Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-breakwater f'Marsaxlokk u xogħlijiet relatati? Jista' jgħid kemm se jkun qed jiswa dan il-proġett u x-xogħlijiet relatati miegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li diġà saret applikazzjoni lill-MEPA biex il-breakwater li hemm f’Delimara jiġi estiż u jsirulu t-tiswijiet meħtieġa. F’din l-istess applikazzjoni hemm propost li jinbena breakwater ieħor fil-ponta tal-Qrejten. Dawn iż-żewġ strutturi huma proposti skont riżultati ta’ studju matematiku idrodinamiku fuq il-port ta’ M’Xlokk.Peress li din l-applikazzjoni għadha fi stadju ta’ konsiderazzjoni mill-MEPA, ebda xogħol ma jista' jinbeda fuq dawn iż-żewġ breakwaters.
L-istima tax-xogħol biex jinbnew dawn iż-żewġ
breakwaters
tlaħaq is-somma ta’ €14,000,000.
Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li f’M’ Xlokk hemm
breakwater
ieħor li huwa tal-Freeport liema xogħol jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tat-Transport Malta. Għalhekk jekk qed jirreferi għal dan nitolbu jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex minn mindu l-Korporazzjoni Enemalta ma baqgħetx tbiegħ thin fuel oil minħabba l-irwejjaħ, l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi ma baqgħetx tippubblika l-gwida ta' prezz? Huwa minnu li l-uniku supplier għolla l-prezz għaliex mhemmx ir-rażan tal-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33163, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi dwar din is-siġra qed jistenna l-permess tad-Dipartiment tal-Agrikoltura u l-pariri tekniċi tiegħu meta qed jingħad f'din il-mistoqsija li d-devoluzzjoni għaddiet lill-kunsill lokali meta hemm korrispondenza ċara bejn il-kunsill lokali u d-Dipartiment tal-Agrikoltura? Jista' jgħid jekk din is-siġra tistax tkun relokata minħabba l-ħsara li qed tikkawża lid-djar tan-nies?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ir-rwol prinċipali tad-Dipartiment tal-Agrikoltura f’każijiet bħal dawn huwa li jagħti pariri tekniċi lill-Kunsilli Lokali u anki biex l-istess Kunsilli jkunu jistgħu jwieġbu għall-ilmenti mressqa mir-residenti.
NInsab infurmat li Spetturi tad-Dipartiment tal-Agrikoltura diġa marru darbtejn biex jaraw il-każ wara li id-Dipartiment kien irċieva ittra mill Kunsill. Sfortunatament fiż-żewġ każijiet ir-resident ma kienx hemm biex jispeċifika s-siġra in kwistjoni.
Id-Dipartiment irrisponda b’żewġ ittri lill-Kunsill Lokali fejn għarrfu li f’każijiet bħal dawn ir-residenti għandhom jipproduċu rapport mill-perit tagħhom biex wara tkun tista’ issir il-verifika meħtieġa mill-ispetturi tad-Dipartiment.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus imħallas tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru tiegħu, kif ukoll minn entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, lill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien l-ammont ta' flus imħallas lill-kumpanija, li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament li jifforma parti minnha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul dawn l-aħħar ħames snin l-ammont totali ta' flus imħallas lill-avukat u l-kumpanija imsemmija mil-Ministeru tiegħu, kif ukoll minn entitajiet kollha li jaqgħu taħtu kien ta’ €826.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-direttorat tal-agrikoltura għadu ma ħax il-miżuri sabiex jaqla' s-siġar mill-post li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament ġaladarba l-permess meħtieġ ingħata permezz ta' ittra li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatment?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li biex tinqala’ siġra partikolarment ta’ speċi protetta huwa meħtieġ il-‘clearance’ tad-Dipartiment tal-Agrikoltura, ir-responsabbiltà tal-qlugħ tas-siġra konċernata taqa’ fuq min huwa responsabbli mis-sit fejn hemm is-siġra.
Minn ispezzjoni li saret fuq is-sit, is-siġar in kwistjoni jinsabu fuq bankina pubblika f’ Housing Eastate u għalhekk ix-xogħol meħtieg fis-sit konċernat mhuwiex responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Agrikoltura.
Jista' l-Ministru jgħid meta beda l-proġett tat-tkattir tal-għasafar tal-għana fl-Għemmieri f'Malta u f'Għawdex; x'inhu l-iskop ta' dan il-proġett, kemm-il speċi ta' għasafar tal-għana qed jitkattru u x'kienu r-riżultati ta' dan il-proġett? Kemm intnefqu flus s'issa fuq dan il-proġett u hemm ħsieb ta' xi għajnuna minn fondi tal-Unjoni Ewropea għalih?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura.
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex fl-aħħar erba' xhur tas-sena 2011 ġie prodott inqas laħam għas-suq lokali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant dan is-settur ta’ produzzjoni ta’ laħam huwa wieħed privat u bħal kull settur ieħor ta’ attività ekonomika l-ilħuq tad-domanda tiddependi mill-kompettitivtà tas-settur, però niġbed l-attenzjoni li mhux il-prodott tal-laħam kollu naqas.
Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix kriżi u problema fil-produzzjoni tal-majjal? Jekk hawn skarsezza tal-majjal lokali, minn xiex ġiet ikkawżata u x'qed isir biex din tiġi megħluba?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li . dan it-tnaqqis fis-settur huwa attribwit għal ħames fatturi:
numru mill-produtturi ssospendew l-operat tagħhom peress li għadhom mhux deċiżi jekk jinvestux fl-irziezet tagħhom biex jilħqu l-istandards minimi ta' trattament xieraq tal-Annimali trobbija tal-Majjal.
numru ieħor li qiegħdin jipproduċu mhumiex qegħdin joperaw b’mod effiċjenti biżżejjed bir-riżultat li mhux jilħqu l-produzzjoni pproġettata.
fuq talba tal-koperativa stess, il-Gvern assista biex majjal ta’ piż aktar minn dak sodisfaċenti (83kg) jinqatel minn fuq l-irziezet. Dan il-majjal kien jikkontrubwixxi ħafna għall-ineffiċċenzji tas-settur.
Il-Gvern esiġa li kull raħħal għandhu jtejjeb l-apparat tiegħu u jieħu 24 qasquż minn kull majjala flok is-sittax il-qasuż li kien jiġri qabel. B’ hekk in-numru ta’ majjaliet fuq l-irziezet tonqos u f’ dan il-perjodu r-raħħala qed jaddattaw għal dawn ir-regoli ġodda.
Il-Gvern assista wkoll lill-KIM permezz ta’ infrastruttura u loġistika biex il-laħam jinbiegħ għall-ipproċessar.
Produzzjoni tal-laħam tal-majjal lokali — sitwazzjoni għan-normal
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta jaħseb li l-produzzjoni tal-laħam tal-majjal lokali se tkun lura għan-normal u biżżejjed għas-suq lokali? Jista' jgħid jekk huwiex veru li din il-problema tista' ddum anke sa sena oħra minn tal-inqas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32691.
Ninnota ukoll b’ sodisfazzjon li għall-ewwel darba il-KIM ikkonkludiet kuntratti fit-tul mal-proċessuri u għaldaqstant qIegħda f pożizzjoni aħjar biex tippjana l-produzzjoni tagħha fit-tul.
Wasteserv — informazzjoni dwar middle u top management
Question
Jista' l-Ministru jgħid, matul din il-leġislatura, kemm kien hemm riżenji, tkeċċijiet, ħatriet ġodda u/jew ħolqien ta' karigi ġodda fl-istruttura tal-middle u top management tal-Wasteserv u meta seħħew? Hemm xi diretturi tal-kumpanija li għandhom xi rwol eżekuttiv fit-tmexxija jew management tal-istess kumpanija? Hemm xi uffiċjali li qed jservu bħala liaison bejn il-kumpanija u l-ministeru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li ninforma lill-Onor Interpellant li fil-perjodu imsemmi ma seħħewx tkeċċijiet u li r-riżenji kienu kollha volontarji jew meta l-individwu rtira inkella mat-tmiem tal-kuntratt, ninfurmah illi l-Waste Serv ma għanda l-ebda diretturi tal-kumpanija li għandhu xi rwol eżekuttiv fit-tmexxija jew management tal-istess kumpanija.
Ic-chairman u d-diretturi tal-bord tal-Wasteserv huma maħtura mill-Gvern u għalhekk jaqdu funzzjoni ta’
laison
bejn il-kumpanija u x-shareholder priċipali li huwa l-Gvern.
Ninformah li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.
B’referenza għall-figuri mogħtija dwar enerġija ġġenerata mill-iskart, jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-figuri ta' din l-enerġija li ġew prodotti mis-sewage treatment plant,mill-landfill gasu mis-solid waste treatment plant ta' Sant'Antnin separatament? Din l-informazzjoni tista' tingħata b'mod komparattiv mal-figuri li suppost kellhom jiġu prodotti minn dawn l-istess għejuni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet mressqa mill-istess Interpellant, numri 32846 u 32316, ninfurmah li l-enerġija miġbura mil-landfills kienet ta’ 2.18GWh taħt forma termika.
Rigward l-informazzjoni mitluba dwar is-
sewage treatment plant
nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment li hu responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
tariffa feed-in għal min jipproduċi nerġija mir-riħ
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-gvern ikunx lest li joħloq tariffa feed-in għal min, partikolarment bdiewa u raħħala li għandhom l-irdieden, kapaċi jipproduċi enerġija mir-riħ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà teżisti ‘feed-in tariff’ li hija bbażata fuq il-"marginal cost" tal-Enemalta kif ikun stabbilit kull sena. L-elettriku ġġenerat jista’ jigi jew ikkunsmat fil-post jew mibjugħ lill-Enemalta skont din il-feed-in tariff.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi talba lill-Ministeru ħalli jkun jista' jgħin fir-restwar tant meħtieġ li l-knisja parrokjali taż-Żejtun tant għandha bżonn?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nikkonferma li dan il-Ministeru rċieva talba ta’ għajnuna għar-restawr tal-knisja parrokjali taż-Żejtun liema talba qiegħda ttitieħed konsiderazzjoni tagħha flimkien ma’ ħafna talbiet oħra minn parroċċi oħra.
Marsaxlokk — Ġibjun tas-Silġ qrib kamra tan-nar taż-Żejtun
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ilma fil-ġibjun tas-Silġ limiti ta' Marsaxlokk u li jinsab qrib il-kamra tan-nar taż-Żejtun mhux qed jasal?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment li hu responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — impjegati self employed
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32408 u jgħid kemm hemm persuni li huma self-employed u li qed jaħdmu fil-Ministeru jew fid-dipartiment jew f'xi entità oħra li taqa' taħt ir-responsabbiltà politika tiegħu? X’inhu x-xogħol li dawn il-persuni qed jagħmlu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jiddikjara x'inhi l-politika tiegħu u x'pożizzjoni qed jieħu meta jkun qed jiddiskuti ġewwa Brussels dwar ir-reviżjoni tas-CFP li qed jiġi diskuss issa fl-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Memorandum tal-pożizzjoni ta’ Malta, liema dokument ġie sottomess lill-Kumitat tal-Kamra għall-Affarijiet Ewropej. Qiegħed ukoll inpoġġi kopja ta’ żewġ stqarrijiet pubbliċi fuq l-istess suġġett.
Importazzjoni ta' laħam taċ-ċanga, fniek, tiġieġ u majjal
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm jiġu importati laħam taċ-ċanga/fniek/tiġieġ u majjal permezz tal-baħar u kif ukoll permezz tal-Katamaran bejn Malta u Sqallija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika jekk huwiex qiegħed jirreferi għal importazzjoni, jiġifieri minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, jew movement ta’ prodotti fis-suq interni, jiġifieri minn stati membri.
Prodotti ta' ħaxix, laħam u frott — post tal-oriġinu
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-prodotti kollha li jidħlu f'Malta ta' ħaxix, laħam u frott ikollhomx il-post tal-oriġinu tagħhom fuq il-prodott qabel ma dawn jkunu jistgħu jiġu kkunsmati mill-konsumatur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li rigward il-frott u l-ħxejjex li jiġu importati f'Malta minn pajjizi terzi dawn għandhom ikollhom indikat il-pajjiż ta' l-oriġini.
Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward ta’ prodotti ta’ laħam, fil-Komunità Ewropeja hemm regoli speċifici ta’ tikketjar u mmarkar tal-laħam u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali. Dawn il-provedimenti ma humiex l-istess għall-laħam kollu għaliex il-provedimenti huma bbażati fuq ir-riskju għas-saħħa pubblika. Għalhekk l-iktar provvedimenti iebsa huma fiċ-ċanga minħabba il-kontrolli tal-BSE. Iċ-ċanga trid iġġorr sa kemm tinbiegħ l-informazjoni ta’ fejn twieldet, fejn kibret, fejn inqatlet u fejn ġiet maħduma jekk ikun prodott. Ħafna minn din l-informazjoni tikkonsisti f’ numri tal-approvazioni tal-istabbiliment li għaddiet minnhom u l-pajjizi ta’ fejn twieldet u fejn kibret. It-tieni provvediment huwa fil-laħam tat-tiġieġ u dan minħabba l-Avian influenza. Dawn il-provvedimenti ma humiex iebsa daqs taċ-ċanga u ma għandhomx id-dettalji ta fejn twieldu u fejn kibru iżda jkollhom ta’ fejn inħadmu.
Il-laħam l-ieħor kollu jsegwi l-provvedimenti ġenerali li għandhom kontrolli ta’ l-annimali qabel il-qatla u mmarkar tal-istabbilimenti fejn inqatlu u fejn inħadmu jew gew ippakjati il-prodotti.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — informazzjoni dwar festini u riċivimenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32304 u 31963 u jagħti breakdowns separati tal-infiq fuq diversi festini u riċevimenti li hu u/jew il-Ministeru tiegħu organizza matul din il-leġislatura fl-okkażjoni tal-ftuħ ta' diversi proġetti infrastrutturali u/jew ambjentali madwar il-gżejjer Maltin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.