Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar proposta li ssottomettiet Malta għall-Fondi Ewropej b’rabta mal-pipeline tal-gass?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistgħax tiġi ppubblikata għax l-applikazzjoni fiha kontenut ta’ natura kummerċjalment sensittiva.
Tista' l-Ministru tgħid meta ser jiġi żarmat għal kollox l-impjant tal-Enemed f'Birżebbuġa u x'ser isir f'din iż-żona minflok dan l-impjant?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant li qeda tuża’ l-Enemed se jingħalaq kompletament sa l-aħħar ta’ din is-sena. Hekk kif jingħalaq dan l-impjant, is-sit ser tingħata lura lill-Enemalta, is-sidien tal-propjeta.
Peress li siti industrijali bħal dawn jiħtieġu pjanijiet kumplessi mifruxin fuq medda ta’ snin, l-Enemalta ser ikunu qegħdin inadfu u jiżbarazzaw is-sit sabiex qabel ma jiġi deċiż kif ser tintuża, isiru l-istudju neċessarji għall-proġetti futuri.
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriżi u l-Iżvilupp Sostenibbli – tender jew direct order lil kumpanija
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha jew xi entità li taqa’ taħtha, tawx tender jew direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Meta ngħataw, ta’ kemm kienu u abbażi ta’ xiex?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jispeċifika t-talba tiegħu.
Enemalta — Każijiet li rċeviet minħabba ħsarat bil-qtugħ tal-provvista ta' dawl
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17658 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17507, tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa tal-Enemalta f'kumpens lil min ressaq każ kawża ta' ħsarat fil-provvista tad-dawl xahar b'xahar mis-sena 2017? Kemm hi t-talba pendenti li għandha bħalissa quddiemha l-Enemalta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinstab fit-tabella t’isfel.
L-informazzjoni fuq it-talbiet pendenti ma tistax tingħata peress li għadhom qed jiġu proċessati.
SENA
TOTAL
2017
€49,224.14
2018
€25,059.56
2019
€30,135.32
2020
€55,342.36
Il-proċess li jieħu biex jinħadem claim ivarja minn kaz għal ieħor, u dan jiddependi fuq diversi fatturi, fosthom id-dewmien li jkun hemm biex l-applikant jipprovdi l-evidenza mitluba minnu. Eżempju claim li jitħallas fis-sena 2020 ma jfissirx li jkun ġie sottomess fl-istess sena.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17221 u tgħid kemm ġew approvati proġetti f'Għawdex minn Malta Enterprise fl-2017, 2018 u 2019 u kemm hi l-ispiża kapitali proġettata ta' dawn il-proġetti u n-numru ta' impjiegi proġettati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise approvat 43 proġett li jinkludu total ta’ 187 f’impjiegi ġodda b’valur ta’ €7,166,117 f’investimenti, proġetti ġodda u espansjonijiet f’Għawdex mill-2016 sal-2020*. Fl-istess perjodu ġew approvati wkoll 1,281 proġett taħt l-iskema Micro-Invest b’valur ta’ investimenti f’Għawdex ta’ €11,326,441.
* Informazzjoni proviżjonali sa Q3 tal-2020.
Marsalforn – Triq il-Qbajjar – problema ta’ drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta ser isolvi b'mod permanenti l-problema ta' drenaġġ jew ilma maħmuġ u jinten li qed jiskula u ilu jiskula għal żmien twil, fi Triq il-Qbajjar ġewwa Marsalforn b'inkonvenjent qawwi għar-residenti u l-pubbliku? Tista' tispjega wkoll meta din l-istess triq ser titnaddaf mill-ħmieġ ta' kull xorta li fiha, mhux lanqas mill-ħafna żrar u trabijiet li jirriżultaw minn patching mhux adekwat kaġun ta' dan id-drenaġġ jew ilma maħmuġ u jinten li qed jiskula?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-iskular mhux joriġina mill-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li hemm fil-madwar. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadmet u kkolaborat diversi drabi ma’ entitajiet oħra fejn qatt ma nstab li dan kien ġej minn xi sistema tal-Korporazzjoni.
Il-patching tat-triq ma jaqax taħt ir-responsabbilta tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Tista’ l-Ministru tagħti direzzjoni lill-Enemalta sabiex mingħajr aktar dewmien isir dawl ġdid jew manutenzjoni fuq id-dawl eżistenti minħabba nuqqas ta' dwal tat-triq f’parti minn Triq l-Emigranti fin-Naxxar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-manutenzjoni tal-lampi fit-triq msemmija tlestew u l-Kunsill Lokali tan-Naxxar ġew nfurmati mill-Enemalta. Madanakollu, l-Enemalta ma rċeviet l-ebda talba għal dawl ġdid fit-triq imsemmija.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Madonna tal-Grazzja — bozoz
Question
Tista’ l-Ministru tara li numru ta’ bozoz li jinsabu fi Triq il-Madonna tal-Grazzja (tal-Abbandunati) limiti ta’ San Pawl il-Baħar u li issa ilhom ġimgħat jiġu rrapurtati lill-Enemalta/Kunsill Lokali, isirulhom il-manutenzjoni meħtieġa sabiex jerġgħu jinxtegħlu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Enemalta rċeviet ir-rapport tal-lampi maqtugħin fl-imsemmija triq fl-10 ta’ Jannar u saru t-tiswijiet nhar is-Sibt 16 ta’ Jannar.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il fossa hawn madwar Malta u Għawdex? Tista' tgħid liema żoni f'Malta u Għawdex, fejn hemm imniżżla li jgħixu residenti, għadhom jużaw il-fossa għax is-sistema tad-drenaġġ għadha ma waslitx? Meta huwa ppjanat li dawn iż-żoni jiġu amalgamati mas-sistema tad-drenaġġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Malta u Għawdex hawn madwar 647 fossa reġistrata mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. L-espansjoni tas-sistema tad-drenaġġ hija dejjem waħda mill-prijoritajiet prinċipali għal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, u fil-fatt xhieda ta’ dan huwa li fl-aħħar ħames snin is-sistema tad-drenaġġ ġiet estiża b’31 KM. Dan ifisser li s-sistema tad-drenaġġ eżisteni tinfirex għal total ta’ 1,626 KM madwar Malta u Għawdex.
Minkejja dan, xorta waħda għad fadal postijiet remoti fejn l-estenzjoni tas-sistema tad-drenaġġ hija diffiċli ħafna li ssir għal raġunijiet tekniċi u ta’ sostenibilita. Il-Korporazzjoni se tibqa’ taħdem sabiex tkompli tespandi s-sistema tad-drenaġġ b’mod sostenibbli u responsabbli.
Tista’ l-Ministru tgħid mill-2015 s’issa, sena b’sena, kemm-il deċiżjoni regolatorja ħareġ ir-REWS fir-rigward tas-settur tas-servizzi tal-ilma? Kemm minn dawn id-deċiżjonijiet kienu kontestati u f’kull każ, x’kien l-eżitu tal-kontestazzjoni? Tista’ tgħid mill-2015 s’issa kemm-il konsultazzjoni pubblika nħarġet mir-REWS fir-rgiward tas-settur tas-servizzi tal-ilma? F’kull każ, x’kien is-suġġett, meta nħarġet il-konsultazzjoni u jekk din kinitx tittratta dwar xi implimentazzjoni ta’ xi rekwiżit tal-UE u jekk iva, liema?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), fil-każ tas-settur tal-Ilma, ma kellux deċiżjonijiet regolatorji x'jieħu fl-2015, fl-2016, fl-2017 u fl-2019.
Fl-2018 ir-REWS ħadet deċiżjoni waħda fuq l-istess settur imsemmi rigward “Regolamenti dwar il-Proċeduri għad-Determinazzjoni ta’ Kwistjonijiet” li ma ġietx ikkontestata. Fl-2020 ir-REWS ħadet żewġ deċiżjonijiet oħra; fuq l-ewwel każ ma kien hemm l-ebda kontestazzjoni, waqt li fit-tieni każ il-kontestazzjoni għadha kemm bdiet u għalhekk għadha għaddejja quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva.
Fir-rigward tal-konsultazzjoni pubbliċi tas-settur tal-ilma, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) ma ħareg l-ebda konsultazzjoni pubblika mill-2015 s’issa.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu t-total ta' flus li ġew imħallsa lill-Electrogas mill-Enemalta sal-aħħar ta' Novembru 2020? Meta saru dawn il-ħlasijiet u kemm kienu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva u minħabba f’hekk l-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija.
Tista’ l-Ministru tindika xi pjanijiet għandu l-gvern għall-użu tal-idroġenu fil-futur u tpoġġi kwalunkwe rapport li hu disponibbli fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din hija teknoloġija pjuttost ġdida li għada qed tiġi żviluppata. Il-Gvern qiegħed isegwi dawn l-iżviluppi mill-qrib filwaqt li qed ikompli jistudja kull opportunita li tista’ tkun ta’ benefiċċju għal pajjiżna. Għaddejin ukoll studji alternattivi li jaraw kif la darba l-idroġenu jkun preżenti fin-Network Ewropew, jista’ eventwalment jintuża bħala sors biex jgħin jintlaħqu l-miri tad-dekarbonizazzjoni sal-2050.
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp — Bordijiet - attendenza ta' membri
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17513 u tagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tagħha matul din il-leġiżlatura?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Birkirkara – Triq il-Passju – tneħħija ta’ arbli tad-dawl
Question
Tista’ l-Ministru tordna li l-arbli tad-dawl li hemm fi Triq il-Passju kantuniera ma’ Triq l-Arkati, Fleur de Lys, Birkirkara, li jinsabu fi stat perikoluż, u li ġew irrappurtati aktar minn darba, jitneħħew biex jiġi evitat xi inċident serju?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-arblu msemmi fi Triq il-Passju kien diġà tneħħa minn Enemalta u tpoġġa ieħor minfloku.
L-arblu l-ġdid huwa bżonnjuż f’din it-triq peress li qed iżomm l-infrastruttura u mhuwiex ta’ periklu għall-pubbliku.
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — Ħaddiema li huma minn skala 6 ’l fuq
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16868, tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha fi skala 6 jew aktar 'il fuq skond Appendix 'N' tal-Estimi finanzjarji 2021 (Pg 407)? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 491 ħaddiema li huma minn skala 6 ‘l fuq u li minnhom hemm 114 mara u 377 raġel.
Ħlas fuq vjaġġ u akkomodazzjoni ta’ persuna għal laqgħa fil-Qatar
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17505 u tgħid min ħallas il-vjaġġ u akkomodazzjoni għall-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament sabiex attenda laqgħa mal-ex Ministru li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ġewwa l-Qatar fl-2013? Kemm swew il-vjaġġ u l-akkomodazzjoni? X'ħareġ minn din il-laqgħa? Min approva dawn il-pagamenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 13636, Infurmata li l-iskop tal-laqgħa kien sabiex jiġi diskuss kollaborazzjoni bejn iz-zewġ pajjizi fil-qasam tal-Enerġija.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17479, 17403, 16753 u 16635 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim LNG Security of Supply Agreement iffirmat fil-15 ta’ April 2015 mill-individwu u l-kumpanija li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan il-kuntratt diġa tpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ l-Awditur Ġenerali biex għamel il-verifiki meħtieġa. Minħabba n-natura kunfidenzjali tal-kuntratt iffirmat dan mhux ser jiġi ppreżentat.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17478, 17404, 16754 u 16634 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehimiet iffirmati mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fl-Ażerbaijan?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wieħed mil-ftehimiet ġie ppreżentat diġa nhar is-16 ta' Marzu 2015. Il-ftehim l-ieħor huwa ta' natura kunfidenzjali
Tista’ l-Ministru tgħid fejn żviluppat il-ħsara fl-interconnector, jekk hux in-naħa ta' Malta jew ta' Sqallija, u x'kienet il-kawża tal-qtugħ tal-provvista tal-elettriku nhar is-Sibt 28 ta' Novembru 2020?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kawża tal-qtugħ tal-provvista tal-elettriku nhar is-Sibt 28 ta’ Novembru 2020, kienet ikawżata minn ħsara f’wieħed mis-circuit breakers tal-interconnector. Dan is-circuit breaker qiegħed Ragusa u jappartjeni lil Terna li huma l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni Taljana. Mill-istħarriġ li sar mill-esperti ta’ Terna, irriżulta li l-ħsara ġiet ikkaġunata mill-maltemp qawwi li għadda minn fuq Sqallija dakinhar stess.