Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kollaborazzjoni ma’ Ministeri oħra biex tiġi indirizzata l-obeżità fost it-tfal u ż-żgħażagħ

Question

No question text.

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm kollaborazzjoni kontinwa bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u ministeri oħra, inkluż il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Invovazzjoni, sabiex tiġi indirizzata l-obeżità fost it-tfal u ż-żgħażagħ. Din il-kollaborazzjoni tinkludi: •    Programmi ta’ edukazzjoni dwar nutrizzjoni u stil ta’ ħajja b’saħħtu fl-iskejjel, li jippromwovu dieta bilanċjata u tnaqqis fil-konsum ta’ ikel b’ħafna zokkor u xaħam. •    Inizjattivi ta’ attività fiżika fil-kurrikulu tal-iskejjel u barra minnu, inkluż il-promozzjoni tal-HEPA Strategy (Health-Enhancing Physical Activity). •    Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn ġenituri u żgħażagħ dwar l-importanza ta’ ħajja attiva u dieta sana. •    Monitoraġġ u riċerka dwar il-livelli ta’ piż żejjed u obeżità fost it-tfal u ż-żgħażagħ biex jiġu identifikati riskji u miżuri effettivi. •    Regolazzjoni li jinkludi regolament dwar il-prokura tal-ikel fl-iskejjel u servut, sabiex jiġi żgurat li l-prodotti offruti jkunu konformi ma’ linji gwida nutrittivi u jippromwovu dieta sana fost it-tfal. Barra minn hekk, jeżisti Kumitat Konsultattiv dwar l-Istili ta’ Ħajja li joriġina mill-Att dwar l-Istil ta’ Ħajja relatat ma’ Mard Mhux Trasmissibbli (NCD Lifestyle Act). Dan il-kumitat jinkludi rappreżentanti minn diversi ministeri, professjonisti tas-saħħa, esperti fl-edukazzjoni u sport. Il-kumitat jiltaqa’ kull xahar biex jaħdem fuq azzjonijiet ta’ kollaborazzjoni u jagħti pariri dwar proġetti u inizjattivi li jippromwovu ħajja b’saħħitha fosthom prevenzjoni tal-obeżità. Irrid nirrimarka li l-Qafas Nazzjonali dwar il-Mard Mhux Trasmissibbli (NCD Framework) jippromwovi l-prinċipju ta’ Health in All Policies, kif ukoll approċċ ta’ Whole-of-Government u Whole-of-Society, sabiex il-prevenzjoni tal-obeżità u l-promozzjoni ta’ ħajja b’saħħitha jkunu integrati f’kull livell ta’ politika u azzjoni.

Servizz tas-Saħħa Pubbliku – impatt finanzjarju fuq immaniġġar ta’ pazjenti obeżi u dijabetiċi

Question

No question text.

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Interpellant mhiex statistika li tinħadem b'mod regolari mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva. Infurmat li l-aħħar eżerċizzju li sar f'dan ir-rigward kienet publikazzjoni mill-PWC li saret b'kollaborazzjoni mal-Ministeru għas-Saħħa, fejn inħadem l-impatt ekonomiku u finanzjarju tal-obeżità f'Malta.  Dan kien ippubblikat f’Marzu 2017.  Kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Apparat mediku modern kontra d-dijabete

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex jiżdied l-aċċess għall-apparat mediku modern kontra d-dijabete?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm pjanijiet biex jibdew jiġu offruti monitors għall-glukożju u ketoni fid-demm lill-pazjenti bid-dijabete tal-ewwel tip (Type 1). Eventwalment hemm ukoll il-ħsieb li jibdew jingħataw pompi tal-insulina b’sistema ‘hybrid closed loop’ lil settur ta’ pazjenti bid-dijabete (Type 1) u li għandhom 18-il sena jew inqas.

Imwiet kawża tat-tniġġis tal-arja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32006 u jipprovdi data uffiċjali dwar in-numru annwali ta’ mwiet attribwiti għat-tniġġis tal-arja għal kull sena matul l-aħħar għaxar snin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li tipikament l-imwiet mit-tniġġis jiġu rrappurtati bħala ‘estimated attributable mortality’, aktar milli għadd dirett.  Dan għaliex l-imwiet relatati mat-tniġġis ħafna drabi jirriżultaw minn espożizzjoni kronika li taggrava l-kundizzjonijiet sottostanti. L-aġenziji internazzjonali tas-saħħa pubblika jużaw mudelli epidemjoloġiċi biex jorbtu l-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu (bħal PM2.5, NO₂, u ożonu) ma’ riskji akbar ta’ mard bħal mhuma mard tal-qalb, puplesija, kanċer tal-pulmun, u infezzjonijiet respiratorji. Dawn il-mudelli japplikaw fatturi ta’ riskju relattivi derivati ​​minn studji ta’ gruppi kbar għal dejta dwar l-espożizzjoni tal-popolazzjoni, u jipproduċu stimi ta’ mwiet li jkunu prematuri. Minħabba li dawn huma stimi statistiċi, ġeneralment jiġu espressi bħala mwiet annwali attribwibbli għat-tniġġis, mhux bħala ċertifikati tal-mewt individwali li jiċċitaw it-tniġġis bħala l-kawża.

Donazzjoni ta’ katavru – studji xjentifiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm katavri li ngħataw għall-istudji xjentifiċi matul l-2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Baġit allokat għall-prevenzjoni tal-Obeżità u d-Dijabete għas-sena 2025

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-baġit allokat għall-prevenzjoni tal-obeżità u d-dijabete għall-2025 u kif se jintefqu dawn il-fondi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul 2025, saru diversi attivitajiet ta’ informazzjoni inklużi f’lokalitajiet differenti. Matulhom saru taħdidiet f’postijiet tax-xogħol differenti It-taħdidiet kienu jinkludu informazzjoni dwar in-nutrizzjoni u stil ta’ ħajja sana, il-prevenzjoni tal-kanċer, is-saħħa fis-sħana, l-idratazzjoni u s-sikurezza tal-ikel u d-diajbete. Sar taħriġ lill-għalliema dwar ix-energy drinks u s-saħħa mentali. Kien hemm partteċipazzjoni fil-proġett Health4EUKids.  Din hi inizjattiva mifruxa fuq tliet snin għandha l-għan li tippromwovi stili ta’ ħajja tajba għas-saħħa fost familji bit-tfal. L-għan ewlieni huwa prevenzjoni tal-obeżità fit-tfal billi jinkoraġġixxi aktar attività fiżika u dieti.  Malta qed timplementa il-programm best practice Grȕnau Moves. Infurmat li dan il-proġett pilota ġie implimentat fil-komunità tal-Ħamrun.  Il-proġett jippromwovi stili ta’ ħajja aktar b’saħħithom, iżid l-attività fiżika u jindirizza l-obeżità fit-tfal ta’ bejn 4 u 12-il sena kif ukoll fost il-familji tagħhom. Parti sinifikanti mill-investiment tal-proġett kienet relatata mar-riżorsi umani (nutrizjonisti, psikologi, fiżjoterapisti, disinjaturi, amministraturi tal-prokura) b’€65,492 allokati għal spejjeż tal-persunal. Dan sar bis-sehem ta’ għaqdiet volontarji u tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun. Infurmat li billi l-missjoni tad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard hi li nipproteġu, nippromwovu u nappoġġjaw is-saħħa u l-benessri tal-poplu Malti, ġie mniedi programm ġdid għal persuni li jbatu mid-dijabete tat-tip 2, imsejjaħ Care4Diabetes.  Dan hu programm innovattiv ikkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-grant numru 101082427. Il-programm huwa bbażat fuq il-mudell “Reverse Diabetes 2 Now”, żviluppat fl-Olanda u rikonoxxut bħala Best Practice. Care4Diabetes qed jiġi implimentat f’12-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea, billi jqiegħed il-prevenzjoni u l-appoġġ lill-pazjent fil-qalba tas-servizz. Il-programm joffri appoġġ strutturat fuq perjodu ta’ sitt xhur permezz ta’ tim multidixxiplinari li jinkludi tobba, dietisti, infermiera speċjalizzati u psikologi. Il-fokus ewlieni huwa fuq in-nutrizzjoni, l-attività fiżika, is-saħħa mentali, il-kwalità tal-irqad u l-immaniġġjar tal-istress. L-ewwel żewġ ċikli pilota ġew implimentati fl-2024 u fl-2025 fil-gżira Għawdxija, u wrew riżultati pożittivi ħafna. Il-parteċipanti rrappurtaw kontroll aħjar taz-zokkor fid-demm, tnaqqis fid-dipendenza fuq il-medikazzjoni, telf ta’ piż, u titjib fil-benesseri mentali. Dan juri li l-programm mhux biss joffri kura aktar effettiva, iżda jippromwovi wkoll stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu u sostenibbli. Infurmat li saret preżentazzjoni waqt konferenza nazzjonali li saret fil-Forti Sant’Anġlu, bil-parteċipazzjoni ta’ professjonisti mediċi, timijiet multidixxiplinari u esperti fis-saħħa pubblika. Ispejjeż Relatati għas-sena 2025 huwa kif ġej: €83,400 marbuta ma’ dawn l-attivitajiet Imfurmat li matul l-2025 kien hemm kampanja edukattiva nazzjonali “Move to Improve”, liema kampanja ta’ attività fiżika inkludiet reklami fuq it-TV u r-radju, riżorsi bħal vidjows ta’ eżerċizzju, rotot tal-mixi, fuljetti stampati ta’ eżerċizzju u mappa tal-lokalitajiet fuq il-websajt tal-HPDP. Ingħataw sessjonijiet b’xejn għall grupp dwar il-ġestjoni tal-piż “Piz tajjeb tul Ħajtek”. Dan il-programm iseħħ kemm personalment f’lokalitajiet differenti kif ukoll online. Ir-riżorsi meħtieġa swew €98,279

Strateġija Nazzjonali kontra l-Obeżità u d-Dijabete

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex Strateġija Nazzjonali kontra l-Obeżità u d-Dijabete, u jekk iva, x’riżultati konkreti nkisbu s’issa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Il-Gvern jagħraf il-ħtieġa urġenti li tiġi ttrattata l-kwistjoni urġenti tal-obeżità u d-dijabete flimkien ma’ mard ieħor mhux infettiv fost il-popolazzjoni. Dwar it-tnaqqis ta’ piż żejjed u l-obeżita’ tnieda Qafas ta’ Politika  għall-Prevenzjoni ta’ Mard li ma jitteħidx u l-Promozzjoni tal-Benessri ( Policy Framework for the Prevention of Non-Communicable Diseases and the Promotion of Wellbeing ) li se jindirizza diversi aspetti li jiffaċiltaw  l-implimentazzjoni effettiva u jindirizzaw il-politika dwar numru ta’ oqsma tas-saħħa. It-tnaqqis tal-piż żejjed  u l-obeżità huma fost l-oqsma li ħadu attenzjoni speċifika. Tliet strateġiji vertikali separati  joħorġu mill-qafas ta’ politika li jirrelataw mal-obeżita’ li huma Strateġija ta' Ġestjoni ta' Piż u l-Kura tal-Obeżità ( Weight Management and Obesity Care Strategy) li qegħda titfassal , Strateġija ta' Ikel Tajjeb Għas-Saħħa u Nutrizzjoni ( Healthy Eating and Nutrition Strategy ) li qegħda titfassal u Strateġija ta' Attività Fiżika  ( Health-Enhancing Physical Activity Strategy ) li tnedniet f'Ottubru 2025. Malta għandha Strateġija Nazzjonali tad-dijabete li kopriet mis-sena 2015 sa 2020. It-tieni strateġija ġiet imfassla u mibgħuta lill-Kabinet għal konsiderazzjoni  tiegħu u bħalissa qed isiru diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Finanzi dwar il-fondi meħtieġa biex tiġi implimentata din l-istrateġija. Minn meta ġiet varata l-ewwel strateġija tad-dijabete twettqu numru ta’ mizuri, fosthom: ·        Id-dipartiment tal-promozzjoni tas-saħħa u prevenzjoni tal-mard nieda diversi kampanji edukattivi u kotba ta’ informazzjoni u riċetti għal nies li jgħixu b’din il-kundizzjoni. Dan id-dipartiment għadu kif temm proġett pilota ‘Care 4 Diabetes’ li ħares lejn kif il-kura ħolistika ta’ pazjenti li jgħixu bid-dijabete ta’ Tip 2, lil hinn mill-mediċini biss, liema kura ħolistika tista’ tgħin lil dawn in-nies jirregolaw aħjar il-livell taz-zokkor fid-demm. ·        Żdiedu l-mediċini għat-trattament tad-dijabete fuq il-formularju tal-gvern. ·        Infetħet ‘Transition clinic’ f’Mater Dei Hospital għall-adoloxxenti li jkunu se jimxu minn taħt il-kura tal-Pedjatra għal taħt il-kura tal-Konsulent diabetolġiku tal-adulti. ·        Żdiedu n-numru ta’ professjonisti speċjalizzati fuq id-dijabete. ·        Infetaħ ‘ one-stop-shop' għal pazjenti li jgħixu bid-dijabete ġo Qormi Health Center. ·        Beda s-servizz ta’ nurse speċjalizzata fid-dijabete li ddur l-iskejjel fejn ikun hemm tfal li toħorġilhom din il-kundizzjoni biex tipprovdi edukazzjoni u s-sapport neċessarju. ·        Kull pazjent li jgħix bid-dijabete ta’ Tip 1 ingħata Continuos Glucose Monitor ·        Kull pazjent li jgħix bid-dijabete ta’ Tip 2 ingħata Blood glucose monitor biex ikun jista’ jiċċekja l-livell taz-zokkor kuljum. ·        Ġew varati u msaħħa varji servizzi ta’ moniteraġġ fid-dipartiment tal-kura primarja biex jinqabdu fi stadju bikri xi kumplikazzjonijiet li jistgħu ikunu assocjati mad-dijabete. ·        Twaqqfu numru ta’ servizzi wkoll ġewwa Għawdex, fosthom is-servizz ta’ Pedjatra endokrinoloġiku fl-isptar t’Għawdex u klinika fil-Qala biex tara pazjenti b’din il-kundizzjoni u biex toffri numru ta’ screening tests għall-kumplikazzjonijiet li huma assocjati mad-dijabete. Implimentazzjoni b'suċċess ta’ kull strateġija trid tinvolvi d-dipartimenti tal-gvern kollu, fejn is-saħħa trid tiddaħħal bħala prijorita fil-politika kollha tal-gvern (whole-of-government) flimkien ma’ sħubija sħiħa mas-socjeta (whole-of-society). Is-saħħa tal-poplu trid tkun prijorità fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fis-setturi kollha tal-gvern - politika, strateġiji, u servizzi li fis-sens wiesa’ jimpattaw is-saħħa tal-poplu (Health-in-All Policies).

Pjanijiet Nazzjonali biex tiġi indirizzata r-rata ta’ obeżità fost it-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’pjanijiet nazzjonali hemm sabiex tiġi indirizzata r-rata għolja ta’ obeżità fost it-tfal?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jagħraf li r-rata għolja ta’ piż żejjed u obeżità fost it-tfal hija waħda mill-akbar sfidi tas-saħħa pubblika fil-pajjiż, u għalhekk qed jiġi adottat approċċ nazzjonali komprensiv biex din tiġi indirizzata b’mod strutturat u sostenibbli. Barra minn hekk, diġà hemm numru ta’ inizjattivi konkreti mmirati lejn it-tfal u l-familji tagħhom, fosthom edukazzjoni fiżika obbligatorja fl-iskejjel primarji u sekondarji, skema ta’ rifużjoni fuq ix-xiri ta’ roti, u t-tnaqqis fid-dħul taxxabbli għal ġenituri li wliedhom jattendu attivitajiet sportivi ma’ entitajiet approvati mill-Kunsill Malti għall-Isport (SportMalta). Malta qed tipparteċipa wkoll fil-Joint Action Ewropea “Health4EUKids” taħt il-programm EU4Health, li tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-obeżità fit-tfal permezz ta’ interventi fil-familja, l-iskejjel u l-komunità. F’Settembru 2025 tnediet il-qafas nazzjonali għall- Policy Framework for the Prevention of Non-Communicable Diseases and the Promotion of Wellbeing, li jinkludi sezzjonijiet speċifiċi dwar in-nutrizzjoni, l-attività fiżika u l-obeżità. F’Ottubru 2025 ġiet imnedija wkoll il-Health-Enhancing Physical Activity Strategy, li tinkludi azzjonijiet konkreti biex tiġi mħeġġa l-attività fiżika regolari fil-komunità u fl-iskejjel. Parallelamment, bħalissa qegħdin jiġu żviluppati l-Healthy Eating and Nutrition Strategy u l-Weight Management and Obesity Care Strategy, li t-tnejn jinkludu taqsimiet ddedikati għat-tfal u ż-żgħażagħ, kemm fuq il-prevenzjoni kif ukoll fuq il-kura tal-piż żejjed u l-obeżità. L-implimentazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi u strateġiji qed issir b’mod intersettorjali, flimkien ma’ ministeri oħra, l-iskejjel, il-kunsilli lokali, SportMalta u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, skont il-prinċipju ta’ Health-in-All Policies, sabiex jinħoloq ambjent li jiffaċilita ikel aktar nutrittiv, attività fiżika regolari u servizzi ta’ appoġġ adattati għat-tfal u għall-familji tagħhom. Infakkar lill-Onor. Interpellant li din s-sena, l-Gvern offra liż-żgħażagħ l-opportunità ta’ s-sħubija f’gym tal-għażla tagħhom. Din il-miżura ġiet estiża għall-2026 liż-żgħażagħ għall-etajiet ta’ bejn 16 - 21 sena. Din il-miżura għandha tħeġġeġ aktar żgħażagħ jgħażlu li jkunu fiżikament attivi u possibilment jindirizzaw l-obeżità.

Pazjenti li qed jirċievu trattamenti jew mediċini kontra d-dijabete mill-POYC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li bħalissa qed jirċievu trattament jew mediċini kontra d-dijabete mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 30409.

Każijiet ġodda ta’ dijabete

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm-il każ ġdid ta’ dijabete ġie dijanostikat fis-servizzi tas-saħħa pubbliċi fl-2023 u fl-2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul l-2023, kien hemm 3,159 pazjent ġdid li ġie dijanostikat bid-dijabete.  Fl-2024 kien hemm 3,518 pazjent ġdid ieħor.

Popolazzjoni Maltija li huma kklassifikati bħala obeżi jew overweight

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-perċentwali tal-popolazzjoni Maltija adulta u taż-żgħażagħ li bħalissa huma kklassifikati bħala obeżi jew overweight, u kif inbidlet din iċ-ċifra fl-aħħar ħames snin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 26636.

Formularju tal-Gvern – Alendronic Acid 70 mg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb jew meta se jkunu inklużi fil-Formularju tal-Gvern, l-Alendronic Acid 70 mg tablets?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li din is-sena fil-formularju tal-Gvern daħlet il-kategorija mediċinali ta’ ‘ oral bisphosphonate ’. Bħalissa, il-mediċina li qed tinxtara minn din il-kategorija hija l-‘Ibandronic acid’.

FSWS, CRPD u Aġenzija Sapport – Speech Therapists, Physiotherapists u Occupational Therapists

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Speech Therapists, Physiotherapists u Occupational Therapists jaħdmu mal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u ma’ Aġenzija Sapport?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministri kkonċernati.

Skola Medika – Health Village fl-Isptar San Luqa – Pjanijiet preżentati lill-Awtorità tal-Ippjanar

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanijiet li ppreżenta lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jalloka l-iskola medika fil-‘Health Village’ fl-Isptar San Luqa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 32368.