Aġenzija Malta Libraries – sejħa għal Chief Officer
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31219 u jgħid jekk l-aħħar sejħa għall-Chief Officer (COO) fl-Aġenzija Malta Libraries saritx kif titlob id-Direttiva tas-settur pubbliku? Jista’ jgħid xi kwalifiki għandha l-persuna fl-oqsma tax-Xjenza tal-Libreriji u l-Arkivjar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna maħtura mill-predeċessur tiegħi u rikonfermata minni bħala COO hi persuna kompetenti kemm akkademikament u kemm mil-lat ta' esperjenza twila.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali - Ħlas lil awtoritajiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallset flus is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Nazzjonali lill-awtoritajiet li ma jaqgħux taħt il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jipprovdi lista dettaljata tas-servizzi u spejjeż?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għar-rapporti annwali tas-Sovraintendenza għall-Patrimonju Kulturali li jiġu ppreżentati kull sena fuq il-Mejda ta' din l-istess Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li qegħdin jitħallsu jew jingħataw xi forma ta' benefiċċji minn xi Awtorità jew entità oħra li ma taqax taħt il-Ministru responsabbli minn Heritage Malta?
Jista' l-Ministru jgħid min huwa l-avukat tad-Direttorat tal-Kultura? Jista’ jgħid ukoll jekk għandux irwoli oħra f’dan id-Direttorat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li d-direttorat tal-Kultura m'għandux avukat impjegat direttament mieghu, iżda jagħmel użu minn wieħed fuq bażi ta' contract for service.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31124, jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għal caravans ġewwa n-Naxxar minn Mejju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif inġabret mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar. Il-permessi għal Caravans huma meħtieġa biss bejn 1 ta’ Ġunju u 30 ta’ Settembru.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31141, jista’ l-Ministru jara li sakemm issir iż-zebra crossing fi Triq l-Isqajjaq f’Ħal Tarxien, ikun hemm xi dawl biex jitnaqqas il-periklu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Ħal Tarxien ser jiddiskuti fil-laqgħa li jmiss, il-possibilità li titwaħħal bozza b’mod temporanju.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31142 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30867, jista’ l-Ministru jara li l-parti magħrufa bħala d-De Guiral Battery taħt Sant Anġlu fil-Birgu tinżamm aħjar mis-CWG Consortium imsemmija fl-istess tweġiba?
B’referenza għall-pompa tal-petrol li ilha ma tintuża u li qiegħda fil-Promenade ta’ Tas-Sliema, li ritratt tal-pompa qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jispjega għaliex din il-pompa qed titħalla f’din il-kundizzjoni? Jista’ jgħid ukoll għaliex il-pjattaforma tal-metall ta’ din il-pompa tal-petrol ma tneħħietx, li ritratt tagħha ukoll qed jingħata separatament, peress li tista’ tikkawża korrimenti lil dawk li jkunu mexjin jew jiġru tul il-promenade?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill- Ministeru kkoncernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31241 li originarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jispjega l-proċedura ta’ kif jiġi deċiż fejn, kif u meta jsir bus shelter? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-kriterji?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor interpellant jagħmel referenza għall-Mistoqsija Parlamentaru numru 26510.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31240 li originarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jispjega għalfejn qatt ma sar bus shelter fil-bus stop ta’ Triq Aldo Moro (fiż-żona ta’ taħt il-bridge fuq iż-żewġ naħat) ladarba hemm biżżejjed spazju u anke għaliex l-ammont ta’ nies li jirkbu minn hemm huwa konsiderevoli?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor interpellant jagħmel referenza għall-Mistoqsija Parlamentaru numru 26510.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser ikun qed jingħata l-kumpens mistħoqq lis-sidien tal-proprjetajiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll x’qiegħed iżomm milli jingħata dan il-kumpens?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien daħlu rapporti li Triq il-Karmnu l-Fgura, speċifikament in-naħa t’isfel lejn Triq Hompesch, għerqet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Fgura irċieva żewġ rapporti mingħand l-istess persuna, li kien qed iżomm ammont żgħir ta’ ilma fi Triq il-Karmnu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw skemi lil kull kunsill lokali individwalment matul is-sena 2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba kif mgħoddija lili.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru proġetti minn kull kunsill lokali individwalment matul is-sena 2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif miġbura mill-Kunsilli Lokali rispettivi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31111 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u ċjoè: Fid-dawl tal-ftehim imħabbar aktar kmieni din is-sena bejn l-Awtorità tal-Artijiet u Heritage Malta biex jitneħħew perikli mill-Batterija tal-Qbajjar fiż-Żebbuġ, Għawdex, u peress li m'hemm l-ebda xogħol viżibbli ħlief għal għadd ta' markers fuq l-istruttura li għadha miftuħa għall-pubbliku u tqajjem tħassib dwar il-vandaliżmu u s-sigurtà ta' dawk li jidħlu, jista' l-Ministru jipprovdi dettalji tax-xogħlijiet li saru biex jipprevjenu mwiet traġiċi bħal dik taż-żagħżugħa li mietet minħabba l-kollass tal-istruttura abbandunata tal-Batterija ta’ Riħama? Jista' jippreżenta xi riżultati ta’ surveys li saru f’dan ir-rigward? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li l-Batterija tal-Qbajjar tiġi trasferita lil Din l-Art Ħelwa, fil-każ li ma jkunx hemm interess mill-Awtorità tal-Artijiet u Heritage Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor Interpellanta tirreferi għall-Mistoqsija Parlamentaru numru 14567.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30504, 30826 u 31060 u jippubblika l-kuntratt ta’ konsulenza tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li ġie ingaġġat bħala ‘Strategic Advisor’ mal-Malta Film Commission f’nofs din is-sena, li jinkludi s-salarju inkluż il-benefiċċji kollha, it-termini tal-ingaġġ u meta jiskadi l-kuntratt tiegħu? Jista’ jippubblika wkoll ix-xogħol li dan l-individwu wettaq fil-kariga tiegħu li jiġġustifika dan l-ingaġġ?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-persuna li qed tagħmel referenza għalih separatament għandu contract for service mal-Malta Film Commission li daħal fis-seħħ f’Awwissu 2025 b’terminu li jiskadi fl-aħħar ta’ Frar 2026 b’valur ta’ GBP 24,000. Il-kuntratt huwa marbut ma’ xogħol ta’ strateġija fuq relazzjonijiet internazzjonali, u komunikazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kif jintgħażlu, u fuq liema kriterji, il-persuni li jkunu ġudikanti tal-kompetizzjoni nazzjonali tal-presepji? Jista' jgħid jekk dawn jinbidlux minn sena għall-oħra? Jekk iva, jista’ jgħid min kienu dawn il-ġudikanti fis-snin 2019, 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024? Jista’ jgħid ukoll x'kompetenzi għandhom u jekk dawn humiex ukoll presepisti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat kif ġej mid-Direttorat tal-Kultura li jieħu ħsieb b'mod tant tajjeb din il-kompetizzjoni :
L-għażla tal-aġġudikanti għall-kompetizzjoni nazzjonali tal-presepji, li issa tinkludi wkoll il-kompetizzjoni tal-pasturi, issir b’mod li dawn l-individwi jkunu esperti u prattikanti u tghallmu f’dan l-qasam. Dawn il-aġġudikanti ġew magħzula wkoll fuq suġġerimenti mill-presepisti stess biex niżguraw li jkollhom għarfien u esperjenza estensiva f’dan il-qasam.
Kull sena, ikun hemm erba’ aġġudikanti, fejn żewġ aġġudikanti jibqgħu kontinwi għas-sena ta’ wara biss u t-tnejn l-oħra jinbidlu:
Fl-2019, din il-kompetizzjoni ma kinitx titmexxa mid-Direttorat tal-Kultura, għalhekk m’għandniex informazzjoni għal dik is-sena.
Sussegwentement, fl-2020 u l-2021, l-ebda kompetizzjoni ma saret minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19.
Fl-2022, il-aġġudikanti kienu s-Sur Alex Abela, is-Sur Darren Bonavia, is-Sur Joey Falzon, u s-Sur Brian Bonnici.
Fl-2023, il-aġġudikanti kienu Chev. Antonio Mifsud KHS, is-Sur Noel D'Amato, is-Sur Brian Bonnici, u is-Sur Joey Falzon.
Fl-2024, il-aġġudikanti kienu is-Sur Noel D'Amato, is-Sur Jennings Falzon, Chev. Antonio Mifsud, u is-Sur Angelo Schembri.
Il-aġġudikanti kollha magħżula għandhom esperjenza estensiva, ħadmu u pprattikaw f’dan il-qasam. Huma attendew ukoll diversi workshops kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex ma’ artisti kemm lokali kif ukoll dawk barranin.
Kunsill Nazzjonali għall-Patrimonju Kulturali – Membri
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kunsill Nazzjonali għall-Patrimonju Kulturali u x’inhuma kompetenzi li għandhom fuq livell kulturali eċċ.?
Response (BONNICI, OWEN)
M'għandi ebda entita' b'dak l-isem fil-portafoll Minsiterjali tiegħi.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Direct orders
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tad-direct orders kollha li ngħataw fis-snin 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, fi ħdan:
i. Heritage Malta;
ii. is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali: u
iii. l-entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.