Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Ottubru 2024?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16399.

Aġenzija Sapport — Lista ta' stennija

Question

Tista' l-Ministru tgħid preżentement kemm hi l-lista ta' stennija (waiting list) għall-assessjar ta' persuni fi ħdan l-Aġenzija Sapport? Tista’ tgħid ukoll kemm hu l-itwal żmien li preżentement ilha persuna fuq din il-lista ta' stennija?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hekk kif persuna tagħmel kuntatt mal-Aġenzija Sapport, din tingħata mill-ewwel appuntament għall-assessjar inizjali biex wara tkun riferuta lejn is-servizzi kif meħtieġ.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema fid-dekasteru u fis-segretarjat tagħha li jaħdmu part-time?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fit-tabella t’hawn taħt: Entità Numru ta’ ħaddiema li jaħdmu part-time Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat 9 ħaddiema fis-Segretarjat Aġenzija Sapport 70 Il-Kummissjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) 5 Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Nil L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (OCVO) Nil

Servizz ta’ Assistenza Personali — Użu tas-sussidju

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13800 dwar użu tas-sussidju għas-Servizz ta’ Assistenza Personali, tista' l-Ministru tgħid, kemm mit-48 persuna msemmija fl-istess tweġiba, issa qegħdin jagħmlu użu mill-fondi allokati lilhom? Tista’ tgħid ukoll kif inhuma maqsuma dawn il-persuni; bejn l-iskema Direct Payment, l-iskema tal-Independent Community Living u l-iskema tal-Assistent Personali?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-data tat-tweġiba l-maġġoranza tal-48 persuna msemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13800 issa qed jagħmlu użu mill-fondi allokati lilhom. Fid-data tat-tweġiba hemm 55 persuna li fil-preżent mhux qed jagħmlu użu mill-fondi allokati lilhom, li ħafna minnhom huma każijiet ġodda, maqsumin kif ġej: Direct Payment: 44 Independent Community Living: 5 Personal Assistance Fund: 6

Servizz ta’ assistent personali — applikazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna applikat għas-servizz ta' assistent personali iżda għadha qed tistenna risposta dwar jekk hux ser tkun qiegħda tingħata sussidju mill-Gvern għal dan is-servizz, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan hu każ kemmxejn differenti minn kwistjoni ta’ lista ta’ stennija. Dan għaliex is-sistema taħdem fuq livelli differenti. Pereżempju, fid-data tat-tweġiba hemm 217 persuna b’diżabilità li wara li sarilhom assessjar inizjali, se jgħaddu għat-tieni fażi ta’ assessjar li jkun aktar dettaljat u li jwassal biex ikun determinat liema sussidju hu applikabbli għalihom mit-tim ta’ professjonisti tal-Independent Community Living Monitoring Service. Wara, jitressqu quddiem il-bord rispettiv. Hu importanti li wieħed jinnota li fil-preżent għaddejja l-implimentazzjoni fi stadji tar-riforma fis-servizz tal-assistent personali u għalhekk din il-lista ta’ stennija taf tiġi impattata mill-istrateġija l-ġdida proposta għas-servizz.

Servizz ta’ assistent personali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna bbenefikat mis-servizz ta’ assistent personali matul is-sena 2023 u s-sena 2024 separatament għal kull sena? Tista' tgħid ukoll kemm intefqu fondi għal dan is-servizz matul is-sena 2023 u s-sena 2024, separatament għal kull sena?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-2023 u fl-2024 kien hemm dawn il-persuni li bbenefikaw mis-servizz tal-assistent personali, kif ġej fit-tabella t’hawn taħt: 2023 2024 (Jannar – sad-data tat-tweġiba) Numru ta’ persuni li bbenefikaw mis-servizz 383 439 Fondi €2,962,170.21 €2,753,374.70 Dan juri 15% aktar ta’ persuni b’diżabilità li bbenefikaw mis-servizz tal-assistenza personali fl-ewwel 9 xhur u nofs ta’ din is-sena meta mqabbel mas-sena sħiħa tal-2023, żieda ta’ 56 benefiċjarju, Fil-proċess hemm aktar każijiet li qed jiġu assessjati sabiex jitressqu quddiem il-bord rispettiv.

Persuni b’diżabilità — Residenzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn jistgħu jgħixu persuni li jkollhom xi tip ta' diżabilità bħal down syndrome iżda li ma jkunux anzjani, u li ma jkollhomx post fejn joqogħdu? Tista' tgħid ukoll il-proċess li għandu jintuża minn dawn il-persuni jew il-familjari tiegħu/tagħha sabiex ikunu jistgħu japplikaw għal waħda minn dawn ir-residenzi?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern irid jonora l-obbligi tal-Artiklu 19 tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, jiġifieri li ma jibqax jiftaħ residenzi (istituzzjonijiet) ġodda iżda li jimxi lejn mudell ta’ deistituzzjonalizzazzjoni. Għalhekk Aġenzija Sapport, CRPD u DDI qed jaħdmu ma’ stakeholders varji biex kulħadd ikollu l-opportunità li jibqa’ jgħix fil-komunità bl-għajnuna skont il-bżonnijiet tiegħu. Dan isir billi persuna jew familjari jagħmlu kuntatt ma’ Aġenzija Sapport biex il-persuna tiġi assessjata u jiġu identifikati l-bżonnijiet tagħha u b’hekk il-professjonisti jkunu jistgħu jaħdmu mal-persuna fuq pjan li fost l-oħrajn jindirizza l-bżonn ta’ għajxien indipendenti.

Abbozz ta’ liġi dwar il-protezzjoni ta’ persuni anzjani vulnerabbli u persuni adulti b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiġi ppreżentat fil-Parlament l-abbozz ta’ liġi dwar il-protezzjoni ta’ persuni anzjani vulnerabbli u persuni adulti b’diżabilità illi kien ħareġ għall-konsultazzjoni fis-sena 2017?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-Abbozz se jiġi ppreżentat wara d-debita approvazzjoni tal-Kabinett, in segwitu tal-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet interministerjali. Dan il-proċess ittawwal minħabba l-inklużjoni ta’ reġistru dwar min jabbuża fit-test tal-Abbozz, sistema b’saħħitha ta’ deterrent u salvagwardja li se tgħin fl-implimentazzjoni tal-Att. Importanti wkoll insemmi li l-Abbozz li nħareġ għall-konsultazzjoni fl-2017 sarulu wkoll numru ta’ tibdiliet, inkluż wara pre-konsultazzjoni estensiva ma’ stakeholders, sabiex naraw li jkun allinjat mal-obbligi li joħorġu mill-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, speċjalment ma’ żviluppi f’dar-rigward li seħħew mill-2017 'l hawn.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Rapporti ta’ fastidju sesswali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il rapport ta' fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol kien hemm fil-Ministeru jew fl-entitajiet li jaqgħu taħtha, mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u tipprovdi wkoll l-eżitu u x'passi ttieħdu fuq kull każ?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-leġiżlatura ma kienx hemm rapporti ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol fil-Ministeru jew fl-entitajiet li jaqgħu taħti.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Konsulenti/Persons of trust

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għandhiex konsulenti jew persons of trust li jaħdmu fil-Ministeru tagħha? Jekk hemm, tista’ tgħid kemm huma mill-Unjoni Ewropea u kemm huma Third Country Nationals?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti / persons of trust jiġu impjegati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Filwaqt li ninfurmah ukoll li dawn huma kollha ċittadini Maltin.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Settembru 2024?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W308.

Trasport provdut lill-persuni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'għajnuna tingħata mill-Ministeru tagħha jew minn xi entità/awtorità/dipartiment li jaqa' taħtha, fir-rigward ta’ trasport lill-persuni b'diżabilità sabiex dawn imorru fuq il-post tax-xogħol tagħhom?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Aġenzija Sapport tmexxi l-iskema magħrufa bħala Empowerment Scheme. Fost il-benefiċċji u sussidji koperti, l-Empowerment Scheme toffri sussidju fuq servizz ta' trasport individwalizzat lill-persuni b'diżabilità li jkunu jeħtieġu li jmorru għax-xogħol, kif ukoll dawk li jeħtieġu trasport biex imorru f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni post-sekondarja jew jattendu attivitajiet sportivi fejn l-applikant ikun abbonat ma’ klabb/organizazzjoni sportiva. Dan is-sussidju jingħata lill-persuni b'diżabilità li ma jkunux jistgħu jagħmlu użu mit-trasport pubbliku.

Trasport provdut lill-persuni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'għajnuna tingħata mill-Ministeru tagħha jew minn xi entità/awtorità/dipartiment li jaqa' taħtha fir-rigward ta’ trasport lill-persuni b'diżabilità sabiex dawn imorru l-iskola, MCAST, l-Università, jew xi post ta' tagħlim ieħor?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21759.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Public Service Expo 2024 - Stands

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġiet tiswa l-istand tal-Ministeru tagħha fil-Public Service Expo 2024? Tista’ tgħid ukoll jekk minbarra l-istand tal-Ministeru tagħha kienx hemm stands ta’ entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha?

Response (FARRUGIA, JULIA)

L-istand tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat fl-Expo 2024 ġiet tiswa €44,320. F'din l-istand kien hemm spazju dedikat sabiex l-Entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru setgħu jesponu s-servizzi u l-iskemi tagħhom għall-pubbliku, dan anke permezz ta’ materjal informattiv li jinsab ukoll aċċessibbli online. Din kopriet il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD), l-Aġenzija Sapport, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Volontarjat (OCVO), il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), kif ukoll spazju dedikat lill-Guardianship Board. Din is-sena ġew mistednin ukoll fuq l-istand il-FITA (li ma tagħmilx parti minn dan il-Ministeru) iżda toffri diversi servizzi lil min hu nieqes mid-dawl. B’hekk il-viżitaturi kellhom l-opportunità jaraw l-istampar tal-Braille u wkoll jesperjenzaw it-3D Printing ta’ prodotti li jgħin lill-persuni b’diżabilità fil-vista. L-istand tal-Ministeru, filwaqt li kienet waħda aċċessibbli minn kull aspett ħadet laqta wkoll edukattiva. Preparajna logħba addattata għas-servizzi offruti mill-Entitajiet imsemmija aktar 'il fuq. Din il-logħba kienet stampata b’mod kbir u mifruxa fuq l-istand sabiex l-istess viżitaturi, inkluż bosta tfal mill-iskejjel, setgħu jarawha u jieħdu sehem fil-logħba. Barra minn hekk kopja ridotta setgħet tittieħed id-dar minn dawk kollha li żaru l-istand tal-Ministeru. Għall-ewwel darba l-Ministeru għamel demo hands-on ta’ dak li tesperjenza persuna f’siġġu tar-roti, inkluż l-ostakli li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom waqt li miexi fuq bankina. Din id-demo serviet biex tqajjem aktar kuxjenza f’dan ir-rigward fost dawk li żaru l-istand. Matul l-Expo ntwerew ukoll diversi filmati promozzjonali li spjegaw ukoll xi proċessi ta’ applikazzjonijiet varji fl-Entitajiet rispettivi. L-Expo tas-Servizz Pubbliku żaruha 55,000 persuna u kellha t-tema "Ħiliet". L-istess attività serviet ta' tieqa għall-avvanzi li saru fl-amministrazzjoni pubblika f'dawn l-aħħar snin b'aċċenn fuq riżorsi umani, teknoloġija u kwalità.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat - Impjegati u/jew konsulenti li huma f’Kunsill lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-impjegati u/jew konsulenti fis-Segretarjat Ministerjali tagħha jew ta' kwalunkwe Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tagħha, li huma Kunsilliera Lokali, Viċi Sindki jew Sindki? Tista' f'kull każ tgħid x'inhu l-impjieg u r-rwol tagħhom, x'kuntratt għandhom, u x'inhu s-salarju u l-perkaċċi marbutin miegħu?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-Segretarjat Ministerjali tiegħi hemm impjegat wieħed li jokkupa l-kariga ta’ Sindku.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Promozzjonijiet/żidiet fl-iskali tal-ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il promozzjoni jew żieda fi skala ngħatat lill-ħaddiema fil-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħħa mill-1 ta' Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema grad/skala kienu dawn il-ħaddiema u f'liema grad/skala tpoġġew?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20527.

Organizzazzjoni volontarja — Ħlas għall-proprjetajiet f’Pembroke u fil-Belt Valletta

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20501 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u tgħid kemm jammontaw il-kirjiet li l-organizzazzjoni volontarja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, tħallas għall-proprjetà li għandha ġewwa Pembroke u kemm tħallas għall-proprjetà li għandha ġewwa l-Belt Valletta?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Organizzazzjoni volontarja — Fondi

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20498 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u tgħid kemm ingħataw fondi lill-organizzazzjoni volontarja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni tal-fondi mogħtija mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat permezz tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).

Organizzazzjoni volontarja — Ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20502 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u tgħid kemm għandha persuni jaħdmu magħha l-organizzazzjoni volontarja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li huma mħallsin mill-Gvern?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru u l-Entitajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru m’għandhomx persuni li jaħdmu mal-organizzazzjoni volontarja msemmija.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Ġunju 2024?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W213.