji u konsulenzi u xogħlijiet żgħar €300,000. S’issa nagħtaw dawn is-sejħiet għall-offerti (b’tender jew published call for quotation): CT3053/2018 - Tender for the Design, Supply, Delivery, Storage, Installation, Testing and Commissioning of New Demountable Pontoon Systems at Mgarr Fishing Port, Mgarr Gozo (Lot 1) CT3137/2018 - Quay Consolidation and Dredging Works at the Mgarr Fishing Port Gozo IM014/2018 - Project Management Services for the Mġarr (Gozo) Fishing Port Project TM011/2017 - Tender for Environmental Planning Services at Mgarr Fishing Port, Gozo TM009/2017 – Tender for a Benthic Survey at Mgarr Harbour Gozo TM010/2017 – Seawater Survey at Mgarr Gozo TM049/2016 – Subsea Sediment Analysis at Mgarr Harbour TM065/2017 – Geotechnical Investigations at the Mgarr Fishing Port (Lot 1) TM_Q17102016 – Environment Consultant – Ecology Survey TM_Q18102016 – Environment Consultant – Water Survey MID/002/2018 - Fire Design for the Upgrading at Mgarr Fishing Port Gozo MID/003/2018 - Quotation for Engineering Consultancy Services Baqa’ biex jiġu mħejjijin u pubblikati sejħiet għall-offerti għal xogħol ta’ M&E (Mechanical & Electical Works) u għas-Security Gates. F’dan l-istadju, is-somma li hemm disponibbli minn fondi Ewropej għal dan il-proġett hi ta’ €3,229,634 mingħajr VAT. Il-kumplament tal-ispiża ser titħallas minn fondi lokali.

Għawdex — toroq - studji

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9305 jista' l-Ministru jgħid x'użu se jsir minn dawn l-istudji li qed isiru minn Infrastructure Malta fuq it-toroq kollha ta' Għawdex peress li dawn ma jiffurmawx parti mix-xogħol li trid tagħmel Infrastructure Malta iżda jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9700 f’Seduta 213.

Il-Mosta – Triq il-Kungress Ewkaristiku – tabelli ta’ Stop u No Entry

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-azzjoni meħtieġa permezz ta’ Transport Malta sabiex isiru t-tabelli meħtieġa ta’ Stop Sign u No Entry f’Triq il-Kungress Ewkaristiku salib it-toroq ma’ Triq it-Torri?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li Transport Malta għamlet spezzjoni fiż-żona ta’ salib it-toroq msemmija u jirriżulta li hekk kif jindikaw ir-ritratti li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra, s-sinjali kemm mal-art kif ukoll fir-rigward ta’ tabelli, qegħdin fuq il-post. Manutenzjoni ta’ dawn is-sinjali taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-kunsill lokali.

Rotot 238 u 260

Question

Jista’ l-Ministru jara li tittieħed l-azzjoni meħtieġa sabiex ir-rotot 238 u 260 fl-ebda ħin tal-ġurnata ma joħorġu mir-rotta tagħhom f’Triq San Anton, kif qed iseħħ xi drabi bi żball, u minflok qed jidħlu f’Triq l-Oratorju u Triq it-Torri, u b’hekk qed jinħolqu dawn l-inċidenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li se tkun qiegħda tissorvelja din il-parti tar-rotot imsemmija ġewwa l-Mosta b’aktar reqqa u ħa tieħu l-passi meħtieġa sabiex tillimita t-tali istanzi jekk jirriżulta li l-karozzi tal-linja qedgħin joħorġu mir-rotta preskritta.

Il-Mosta — Triq Santa Margerita - rotot 250 u 47

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex ir-rotot tat-trasport pubbliku 250 u 47 jibdew jgħaddu mit-toroq ta' Santa Margerita, il-Mosta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li kemm ir-rotta 47 kif ukoll ir-rotta 250 jgħaddu mill-inħawi ta’ Santa Margerita, ġewwa l-Mosta. Ninsab infurmat ukoll li bejn Jannar u April 2019 sar xogħol infrastruturali fuq Triq Dawret il-Wied fiż-żona magħrufa bħala San Margerita ġewwa l-Mosta. Minħabba dawn ix-xogħlijiet ir-rotot 47 u 250 kellhom jiġu devjati għal Triq il-Fortizza tal-Mosta u Vjal il-Qalbiena Mostin. Infurmat ukoll li l-operatur tat-trasport pubbliku nħarġulu struzzjoniet sabiex mill-aħħar ta’ April 2019 ir-rotot 47 u 250 jerġu jibdew jgħaddu bir-rotta normali.

Tneħħija ta’ dgħajsa

Question

Jista’ l-Ministru jara li tittieħed l-azzjoni neċessarja sabiex id-dgħajsa li d-dettalji tagħha qed jingħaddew b’mod separat, u li ilha għal iżjed minn sitt xhur mitfugħa fuq il-blat quddiem il-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, titneħħa? Huwa possibbli li jekk ma titneħħiex minn sid id-dgħajsa, titneħħa mill-Awtorità responsabbli?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li Transport Malta bdiet il-proċeduri skont il-liġi biex titneħħa din id-dagħjsa. Fil-każ li ma titneħħiex mis-sid fi żmien stipulat din tiġi żgumbrata mill-Awtorità.

Iż-Żejtun – Triq San Duminku – art ta’ persuna

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 7874, 8228 u 8789 jista’ l-Ministru ġentilment jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament titħallas tal-proprjetà meħuda mill-gvern u dan peress li skont sentenza tal-Qorti tal-Appell tat-18 ta’ Lulju 2018, kienet ordnat lill-gvern biex immedjatament jitħallas il-kumpens tal-proprjetà u art li kienet ġiet meħuda? Peress li l-Ministru dejjem wieġeb li qed isir minn kollox biex din il-persuna titħallas, ġentilment jinnota li meta l-Awtorità tal-Artijiet għajtulha għall-kuntratt, kienet ġiet ippreżentata pjanta li ma kenitx tinkorpora l-art u l-proprjetà kollha meħuda, u kellu jkun l-avukat tagħha li induna? Peress li l-Awtorità tal-Artijiet għad trid iġġib id-dokumenti mill-Qorti, jista’ l-Ministru jintervjeni mal-Awtorità tal-Artijiet biex jikkonkludu dan il-każ u jesegwixxu l-ordni tal-Qorti tal-Appell tat-18 ta'Lulju 2018? Japrezza l-Ministru li dan id-dewmien qed jammonta għall-spejjeż u strapazz żejjed lil din il-persuna u lill-avukat tagħha. Peress li fit-tweġiba ta’ Novembru tas-sena l-oħra l-Ministru wieġeb li l-Awtorità tal-Artijiet qed tagħmel minn kollox biex dan il-ħlas isir u filwaqt li konvint li din hija r-risposta li qed jagħtu lill-Ministru mill-Awtorità tal-Artijiet, jista’ l-Ministru jinnota li anki hu jista’ jkun li qed jitpoġġa f'pożizzjoni anipatika meta l-Awtorità qed tkompli tkarkar saqajha biex tesegwixxi sentenza tal-Qorti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet, li l-kuntratt li kellu jsir in vista ta’ deċizjoni tal-Qorti ma seħħx minħabba ostaklu li permezz tiegħu ma setgħetx tiġi esegwita s-sentenza. Kien l-avukat tal-partijiet stess li ta’ parir lill-klijenti tiegħu biex ma jiffirmawx dan il-kuntratt. Sadanittant, l-avukat tal-Awtorità tal-Artijiet daħħal digriet biex tiġi ċċarata s-sentenza.

Att dwar l-Artijiet tal-Gvern — emendi

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma l-intenzjoni tal-Gvern li jemenda l-liġi Kaptilu 573 Att dwar il-Artijiet tal-Gvern għal dawk il-kaijiet fejn is-sidien oriġinali se jkun qed jitnaqssilhom il-kumpens meta kkumparat ma' dak li kien dovut lilhom taħt il-liġi preċedenti? Jista' jgħid meta beħsiebu jressaq dan it-tibdil fil-Parlament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet li għaddejjin bil-preparamenti meħtiega biex dawn l-emendi jgħaddu mill-aktar fis.

Il-Mellieħa – Triq il-Marfa – servizzi mibdula

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq ix-xogħol li qed isir bħalissa fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa, liema servizzi nbidlu u saru ġodda tul it-triq imsemmija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid Triq il-Marfa, li tgħaqqad il-Mellieħa mal-Bajja tal-Għadira, bħala parti mill-investiment nazzjonali bla preċedent ta’ €700 miljun li l-Gvern iddedika biex itejjeb il-kwalità tat-toroq madwar il-pajjiż f’seba’ snin. Ix-xogħol f’din it-triq li daqt tkun lesta qed isir f’tul ta’ madwar kilometru u nofs, minn quddiem is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa sa ħdejn ir-roundabout tal-Għadira, li wkoll għadhom kemm sarulha tiswijiet estensivi u nbidel il-wiċċ b’saffi ta’ asfalt ġdid. Ix-xogħlijiet fi Triq il-Marfa jinkludu aktar minn 400 metru f’bankini ġodda tul parti mit-triq, servizzi tal-ilma taħt l-art kif ukoll dawk tat-telekomunikazzjoni li ġew mgħoddijin taħt il-bankini. Saru wkoll sistemi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita biex jitnaqqsu d-diffikultajiet bl-għargħar in-naħa t’isfel lejn l-Għadira fejn hemm ħafna residenzai u negozji. Sistema simili n-naħa ta’ fuq se ssir wara s-sajf minħabba li l-ewwel iridu jitlestew xogħlijiet ta’ restawr fil-kmamar storiċi tas-Santwarju. Il-wiċċ tat-triq tħaffer kollu u fejn kien hemm pedamenti antiki bit-tafal jew materjal ieħor mhux b'saħħtu, dawn inbidlu m’oħrajn sodi, biex it-triq ma tibqax iċċedi. Finalment it-triq qed isirilha wiċċ ġdid bil-kisi ta’ diversi saffi ta’ asfalt. Waqt ix-xogħlijiet fi Triq il-Marfa, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ġie organizzat servizz ta’ transport kontinwu bil-vannijiet għal dawk li normalment jirkbu l-karozza tal-linja min din it-triq, biex iwassluhom sal-waqfa temporanja li saret għat-trasport pubbliku.

Ħal Safi – Triq il-Kuċċard – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9923 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitkompla u jispiċċa x-xogħol fuq Triq il-Kuċċard Ħal Safi li ilu wieqaf mill-2013 peress li dan ix-xogħol kien jifforma parti integrali mix-xogħol ta' Vjal ix-Xarolla ż-Żurrieq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja bi proġett b’investiment ta’ €1.3 miljun biex tibni mill-ġdid Triq il-Kuċċard, li tgħaqqad Vjal ix-Xarolla, fiż-Żurrieq, ma’ Ħal Safi u Ħal Kirkop. Fil-fatt, ix-xogħlijiet li se jsiru huma simili ħafna għal dawk li diġà saru fi Vjal ix-Xarolla, li wkoll inbniet mill-ġdid is-sena li għaddiet. Bħalissa Triq il-Kuċċard tinkludi triq waħda li tintuża kemm mir-residenti li jgħixu fiha u anke minn dawk li jivvjaġġaw minnha biex jaslu minn lokalità għal oħra. It-triq ilha snin twal tistenna li tinbena mill-ġdid minħabba l-istat ħażin li tinsab fiha. Permezz ta’ dan il-proġett, din it-triq qed tinbidel f’żewġ toroq separati, waħda b’żewġ korsiji, bankina u korsija għar-roti biex ikun hemm aċċess aħjar għal mezzi differenti ta’ vvjaġġar bejn it-tliet irħula fl-inħawi u triq maqtugħa għaliha bi drittha bħala service road għar-residenti li jgħixu hawnhekk. B’hekk, ir-residenti jkollhom ambjent aħjar, b’inqas ħsejjes u inqas perikli ta’ aċċidenti. Qed isiru wkoll madwar kilometru ta’ bankini ġodda u erba’ pedestrian crossings. L-ispazji ta’ parkeġġi mal-ġnub tat-triq ser jiġu organizzat aħjar biex ikunu aktar aċċessibbli. Ser tiġi installata wkoll sistema ta’ dwal tat-toroq ġdida. Sabiex jonqsu d-diffikultajiet għar-residenti u dawk li jivvjaġġaw fl-inħawi, il-proġett ta’ Triq il-Kuċċard ġie ppjanat li jsir f’żewġ fażijiet, billi l-ewwel isir il-bini tat-triq ewlenija ta’ żewġ korsiji ġdida, u mbagħad tibda ssir ukoll is-service road bil-bankini u spazji ta’ parkeġġi aktar aċċessibbli milli hemm llum. Fl-ewwel fażi tal-proġett, Infrastructure Malta qed tibdel u ssaħħaħ ukoll is-sistemi ta’ distribuzzjoni li jgħaddu minn taħt it-triq. B’kollox se jitpoġġew aktar minn 1.6 kilometri ta’ pajpijiet u cables għal servizzi tal-ilma, tal-elettriku u tat-telekommunikazzjoni, kif ukoll sistemi għall-ilqugħ u l-ġbir tal-ilma tax-xita. Mal-ġenb tat-triq diġà nbena ħajt tas-sejjieħ li jifridha mill-għelieqi li hemm lil hinn minnha. Bħal Vjal ix-Xarolla, Triq il-Kuċċard tinsab f’żona ta’ sinifikat arkeoloġiku importanti. Għalhekk, Infrastructure Malta qed tieħu diversi miżuri biex tiżgura li jekk jinstabu xi fdalijiet storiċi taħt it-triq eżistenti, jiġu dokumentati u konservati. B’kollaborazzjoni sħiħa mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, kull xogħol li jinvolvi tħaffir qed isir fil-preżenza ta’ arkeologi awtorizzati. F’ċerti żoni, biex ma ssirx ħsara lil xi sejbiet li jista’ jkun hemm, ix-xogħol jeħtieġ isir bl-għodda tal-idejn, bħal pali, minflok gafef u makkinarju ieħor. Fdalijiet ta’ qabar li kien instab fil-passat f’din it-triq ġew inkorporati fid-disinn ġdid tat-triq, sabiex jibqa’ jkun jista’ jiġi apprezzat mill-pubbliku. Fil-fatt, diġà ġiet skavata parti estensiva tat-triq bl-idejn fejn jeħtieġ jitpoġġew is-servizzi ġodda taħt l-art. Bħalissa qegħdin isiru l-istudji u surveys arkeoloġiċi neċessarji tal-wiċċ tal-blat li nkixef s’issa. Infrastructure Malta se tkompli tagħti l-appoġġ kollu meħtieġ lill-arkeologi li qed jagħmlu dan ix-xogħol, sabiex jiġi żgurat li x-xogħol isir bl-akbar attenzjoni fl-aħjar interess tal-ħarsien tal-wirt arkeoloġiku ta’ pajjiżna. Infrastructure Malta qed taħdem biex dan il-proġett jilħaq il-livelli ta’ kwalità għolja meħtieġa, filwaqt li jitwettaq fl-iqsar żmien possibbli u bl-inqas diffikultajiet għar-residenti tal-inħawi.

Infrastructure Malta – condition surveys u condition reports tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9925 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux condition surveys u condition reports tat-toroq kollha li ser isir xogħol fuqhom minn Infrastructure Malta? F'dawn ir-rapporti, ġie identifikat xi ħsarat għandhom dawn it-toroq bħal rutting, crocodile cracks, x'ammont mit-triq preżentement hemm mibnija, eċċ? Jista’ jpoġġi dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif tħabbar aktar kmieni din is-sena, Infrastructure Malta għaddejja bi studju nazzjonali mill-aktar komprensiv dwar il-qagħda tat-toroq f’Malta u Għawdex, u li qatt qabel ma sar bħalu f’Malta. L-istudju qed isir b’teknoloġija avvanzata li tagħmel użu minn drones speċjalizzati biex tikseb tagħrif tekniku dettaljat ħafna tal-istat tat-toroq kollha. Permezz ta’ dan l-istudju, li għandu jkun lest sas-sajf, qed tinġabar informazzjoni dettaljata dwar it-toroq sabiex tappoġġja lill-aġenzija fl-ippjanar tal-investiment ta’ €700 miljun li varat din is-sena biex pajjiżna jagħmel qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq matul is-seba’ snin li ġejjin. It-tagħrif miġbur dwar il-kundizzjoni u l-ħsarat fit-toroq għandu jgħin ukoll fil-ħidma ta’ manutenzjoni kontinwa tat-toroq u fit-tfassil ta’ proġetti oħra fil-futur. L-ewwel fażi ta’ dan l-eżerċizzju, li kienet tinvolvi t-teħid ta’ ritratti bi kwalità għolja ħafna tat-toroq kollha f’Malta u Għawdex, tlestiet fil-ġimgħat li għaddew. B’kollox ġew studjati madwar 2,500 kilometru ta’ toroq madwar il-pajjiż. Dawn ir-ritratti issa qed jiġu pproċessati b’sistemi ta’ software avvanzati, u jintużaw biex jinħolqu mapep magħmulin minn sekwenzi ta’ ritratti tat-toroq meħudin mill-ajru (orthophoto maps). B’hekk tiġi żviluppata applikazzjoni ġdida għas-Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika (GIS) li tinkludi l-orthophoto maps tat-toroq kollha b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħsarat u l-kundizzjoni tagħhom. Din is-sistema ser tgħin lil Infrastructure Malta toħloq klassifikazzjoni tat-toroq f’ordni ta’ priorità skont liema jeħtieġ jinbnew mill-ġdid l-ewwel. Fiż-żmien li ġej, se tibqa’ tiġi aġġornata gradwalment b’iżjed dettalji tekniċi biex tkompli ssir dejjem aktar utli għal Infrastructure Malta fl-ippjanar u t-twettiq tal-ħidma tagħha. Fil-ftit xhur kemm ilha mwaqqfa Infrastructure Malta diġà bdiet twettaq diversi proġetti kbar biex ittejjeb is-sistema tat-toroq arterjali u tibni mill-ġdid mijiet ta’ toroq residenzjali u toroq rurali. Dan l-istudju se jipprovdi lill-aġenzija għodda importanti li biha tkompli ssaħħaħ il-ħidma tagħha fi proġetti li qiegħda twettaq, u fl-ippjanar ta’ investimenti oħrajn li se twettaq fil-futur. L-analiżi tal-istat tat-toroq li qed tagħmel bħala parti minn dan l-eżerċizzju, flimkien ma’ studji oħrajn, se jgħinu lil din l-aġenzija tal-Gvern tidentifika liema toroq l-aktar għandhom jingħataw priorità fis-snin li ġejjin. Infrastructure Malta se tkompli taġġorna din is-sistema ġdida b’informazzjoni minn sorsi oħrajn biex tibqa’ twettaq din l-analiżċi sħiħa tal-infrastruttura ta’ pajjiżna. Fl-istess waqt, din l-informazzjoni se tkun ukoll il-bażi li fuqha jitqiesu d-durabilità u l-effettività ta’ metodi differenti għall-bini u l-manutenzjoni tat-toroq matul is-snin.

Xogħol fuq toroq – garanzija ta’ kwalità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9922 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jagħti separatament għal kemm-il sena ser ikunu garantiti bħala kwalità ta' xogħol it-toroq arterjali, distributorji, maġġuri, residenzjali u rurali li saru/qed isiru minn Transport Malta / Infrastructure Malta mill-2017 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed iwettaq investiment bla preċedent sabiex pajjiżna jilħaq il-mira nazzjonali li gradwalment ikollna infrastruttura tat-toroq ta’ l-aqwa kwalità, b’aktar effiċjenza u sikurezza għal dawk li jużawha u bil-kapaċità u s-sistemi kollha meħtieġa biex b’mod sostenibbli tibqa’ twie¿en il-progress soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna anke fil-futur. Minkejja li ma sabitx l-appoġġ tal-Oppożizzjoni, Infrastructure Malta twaqqfet minn dan il-Parlament is-sena li għaddiet biex tiffoka fuq dan l-impenn nazzjonali. Din l-aġenzija mill-ewwel bdiet ħidma bla heda f’ħafna toroq f’kull lokalità. Minbarra proġetti kbar f’toroq arterjali, bħal dawk tal-Marsa Junction Project, il-bini mill-ġdid tal-Marsa-Ħamrun Bypass u t-twessigħ ta’ Triq Diċembru 13, Triq il-Buqana, Triq Reġjonali u Triq tal-Balal, Infrastructure Malta għaddejja wkoll bi programm ta’ ħidma ta’ titjib ta’ mijjiet ta’ toroq oħra, kemm residenzjali kif ukoll dawk fil-kampanja. Bħalissa għaddej ġmielu x-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ madwar 120 triq residenzjali f’ħafna lokalitajiet differenti. Qed jiġu aġġudikati wkoll is-sejħiet għall-offerti għal kuntratt ieħor li permezz tiegħu Infrastructure Malta se tkun qed tibda tibni mill-ġdid 170 triq lokali oħra aktar tard din is-sena. Fl-istess waqt, l-aġenzija qed twettaq ukoll programm ta’ manutenzjoni u tiswijiet ta’ ħafna toroq oħra, bħal ma rajna fil-ġimgħat li għaddew f’aktar minn 17-il triq f’Buġibba u l-Qawra, fi Triq Ħaż-Żabbar, il-Fgura u Triq it-Torri, f’Tas-Sliema, fost oħrajn. Kull xogħol li jsir għandu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu, skont it-tip ta’ triq, l-użu tagħha u n-natura tax-xogħol li jkun qed isir. Bħal ma jaf sew l-Onorevoli Interpellant, il-kuntratti ta’ dawn ix-xogħlijiet ikollhom stipulati perjodi ta’ garanzija, li matulhom il-kuntratturi li jkunu għamlu x-xogħol jinżammu responsabbli għal kull nuqqas li jirriżulta minħabba xogħol jew materjali li ma jkunx sar tajjeb, jew li ma jkunx laħaq l-livelli stabbiliti mitluba minn Infrastructure Malta. It-tul ta’ dawn il-perjodi jvarja skont it-tip ta’ xogħol li jkun sar. Fl-istess waqt, lilhinn mill-iskadenzi tal-garanzija stipulati fil-kuntratti, il-prassi f’dan is-settur hi li fejn jidħlu proġetti ewlenin ta’ bini mill-ġdid ta’ l-istruttura sħiħa ta’ toroq arterjali jew residenzjali, l-infrastruttura li ssir tkun meqjusa li kapaċi sservi 25 sena jew aktar, dejjem jekk tiġi miżmuma tajjeb bit-tiswijiet u l-manutenzjoni perjodika meħtieġa matul is-snin.

Transport Malta – spezzjonijiet lil Malta Public Transport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux isiru spezzjonijiet mill-uffiċjali ta' Transport Malta fuq it-trasport pubbliku provdut mill-Malta Public Transport? Kemm-il default notice ħarġu fir-rigward ta’: (a) karozzi tal-linja li jagħddu full-up u ma jgħabbux nies? (b) karozzi jaqbżu rotot u jħallu nies fuq l-istage? (c) kemm jitgħabbew nies bil-wiefqa aktar min-numru stabbilit? (d) kemm instabu xufiera li la jafu jikkomunikaw bil-Malti u lanqas bl-Ingliż? (e) kemm instabu karozzi tal-linja li ma laħqux il-livell minimu stabbilit ta' ndafa kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra? (f) kemm instabu karozzi tal-linja li ma laħqux il-livell stabbilit ta' apparenza (daqqiet fuq il-karozzi tal-linja, fanali ma jaħdmux, eċċ.)? Jista’ l-Ministru jgħid kemm weħel multi l-operatur tat-Trasport Pubbliku f’kull każ ta’ nuqqas?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li l-uffiċjali ta Transport Malta jwettqu spezzjonijiet ta kuljum fuq vetturi li jintużaw fuq is-servizz tat-Trasport Pubbliku bi skeda. Ta’ min wieħed jinnota li bejn Jannar u Marzu ta din is-sena twettqu il’ fuq min 4,000 spezzjoni f’dak li jirrigwarda saħħa u sigurtà, rekwiżiti li bihom għandhom ikunu mgħammra il-karozzi tal-linja skont il-kuntratt, xufiera, kif ukoll infrastruttura. Issiru wkoll spot checks min diversi lokalitajiet sabiex jiġi nnotat jekk passiġġiera ma jitabbewx minħabba li l-karozza tal-linja tkun mimlija, kif ukoll sabiex jiġi kkonfermat li l-karozzi tal-linja ma jkunux mgħobbija iżjed (overloading) milli huma ċċertifikati li jistu jġorru. Issiru ukoll spot checks fuq l-indafa tal-karozzi tal-linja. Ta min wieħed jinnota li spot checks fuq l-indafa jsiru kmieni filgħodu qabel il-karozzi tal-linja joħorġu fuq is-servizz. Minn fuq dawn l-ispot checks li saru fuq overloading ma irriżulta qatt li kien hemm każi fejn karozza tal-linja kienet mogħbbija aktar minn dak li kienet iċ-ċertifikata li tgħabbi. Għar-rigward li karozza tal-linja li ma tgħabbix passiġġiera minħabba li tkun mimlija, l-ewwel ħaġa li wieħed irrid jinnota hija iż-żieda fil-passiġġiera li s-servizz tat-trasport pubbliku bi skeda qiegħed jesperjenza; fejn is-sena l-oħra inqabżu il-53.4miljun passiġġier, żieda ta’ aktar min 11% fuq is-sena ta’ qabel. Tali żieda kienet esperjenzjata anke fis-sena ta qabel fejn fl-2017 esperjenzjana żieda ta l’fuq min 11% fuq l-2016. Din is-sena ukoll qiegħda turi żieda fil-passiġġieri meta mqabbel ma 2018.Wieħed jifhem li tali żidiet iġġibu magħhom sfidi ġodda. Fejn jiġu nnotati tali inċidenzi titieħħed nota u wara li ssiru spot checks oħra fl-istess lokalita’ jiġi d-determinat jekk ikunx hemm bżonn li tiżdiet il-frekwenza fuq ċertu rotot. Ninforma lill-Onor. Interpellant li tħejja rapport estensiv b’dawn l-inċidenzi u bir-rakkmandazzjonijiet. Dan ir-rapport qiegħed jiġi analizat f’aktar dettall. Tajjeb wieħed jinnota li tali inċidenzi ma jġorrux magħhom penali. Fir-risposta li kienet ingħatat għal mistoqsija parlamentari bin-numru 24225 tal-legizlatura 12, kienet ingħatat spjegazzjoni dettaljata hekk kif jopera il-kuntratt. Fl-istess risposta kien ġie spjegat li, f’nuqqasijiet li jiġu nnotati fejn l-Operatur tat-Trasport Publiku jkun jista’ jirranġa, dan jingħata perjodu ta’ żmien sabiex jirranġa t-tali nuqqasijiet. Il-perjodu li dan jingħata jiddependi jekk in-nuqqas jkunx jirrigwarda s-saħħa u s-sigurta’ jew affarijiet oħra.

Xiri ta’ biljetti minn anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk anzjan tispiċċalu l-card, ikunx jista’ jixtri biljett ta' €0.50 għal ġurnata sħiħa kif kien isir qabel, jew ikollux jħallas €2.00 għal kull vjaġġ ta' sagħtejn sakemm jagħmel it-top up?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li kwalunkwe persuna li ma tużax it-Tallinja Card sabiex tħallas in-noll tat-trasport pubbliku u minnflok tixtri biljett minn fuq il-karozza tal-linja, in-noll jkun ta’ €1.50 fix-xitwa u €2.00 fis-sajf. Bl-introduzzjoni ta’ Tallinja Card għenet sabiex tiżdiet l-effiċjenza tas-servizz. Dan minħabba li l-ħin tat-tgħabbija tal-passiġġieri tnaqqas sew. Tajjeb wieħed jirrimarka li 'l fuq minn 80 fil-mija tal-vjaġġi kollha jisiru permezz tal-użu tal-cards

Xufiera barranin li ma jkunu jafu r-rotot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar sena kienx hemm xufiera barranin li ma kinux jafu r-rotot u għalhekk ħallew il-passiġġieri l-art għax ma jgħaddux mir-rotta li suppost jgħaddu? Jekk fl-affermattiv, kemm kien hemm minn dawn il-każijiet? Jista’ jgħid jekk f'kull każ l-operatur tat-trasport pubbliku weħilx multa u kemm kienet din il-multa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, kwalinkwe non-conformity li tinħareġ minħabba li xufiera ma jsegwux ir-rotta hekk kif preskritt, ma tinħariġx lix-xufier personalment iżda lill-Operatur tat-Trasport Pubbliku li hija kumpanija privata. Għaldaqstant, Transport Malta ma għandiex tali informazzjoni hekk kif qedgħa tiġi rikjesta. Tajjeb wieħed jinnota li non-conformities jinħarġu wara li jiġi assigurat li ma kienx hemm xi għeluq għat-toroq li ma ppermettux il-karozza tal-linja s-segwi l-perkors tagħha.