Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mosta – serq rapportat

Question

Jista' jgħid kemm-il rapport ta' serq sar fil-Mosta matul is-sena 2020 u sakemm tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapporti ta’ serq irapportati lill-Pulizija fil-lokalità tal-Mosta bejn l-ewwel ta’ Jannar 2020 u l-aħħar ta’ Jannar 2021 kien ta’ mija u tletin (130).

Ċitazzjonijiet mill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm-il ċitazzjoni ngħatat mill-Pulizija, għall-vetturi privati u kummerċjali li kienu jdaħħnu, sena b’sena bejn l-2013 u l-2020?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi numru ta’ ċitazzjonijiet kemm f’tickets kif ukoll taħrikiet li ngħataw mill-Pulizija, għall-vetturi li kienu jdaħħnu, sena b’sena bejn is-sena 2013 u s-sena 2020 kien kif jidher fit-tabella hawn taħt: Numru ta’ ċitazzjoniji et ( tickets kif ukoll taħrikiet ) li n għataw mill-Pulizija, għall-vetturi li kienu jdaħħnu Sena 2013 2014 2015 2016 2017 2018 2019 2020 TOTAL Ammont 127 109 139 138 89 96 79 124 901

Gwardjani lokali f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm gwardjani lokali joperaw f’Għawdex? Jista’ jgħid kemm sigħat ta’ servizz jagħtu l-gwardjani lokali f’kull lokalità f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-gwardjani lokali li joperaw f’Għawdex huma Għawdxin? Jista’ jgħid kemm mill-gwardjani lokali li joperaw f’Għawdex huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li f’Għawdex hemm 8 Uffiċjali tal-Komunita’ minn dawn 7 huma rġiel u uffiċjal mara. Kull ħaddiem jagħti 40 siegħa xoghol fil-ġimgħa bħala impjegat full time, apparti sigħat addizzjonali (overtime), li jista’ jkun mitlub skont l-esiġenzi tal-gżira Għawdxija. Minn dawn hemm 7 uffiċjali li huma residenti ġewwa l-gżira t’Għawdex.

LESA

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar ħaddiema tal-LESA peress li jidher li hemm xi salarji li ma tħallsux u li qegħdin b’lura u peress li jidher ukoll li hemm problemi interni li jinkludu xi akkużi ta’ flus li għebu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor Interpellant li s-salarji tal-Aġenzija LESA jitħallsu kull erbgħa (4) ġimgħat, mal-pay-dates tal-ħaddiema taċ-ċivil, bl-aħħar salarju maħruġ fis-27 ta’ Jannar, u li jmiss, ser joħrog fl-24 ta’ Frar. Dan jinkludi is-salarji tal-ħaddiema kollha tal-aġenzija. Kull salarju jkun jinkludi l-overtime u allowances dovuti lill-ħaddiema, li jithallas b’erbgħa ġimgħat b’lura. Ma hemm l-ebda impjegat li, b’xi mod ieħor ma tħallasx, għandu xi salarju lura, jew ma ħax dak li huwa dovut lilu, skont il-proċeduri imsemmija. Nigbed l-attenzjoni li ma hemm l-ebda problema interna li tinkludi xi akkuzi ta’ xi flus li għebu.

Każijiet ta' Abbuż sesswali fuq it-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sentenza tista’ tingħata mill-qrati f’każijiet ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal? Hemm il-ħsieb li jiġu introdotti livelli ta’ pieni ogħla sabiex jiġu protetti l-vittmi tfal?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Onorevoli Interpellant japprezza illi l-mistoqsija in kwistjoni hija waħda relattivament vaga minħabba li hemm diversi forom ta’ abbuzi sesswali fuq tfal. Jekk wieħed jieħu r-reat ta’ korruzzjoni ta’ minorenni fl-inqas forma tiegħu, il-piena stabilita hija dik ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn tlett snin, jiġifieri tista tibda minn ġurnata priġunerija u togħla sa tlett snin. F’kaz illi reat hu wieħed ta’ stupru li hu ferm iktar gravi, il-piena tista tvarja bejn sebà snin u għoxrin sena f’każ li l-ġudikant iħoss li ċ-ċirkostanzi aggravanti marbuta mal-kaz għandhom iżiedu l-piena bi grad. Din tista wkoll tvarja għal bejn tmien snin u tletin sena jekk il-ġudikant iħoss li l-piena għandha tizdied b’żewġ gradi. Dwar jekk hemmx il-ħsieb li jiġu introdotti livelli ta’ pieni ogħla sabiex jiġu protetti l-vittmi tfal, nissuġġerixxi l-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-ministeru konċernat. Żgur li jekk ikun hemm dibattitu f’dan is-sens l-entitajiet li huma parti mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi jkunu jistgħu jikkontribwixxu fid-dawl tal-expertise li għandhom.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — konsulenti maħtura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' servizzi, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s’issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.

Forzi Armati ta’ Malta stazzjonati f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm suldati tal-Forzi Armati ta' Malta stazzjonati f'Għawdex u f'liema reġiment jew taqsima huma? Hemmx pjanijiet sabiex id-distakkament tal-Forzi Armati f'Għawdex jissaħħaħ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 18714, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi l-Forzi Armati ta’ Malta għandha 67 suldat stazzjonat f’Għawdex li jifformaw parti mill-Iskwadra Marittima. Il-Forzi Armati ta’ Malta tieħu d-deċiżjonijiet tagħha minn żmien għal żmien skond l-esiġenzi tas-servizz.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin: Regolamenti tal-Ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-priġunieri jingħatawx kopja tar-Regolamenti dwar il-Ħabs meta huma jidħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kull persuna li tiġi ammessa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tingħata ktejjeb bir-regolamenti biex ikun gwidat kemm jekk ikun għadu arrestat u kemm jekk ikun issentenzjat.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin: Konsultazzjoni mal-Priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-priġunieri fil-prattika jingħatawx opportunità sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar kif jistgħu jitmexxew aħjar l-affarijiet fil-Faċilità u kif huma jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-prigunieri għandhom il-liberta’ kollha biex jikkomunikaw mall-Monitoring Board tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u hemm jistgħu jressqu kemm ilmenti kif ukoll suġġerimenti. Ninsab infurmat ukoll li l-amministrazzjoni tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin iżżur id-Diviżjonijiet kollha b’mod regolari u jkun hemm il-possibilta’ li anke hawn iressqu s-suġġerimenti tagħhom. Inżid ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm ukoll il-possibilita’ li wieħed jikteb u jagħmel suġġeriment lill-Bord ta’ Governanza tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Bdil ta’ Karta tal-Identità ta’ persuna ’l fuq minn 75 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura sabiex anzjana li għalqet 75 sena u ma tistax toħroġ mid-dar minħabba raġunijiet mediċi, tibdel il-karta tal-identità (ID card)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

It-Taqsima tal-Karta tal-Identità toffri Housebound Service lill-persuni li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux joħorġu mid-dar u għandhom b¿onn jibdlu l-karta tal-identità. Hawn fejn uffiċjali tat-taqsima jżuru lill-klijent fid-dar tiegħu jew tagħha, u jaqduh hemmhekk. Madanakollu, minħabba l-pandemija dan is-servizz bħalissa huwa sospiż u qed isiru arranġamenti oħra. Għaldaqstant persuni li għal raġuni jew oħra ma jistgħux joħorġu minn djarhom sabiex jibdlu l-karta tal-identità għandhom jagħmlu kuntatt mat-taqsima u jkunu ggwidati dwar dak li għandhom jagħmlu.

Ħruġ ħażin ta’ boroż tal-iskart — ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet lill-residenti li ħarġu boroż ta’ skart ħażin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta’ ċitazzjonijiet minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-ligi b’rabta ma’ dak li qed jirreferi għalih kien ta’ 797.

Black cabs — Operating Licence - dewmien fil-proċess tal-kondotta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm hemm min ilu jistenna xahrejn l-Operating Licence biex ikun jista’ jopera l-black cabs, dawn l-operating licences għadhom ma ħarġux bir-raġuni li qiegħda tingħata minn Transport Malta tkun li għadhom jistennew il-kondotta tal-individwu mingħand il-pulizija peress li hemm persuna waħda biss li tipproċessa l-kondotta tal-individwu? Jista’ jara li jittieħdu dawk il-passi kollha neċessarji, fosthom li jiżdiedu n-nies li jipproċessaw il-kondotta, biex dan id-dewmien jonqos?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li t-talbiet għal ċertifikati ta’ kondotta mingħand il-pulizija għal skopijiet diversi, inkluż dak imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, żdied konsiderevolment. Madankollu infurmat ukoll illi qed isir dak kollu possibli biex jiġu pproċessati it-talbiet kollha u ttieħdu passi biex dewmien li seta kien hemm qed jiġi indirizzat.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — lista ta' proġetti kapitali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Immigranti Illegali – għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18284, jista' l-Ministru jelenka l-miżuri li ħa sabiex jipprevjeni l-wasla ta' migranti illegali fil-pajjiż li ddikjara li hi parti mill-istrateġija tal-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-prevenzjoni tal-wasliet hija l-ewwel prinċipju tal-istrateġija tal-Gvern biex jittaffa l-piż tal-fenomenu tal-immigrazzjoni. Dan il-prinċipju huwa msejjes fuq it-twemmin li l-Libja, bħala pajjiż ta’ tranżitu, tkun parti mis-soluzzjoni. Il-Gvern Malti qed iżomm djalogu kontinwu mal-awtoritajiet Libjani fuq l-immigrazzjoni rregolari. Minkejja r-restrizzjonijiet li ġabet magħha il-COVID-19, il-Prim Ministru, jien u Ministri oħra żorna l-Libja numru ta’ drabi sabiex insaħħu dan id-djalogu. F’waħda minn dawn iż-żjarat ġie ffirmat ftehim li permezz tiegħu twaqqaf ċentru ta’ kordinament bejn iż-żewġ pajjiżi speċifikament fuq l-immigrazzjoni rregolari. Il-kordinament bejn iż-żewġ pajjiżi huwa maħsub li jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ tiftix u salvataġġ, jiġu miġġielda t-traffikanti tal-bnedmin u jonqos it-telf ta’ ħajjiet fil-Mediterran. Malta qed taħdem ukoll sabiex l-Unjoni Ewropea tifhem aktar l-importanza tal-Libja u tiffaċilita l-impenn tagħha li tgħin l-awtoritajiet Libjani fil-ħarsien tal-fruntieri tagħhom. L-Onorevoli Interpellant jifhem li din il-ħidma qed issir f’settur fejn l-isfidi huma kbar u huma affetwati minn ċirkostanzi internazzjonali li huma kumplessi. Filwaqt li bħalissa din il-ħidma qed tħalli l-frott, dan ma jfissirx li l-pajjiż ma jistax jiffaċċja pressjonijiet ġodda fil-futur. Il-ħidma li qed nagħmel referenza għaliha tixhed u tikkonferma li t-tnaqqis tal-wasliet hija l-aktar soluzzjoni effettiva għal pajjiżi bħal Malta li ilhom snin jaffaċċjaw pressjoni disproporzjonata minħabba l-immigrazzjoni rregolari.

Għawdex – Għases tal-Pulizija

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 18287, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għases prinċipali f'Għawdex li huma miftuħin 24 siegħa u hemm għases sekondarji li jinżammu magħluqin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi f'Għawdex l-għases prinċipali li huma miftuħin 24 siegħa kuljum huma dawk tar-Rabat, l-Imġarr, ix-Xlendi u Marsalforn. Għases oħra jinfetħu skont il-ħtieġa tas-servizz, filwaqt li kontiwament isiru rondi minn uffiċjali b’vetturi tal-patrol fil-lokalitajiet kollha Kif kelli ċans nispjega għal iktar minn darba l-viżjoni tal-Korp tal-Pulizija hi li jkun hemm preżenza ikbar ta’ pulizija fit-toroq. Kien għalhekk li fl-aħħar xhur estendejna l-proġett tal-pulizija tal-komunità u fil-baġit għal din is-sena ħabbarna li se nkomplu nestenduh. Fil-fatt f’Għawdex ukoll se jibda jitħaddem il-proġett tal-pulizija tal-komunità. Irrid infakkar ukoll li mal-għases qegħdin inwaħħlu ‘intercom’ li jkunu mqabbdin direttament mal-control room tal-Korp tal-Pulizija u li r-rapporti jistgħu jsiru wkoll online jew bit-telephone.