Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda fil-prezz tal-ħobż lokali matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni, kif mitluba, bdiet tinġabar mill-Unjoni Ewropea mill-2017 ’il quddiem. Nirreferih għat-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju matul Jannar, Frar, Marzu u April 2023 biex jindika l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet kollha li għolew fuq is-soċjetà Maltija?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni qed tiġi mmoniterjata kontinwament.
B'referenza għal ittra tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) datata 26 ta' Settembru 2016 indirizzata lil Bank (Pilatus), jista' l-Ministru jgħid jekk din kenitx riżultat ta' laqgħa tas-Central Monitoring Committee tal-FIAU jew le? Jekk iva, meta saret din il-laqgħa u min kien preżenti għaliha? Jeżistu Minuti ta' tali laqgħa? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Minuti ta' tali laqgħa jew laqgħat, jekk qatt saru?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ittra datata 26 ta’ Settembru 2016 mibgħuta mill-FIAU intbagħtet wara li kienet ittieħdet deċiżjoni mill-Compliance Monitoring Committee (CMC).
Kull dokumentazzjoni u informazzjoni li għandu l-Korp hi kunfidenzjali skont l-artikolu 34 tal-Att kontra Money Laundering, u għalhekk ma tistax tingħata.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – rapporti kriminali mis-Segretarju Permanenti
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7268, jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport kriminali sar mal-Pulizija mill-Permanent Secretary tiegħu fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 7268.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — emails mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-emails b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali li rċieva l-Ministeru tiegħu u l-entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar, Frar u Marzu 2023?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jgħoddu l-istess prinċipji msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija tiegħu numru 7129.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-pagamenti bid-dati, l-ammont u r-raġuni li saru lis-soċjetà, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, matul is-sena 2022 u s-sena 2023?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Trasferimenti ta’ proprjetà – dħul minn duty on documents
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-Gvern matul is-sena 2022 minn duty on documents relatati ma' trasferimenti ta' proprjetà?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-dħul tal-Gvern matul is-sena 2022 minn taxxi fuq dokumenti (duty on documents) relatati ma' trasferimenti ta' proprjetà kien jammonta għall- €96,645,845.
Trasferimenti ta’ proprjetà – dħul minn capital gains tax
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-Gvern fl-2022 minn capital gains tax relatati ma' trasferimenti ta' proprjetà?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta' dħul minn taxxi fuq il-qligħ kapitali fuq proprjetà immobbli, u taxxi finali fuq trasferimenti ta’ proprjetà immobbli (inklużi t-taxxi finali fuq il-waqfien tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli), kienu jammontaw għal €142,752,091 matul l-2022.
Nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-taxxa fuq il-qligħ kapitali fuq trasferimenti ta’ ishma mhijiex inkluża.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema li huma barranin mit-total ta’ 290,995 ħaddiem f’pajjiżna? X’inhuwa l-impjieg tagħhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-ammont ta’ 290,995 ħaddiem, n-numru ta’ ħaddiema li huma barranin hu ta’ 88,687 persuna (30.5%). L-informazzjoni fuq l-impjieg tagħhom għal Q4 2022 mhix rappreżentattiva u għalhekk qed tiġi provduta informazzjoni li tirrigwarda is-sena 2022 b’mod globali.
Matul is-sena 2022 it- total ta’ ħaddiema f’pajjiżna kien ta’ 283,341 persuna. Minnhom, 83,856 jew 29.6% kienu ħaddiema li huma barranin.
Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarrig dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (LFS) għal Q4 2022.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kredituri u kemm kien il-valur li kien għadu ma tħallasx sa 30 jum, sa 60 jum u aktar minn 60 jum mid-data tal-invoice u sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skont it-tabella hawn taħt:
PERJODU (Ġranet)NUMRU TA KREDITURIAMMONT (Eur)
0-302912,638,576
30-60371,068,926
60+39692,059
Dħul tal-Gvern mill-VAT fuq l-Industrija tal-Pubblikazzjoni u l-Kotba
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-Gvern bħala Value Added Tax mill-industrija tal-pubblikazzjoni u l-kotba matul is-sena 2022?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ VAT dikjarat bil-5% fuq il-bejgħ tagħhom matul is-sena 2022 minn persuni taxxabbli reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi bħala:
· “book publishing” (NACE code 58.11),
· “Publishing of newspapers” (NACE code 58.13),
· “Publishing of journals and periodicals” (NACE code 58.14), u
· “Other publishing activities” (NACE code 58.19),
kien ta’ € 233,558.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ġiet magħżula l-kumpanija Aviation Services Handling (ASH) Limited li minn Jannar 2023 ħadet f'idejha l-immaniġġar tal-merkanzija u tal-bagalji eċċ. fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta meta sal-aħħar tas-sena 2022 kienet timmaniġġjahom l-Air Malta?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Aviation Services Handling (ASH) Limited intgħażlu wara sejħa għal proposti (Request for Proposals) għall-immaniġġar ta’ passiġġieri, bagalji u merkanzija fl-Ajruport ta’ Malta li kienet ħarġet f’Jannar 2022 u li kienet intbagħtet lil lista ta’ ground handlers internazzjonali hekk kif suġġerit mill-Malta International Airport.
L-għażla ta’ Aviation Services Handling (ASH) Limited saret fuq bażi ta’ numru ta’ kriterji li kienu jinkludu li jwaqqfu joint venture f’Malta, li jibdew joperaw malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard mill-1 Jannar 2023, il-qagħda finanzjarja u l-investiment li kienu lesti jagħmlu f’Malta.
Aviation Services Handling (ASH) Ltd. hija sussidjarja tal-kumpanija Aviation Services SpA li għandha l-bażi tagħha ġewwa l-Ajruport ta’ Fiumicino f’Ruma. Il-klijenti ta’ Aviation Services SpA fl-Italja jinkludu Air France, KLM, Ryanair, Turkish Airlines, Vueling, IAG, Qatar, British Airways etċ.
Ajruport internazzjonali ta' Malta — Sejħa għal offerti tal-immaniġġar tal-merkanzija, bagalji eċċ.
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa għal offerti għall-immaniġġar tal-merkanzija u tal-bagalji eċċ. fi ħdan l-ajruport internazzjonali ta’ Malta?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sejħa għal proposti għall-immaniġġar ta’ passiġġieri, bagalji u merkanzija ħarġet f’Jannar 2022.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5655, jista’ l-Ministru jgħid kemm mit-3,085 anzjan li jgħixu f’Marsaskala qegħdin jgħixu waħedhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn 3,085 persuna li għandhom 60 sena jew iżjed, u joqogħdu Marsaskala, hemm 233 persuna li jgħixu f'istituzzjoni, u 2,852 fi djar privati.
Fost dawn li jgħixu fi djar privati, hemm 1,817 anzjani li joqogħdu fi djar fejn il-membri kollha tad-dar għandhom 60 sena jew iktar. Minn dawn, 614 anzjan jgħixu f’dar b’persuna waħda.
Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa ċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u d-Djar 2021.
Air Malta – titjiriet bl-iskeda jew chartered għal Lourdes
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena l-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta hux se tagħmel titjiriet bl-iskeda jew chartered għal Lourdes u lura? Jekk iva, jista' jgħid kemm-il titjira se ssir u meta? Kemm hu mistenni li jinġarru passiġġieri minn Malta għal Lourdes u lura permezz ta' dawn it-titjiriet?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għas-sena 2023 l-Air Malta m’għandhiex pjanijiet sabiex tintroduċi servizzi bi skeda regolari bejn Malta u Lourdes u lura, u hemm linja tal-ajru oħra li diġà qed topera dn ir-rotta.
Madankollu, hemm pjanijiet li topera numru ta’ titjiriet chartered (8 titjiriet) skont id-domanda tas-suq matul Lulju, Awwissu u Settembru, ladarba jiġu kkonfermati mill-aġenti tal-ivvjaġġar u li jistgħu jammontaw għal traffiku ta’ madwar 3,000 passiġġier lil u minn Lourdes.
Air Malta – titjiriet bl-iskeda jew chartered għal Lourdes
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta f'dawn l-aħħar ħames snin, u ċjoè mill-2018 sal-2022, għamlitx titjiriet bi skeda u/jew chartered għal Lourdes u lura? Jekk iva, jista' jgħid kemm-il titjira għamlet u kemm ġarret passiġġieri sena b'sena?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellenat illi f’dawn l-aħħar 5 snin (jiġifieri is-snin bejn 2018 u 2022) il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta operat titjiriet lejn u minn Lourdes skont l-informazzjoni f’din it-tabella:
MALTA-LOURDES-MALTA
Sena finanzjarjaNumru ta’ passiggieriTip ta’ servizz
April sa Marzu
FY2022/231,293Charter
FY2021/220Ma sarux titjiriet
FY2020/210Ma sarux titjiriet
FY2019/207,065Charter/Schedule
FY2018/196,945Charter/Schedule