Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Awtoritajiet u korporazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll min huma ċ-chairpersons, diretturi, u chief executive officers ta' kull waħda minnhom u x'inhuma s-salarji u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ma hemmx awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Direttivi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu matul din is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fis-sena 2024 u għalhekk m’għandu l-ebda Direttiva li għadha pendenti.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Rapporti ta' fastidji sesswali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19407 u jgħid kemm-il rapport ta' fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol kien hemm fil-Ministeru jew fl-entitajiet li jaqgħu taħtu, mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jipprovdi wkoll l-eżitu u x'passi ttieħdu fuq kull każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li jirriżulta li kien hemm ħames rapporti ta’ fastidju sesswali. F'kull każ ittieħdu l-proċeduri/passi amministrattivi relattivi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il Kunsill Lokali għandu Segretarju Eżekuttiv full-time u jgħid liema huma? Jista' jgħid ukoll kemm-il Kunsill Lokali ma għandux Segretarju Eżekuttiv full-time u liema huma u kif qegħdin joperaw dawn l-istess Kunsilli Lokali (pereżempju Aġent Segretarju Eżekuttiv, Deputat Segretarju Eżekuttiv, eċċ.)? X'miżuri qegħdin jittieħdu mill-Gvern biex kull Kunsill Lokali jkollu Segretarju Eżekuttiv full-time?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba u mgħoddija lili mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali.
Ninsab infurmat li d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali iddiskutiet mal-awtoritajiet kompetenti biex il-proċess ta’ ingaġġar isir aktar effiċjenti. Filwaqt li jsir dan, ikunu l-Kunsilli innifishom li fl-aħħar mill-aħħar jagħżlu s-Segretarju Eżekuttiv.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet li hemm, x’xogħlijiet hemm skedati fuq dik li kienet ir-residenza tar-Reġina Eliżabetta II fi Gwardamanġa - u jgħid meta dawn ix-xogħlijiet mistennija li jkunu lesti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li wara l-preparazzjonijiet u l-istudji kollha meħtieġa, wara l-ħruġ tal-permessi neċessarji, u wara xogħlijiet ta’ emerġenza mwettqa minn Heritage Malta, ġie ppubblikat l-ewwel tender għax-xogħol ta’ restawr f’Villa Guardamangia CT3024/24 ftit ġimgħat ilu.
Is-sena d-dieħla se jiġi ppubblikat tender ieħor għal finishes u faċilitajiet ta’ interpretazzjoni. Ix-xogħol mistenni jibda s-sena d-dieħla u għandu jieħu madwar ħames snin. Sadanittant l-aġenzija applikat ukoll għall-fondi tal-EU għal dan il-proġett. Il-fondi (€10m) ġew ikkonfermati l-ġimgħa l-oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21689 u 22550 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid minn meta nfetaħ Ġnien Kottonera f’Bormla f’2007, x’kienet il-manutenzjoni li saret f’dan il-ġnien u kemm intefqu flus sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li għandhom minn 65 sena 'l fuq, li jaħdmu fid-dekasteru tiegħu? Jekk hemm, jista' jgħid kemm huwa n-numru ta’ dawn il-ħaddiema, skala skala, u jekk humiex tal-kuntrattur?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21443.
Ninsab infurmat li hemm 5 persuni li għandhom minn 65 sena 'l fuq, li jaħdmu fi skali varji fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. L-ebda wieħed mill-ħaddiema huwa tal-kuntrattur.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Uffiċjali bl-ogħla pakkett finanzjarju annwali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iktar għaxar uffiċjali fi ħdan il-Ministeru tiegħu bl-ogħla pakkett finanzjarju annwali? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-pakkett finanzjarju ta' kull wieħed minnhom u x'jinkludi?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-pożizzjonijiet fl-istrutturi tas-Servizz Pubbliku huma marbuta ma' skali skont il-kategorija li jappartjenu. U għaldaqstant il-pakkett finanzjarju huwa marbut ma' dik il-kategorija dejjem hekk kif approvat jew maqbul fi ftehim tal-kategorija.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21687, jista' l-Ministru jgħid meta uffiċjalment kellu jitlesta l-proġett tal-Ground Delceppo f'Bormla?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif diġà weġibt, il-Kunsill Lokali ta' Bormla informani li s'issa tlestiet kompletament il-fażi ewlenija u l-faċilitajiet infetħu għall-pubbliku. Il-fażi li jmiss tinkludi changing rooms u kafeterija u din hija ppjanata li titlesta fl-ewwel kwart tas-sena 2026.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Rockestra 2025 qiegħda tiġi reklamata li se tittella’ fit-12 ta’ April 2025? Peress li din id-data tiġi fil-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-għada tad-Duluri, jista’ jgħid ta’ min kienet din id-deċi¿joni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kunċert Rockestra ma jiġix organizzat mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali jew minn xi entità fi ħdanu.
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn it-tieni sitt xhur tas-sena 2024?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul it-tieni sitt xhur tas-sena mistenni nattendi għall-Kunsill tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport li se jsir bejn il-25 u s-26 ta’ Novembru.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema xahar u sena huwa ppjanat li l-playing field ġewwa Triq ta' Ġokk fix-Xewkija, Għawdex li taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kunsill Lokali, hux ser tiġi rranġata u meta ser issir il-manutenzjoni meħtieġa peress li din il-playing field u open space jinsabu fi stat ħażin għal min jiffrekwentahom? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb jew possibiltà li dan l-ispazju jitkabbar? Jista’ jgħid ukoll jekk tħejjewx is-sejħiet għal offerti u jekk ġewx ippubblikati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija li ser jerġgħu jiġu evalwati l-pjanijiet li kien hemm għall-imsemmi proġett mill-Kunsill preċedenti. F’dan l-istadju għadhom ma ttiħdux id-deċiżjonijiet relatati.
Ix-Xewkija — Triq it-Tabib Anton Tabone - Bozoz pubbliċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitranġaw il-bozoz pubbliċi fi Triq it-Tabib Anton Tabone, magħruf bħala l-Qasam, il-parti li tagħmel mal-Kunsill tax-Xewkija, fid-dawl li dawn ilhom mitfija għal diversi ġimgħat u hemm periklu kbir kemm għas-sewwieqa kif ukoll għall-persuni li jużaw din l-imsemmija triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija li l-kuntrattur inkarigat qed jistenna li jaslulu xi parts biex ikunu jistgħu isiru t-tiswijiet fuq il-bozoz li hemm irrappurtati bil-ħsara madwar ix-Xewkija fosthom tat-Triq it-Tabib Anton Tabone.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22129, jista' l-Ministru jgħid fejn jinsab ir-repositorju tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali li fih tinsab il-ġebla storika li ġiet ritornata lura mill-individwu msemmi fl-istess mistoqsija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li r-repożitorju tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali jinstab f’parti mill-binja ta “St. Clement Casement” Cottonera Bastions, Cospicua.
Knejjes u kappelli – Għajnuna finanzjarja għal rinovar u xogħlijiet oħra
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se tingħata għajnuna għall-ispejjeż ta' rinovar jew xi xogħlijiet oħra li għandhom bżonn isiru fil-knejjes u fil-kappelli? Jekk iva, jista’ jgħid liema knejjes u kappelli se tingħathalhom din l-għajnuna?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni huwa nvolut f'diversi proġetti relatati ma’ Knejjes u kappelli madwar Malta.
Dawn il-proġetti jkopru varjetà ta’ xogħlijiet, li jvarjaw mir-restawr ta’ faċċati sa manutenzjoni strutturali.
Il-progetti kurrenti (kemm fi stadju ta’ implimentazzjoni u kif ukoll fi stadju ta’ ippjanar) huma:
• Ħal Tarxien: Kappella Storika ta’ San Ġu¿epp u l-Bazaar tal-Fondazzjoni Jean Antide
• Ħal Lija: Il-Knisja l-Parrokkjali l-Qadima tas-Salvatur
• Ħaż-Zebbuġ: Il-Knisja tal-Madonna tad-Dawl
• Ħal-Qormi: Ħajt taz-Zuntier tal-Knisja Kolleggjata San Ġorġ, Triq il-Kbira
• Iż-Żejtun: Il-Kappella ta' Santa Marija tal-Ħlas, Misraħ Santa Marija
• Il-Mellieħa: Monument skulturali mal-Knisja Parrokkjali tal-Manikata, Misraħ il-Parroċċa
• Ħal-Tarxien: Faċċata ta’ All-Souls Cemetery and Risen Lord Church and Cemetery complex (Tal-Erwieħ), Triq Santa Tereża u Sqaq l-Erwieħ
• Birkirkara: Kampnar tal-Kappella tal-Vitorja, Triq il-Vitorja
• Ħal Safi: Restawr ta' Swali fiċ-Ċentru Parrokkjali
• Iż-Żurrieq: Il-Knisja ta' San Bert
• Il-Marsa: Il-faċċata tal-Parroċċa tat-Trinità
• Iż-Żejtun: Il-faċċata ta' wara tal-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun
• Il-Belt Valletta: Il-Knisja tal-Ġi¿witi (minn ġewwa)
• Is-Siġġiewi: Konsolidament fil-Blat u Restawr tal-Knisja tal-Lunzjata
• Il-Furjana: Tiswija tal-koppla ta' Sarria
• Bormla: Restawr tal-monasteru ta' Santa Margerita
• Birkirkara: Konsolidament strutturali fil-Knisja Parrokkjali ta' Santa Marija
Ninsab infurmat ukoll li barra minn dawn il-proġetti msemmija, id-dipartiment qed jiffinanzja wkoll diversi inizjattivi ta’ restawr permezz tal-Iskema Restoration Funding Scheme li tinħareġ flimkien mal-Kunsill tal-Arti, li hija ffukata fuq ir-restawr ta’ immobbli fil-knejjes u l-kappelli.
• Restawr u Konservazzjoni tal-Altari fil-Knisja Parrokkjali l-Qadima ta' San Ġiljan
• Restawr tal-Altar tal-Kappella ta' Sant'Anna - Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt Valletta
• Konservazzjoni u Restawr tal-kwadru titulari tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija, Vittoriosa
• Restawr tal-pittura tal-Madonna Immakulata, is-Siġġiewi
• Tlesti l-proċess ta' restawr tal-arloġġ fil-Knisja ta' San Pawl, Birkirkara
• Restawr tal-biben tal-Parrocca ta’ Ħal-Luqa
• Restawr tal-Bradella tal-Istatwa ta' San Lawrenz, Vittoriosa
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti ta’ rwejjaħ fil-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid matul l-aħħar 12-il xahar u x’passi ħa l-Kunsill Lokali fuq dawn l-ilmenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li ma rċieva l-ebda rapport ta' rwejjaħ matul il-perjodu indikat.
Għalkemm il-Kunsill ma rċieva l-ebda lment uffiċjali dwar rwejjaħ, segwa ilmenti minn residenti li saru fuq il-medja soċjali u kellu laqgħat mal-ERA, Wasteserv u l-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20269 u jgħid liema kienet l-aġenzija tar-reklamar għal dawn ir-reklami li xxandru fuq TVM u min ħallas għalihom:
i. Riklam - Kirkop Music Festival li ttella’ fit-22 ta’ Ġunju 2024;
ii. Riklam - Għaxaq Music Festival li ttella’ fl-24 ta’ Lulju 2024?
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21121, jista' l-Ministru jagħti x’safar kienu involuti fih uffiċjali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali (DLG) mill-bidu tas-sena 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kif u minn min kienet iffurmata kull delegazzjoni u mil-liema vot ittieħdu l-fondi? X’kien il-benefiċċju għad-Dipartiment u l-Kunsilli Lokali li ħareġ minn kull safra?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba u mgħoddija lili mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol ta' tisbiħ sar sabiex tiġi msebbħa l-playing field li hemm ġewwa t-Triq Ta' Marżiena fis-Sannat, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm flejjes intefqu jew se jintefqu u jekk kienx hemm ukoll installazzjoni ta' sistemi ġodda ta' dawl u playing equipments u affarijiet oħra relatati? Jista’ jgħid ukoll għaliex f'dawn l-aħħar ġimgħat l-entratura prinċipali ta' din il-playing field ingħalqet bil-barriers tal-ħadid b'konsegwenza li din il-playing field ingħalqet kompletament għall-pubbliku u ma tistax tintuża u titgawda mill-pubbliku?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat li x-xogħol ta' tisbiħ fil-playing field tat-Triq Ta' Marżiena jikkonsisti f’tibdil ta’ dawl dekorattiv u tagħmir tal-logħob tat-tfal. In-nefqa ser tkun €54,497.65 (esk. VAT). L-installazzjoni tad-dawl ġdid konformi mal-istandards rekwisiti huwa lest, filwaqt li t-tagħmir tal-logħob qiegħed fil-proċess li jiġi nstallat. Bħalissa l-playing field jinsab magħluq sabiex ma jkunx hemm periklu għall-pubbliku waqt li qed isiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Segretarjat għall-Gvern Lokali - rendikont ta' nefqa f'attivitajiet ta' relazzjonijiet pubbliċi
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretjaru Parlamentari għall-Gvern Lokali u jagħti rendikont dettaljat tan-nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi li saru mis-Segretarjat Parlamentari u minn kull entità li taqa’ taħtha għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-23 ta’ Settembru 2024? Għal kull attività, jista’ jagħti:
a. L-isem l-attivita;
b. L-iskop tal-attività;
c. It-tip ta’ attività (press conference eċċ.);
d. Id-Data tal-attività;
e. Il-post fejn saret;
f. Rendikont dettaljat tan-nefqa (kiri tal-post, backdrops, sistema tas-sound, dwal, materjal ippubblikat, eċċ); u
g. Reklamar u/jew promozzjoni marbuta mal-attività?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif l-Onor. Interpellant konxja, ladarba kienet hi wkoll tagħmel parti f’tim ta’ tmexxija għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili, it-tagħrif speċifiku mitlub diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati.
Ninformaha li l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintużaw aktar minn darba f’attivitajiet simili, bħal pereżempju kif inhu l-każ f’kampanji li jtulu.