Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ix-Xemxija – Żona tal-Veċċja – Ħsarat fid-dawl tat-triq

Question

Tista’ l-Ministru tara li d-dawl tat-triq fiż-żona tal-Veċċja, ix-Xemxija jkun mixgħul kuljum matul il-lejl, hekk kif dan id-dawl kien jinsab mitfi matul din il-ġimgħa? Tista’ tgħid ukoll jekk issewwietx din il-ħsara u jekk iva, meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li d-dawl tat-triq fiż-żona indikata nxtegħel permezz ta’ provvista temporanja. Sadattant għaddej il-proċess biex Enemalta tikseb il-permessi meħtieġa biex isiru t-tiswijiet, minħabba li l-ħsara ġiet identifikata taħt l-art.

Scrap ta’ karozzi EV – Faċilitajiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il faċilità hawn biex persuna tagħmel scrap ta’ karozza EV? Tista’ tgħid ukoll fejn jinsabu kull waħda minn dawn il-faċilitajiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bħalissa hawn  faċilitá waħda li għandha permess mill-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi (ERA) li jinkludi speċifikament li tista’ tipproċessa vetturi EV.  Din il-faċilità tinsab fi Scrap Lane, Triq Valletta, Ħal Luqa.

L-Uffiċċju tad-Direttur għat-Trattament Xieraq tal-Annimali - Uffiċjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu attwalment in-numru ta’ uffiċjali fi ħdan l-Uffiċċju tad-Direttur għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li jistgħu jieħdu passi biex jitħarsu n-normi a tenur tal-L.S. 439.22 – Regolamenti dwar l-Użu tal-Karozzini?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li fil-preżent, id-Direttorat għandu għaxar (10) uffiċjali awtorizzati biex jinfurzaw ir-rekwiżiti legali relatati mal-karozzini.  Minn dawn, tmien (8) uffiċjali jwettqu l-ispezzjonijiet regolari relatati mal-karozzini, filwaqt li żewġ (2) uffiċjali oħra jwettqu wkoll spezzjonijiet fuq il-karozzini bħala parti mid-dmirijiet assenjati lilhom, flimkien mar-responsabbiltajiet tagħhom relatati mal-ispezzjonijiet tal-microchipping.

Skart domestiku – Infurzar

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux qed isir infurzar fuq min joħroġ skart domestiku mhux skont l-iskeda kif ukoll lil min mhux qed jissepara l-iskart? Jekk iva, tista' l-Ministru tagħti ċifri ta' kemm inġabru multi mill-bidu tas-sena sal-aħħar ta' Ġunju?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kontinwament twettaq eżerċizzji ta’ monitoraġġ u nfurzar madwar il-gżejjer Maltin kemm rigward min joħroġ skart mhux skont l-Iskeda Nazzjonali għall-Ġbir tal-Iskart kif ukoll fuq min joħroġ l-iskart mingħajr ma jisseparah. Infurmata li minn Jannar 2026 sa Ġunju 2026, l-Awtorità ħarġet 437 multa fuq skart maħruġ mhux skont l-iskeda ta’ ġbir ta’ skart. Ta’ min ifakkar li l-infurzar rigward taħlit ta’ skart fil-boroż huwa suġġett għall-Ittra ta’ Twissija bħala l-ewwel azzjoni ta’ nfurzar, imbgħad multa li l-ammont tagħha jiddependi minn jekk l-iskart oriġinax minn stabbiliment kummerċjali jew sors domestiku. F’dan ir-rigward sal-aħħar ta’ April 2026 inħarġu 357 ittrra ta’ Twissija, u nħarġu 4 multi fuq persuni li nqabdu iktar minn darba jħalltu l-iskart. Dawn il-figuri jappartjenu għall-ERA biss.

Noise pollution – Regolamenti/liġijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistux regolamenti u/jew liġijiet li jirregolaw "noise pollution" kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar? Jekk iva, tista’ tgħid min hu responsabbli li jinforza dawn ir-regolamenti u/jew liġijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-istorbju huwa regolat minn diversi liġijiet u regolamenti separati, u l-awtoritajiet responsabbli mill-infurzar jiddependu mis-sors tal-ħoss. Skont in-natura tal-attività, ir-responsabbiltà tista' taqa' taħt entitajiet differenti. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hija responsabbli mill-impatt tal-istorbju fuq l-ambjent, u dan speċifikament għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni u l-Maniġġar ta' Ħsejjes fl-Ambjent (L.S. 549.37). L-obbligu prinċipali ta' dawn ir-regolamenti huwa li permezz ta’ modelling ta’ sorsi speċifiċi bħal pereżempju t-toroq; l-ERA tħejji mapep strateġiċi tal-ħoss u Pjanijiet ta' Azzjoni. F'ċerti każijiet speċifiċi, bħal f'żoni ambjentalment sensittivi jew fejn tirregola industriji kbar, l-ERA ġieli timponi kundizzjonijiet relatati mal-istorbju ambjentali. Storbju ta' inkonvenjent li jkun ġej minn sorsi bħal storbju mill-ġirien u storbju f'postijiet residenzjali, ħsejjes f'postijiet tax-xogħol, siti ta' kostruzzjoni jew attivitajiet ta' divertiment, u aspetti li jaffettaw is-saħħa pubblika, jaqgħu taħt il-kompetenza ta' Awtoritajiet kompetenti oħrajn.

Skart tal-ħġieġ - Ipproċessar

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-ħġieġ li jinġabar hux qed jiġi riċiklat kollu u kif qed jiġi proċessat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħġieġ kollu miġbur jiġi proċessat fil-linja awtomatizzata tal-ipproċessar tal-ħġieġ fis-sit ta’ Sant’Antnin, Marsaskala. Din il-faċilità tirċievi ħġieġ imħallat u tneħħi minnu l-kontaminanti u l-impuritajiet permezz ta’ teknoloġija avvanzata ta’ għażla u separazzjoni. Il-ħġieġ jiġi magħżul skont il-kulur tiegħu f’diversi frazzjonijiet. Filwaqt li l-materjal mhux adattat għar-riċiklaġġ jiġi separat bħala rejects. Permezz ta’ dan il-proċess, il-faċilità tipproduċi materjal tal-ħġieġ ta’ kwalità għolja (glass cullet) li jkun lest għall-użu dirett mill-manifatturi tal-ħġieġ fil-produzzjoni ta’ prodotti ġodda, u b’hekk tikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari u għall-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. Il-prodott finali jitqiegħed għall-bejgħ biex jintbagħat barra minn Malta għall-proċess ta’ riċiklaġġ.  Is-sejħiet kollha għall-bejgħ jiġu pubblikati fuq il-websajt tal-kumpanija https://www.wsm.com.mt/en/sales#gsc.tab=0 biex jiġi żgurat proċess trasparenti u aċċessibbli għall-operaturi ekonomiċi kollha interessati. Matul is-sena 2025 WasteServ esportat ammont rekord ta’ aktar minn 23,500 tunnellata ta’ materjal riċiklabblli.

Skart organiku - Ipproċessar

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-iskart riċiklabbli li jinġabar fil-borża l-ħadra u/jew griża hux qed jiġi riċiklat kollu? Tista’ tgħid ukoll x'inhu l-proċess u kif jiġu proċessati l-komponenti differenti tiegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart kollu miġbur fil-borża l-griża jiġi proċessat fil-Material Recovery Facility (MRF) li tinsab fil-kumpless ECOHIVE, fejn jiġi separat f’diversi flussi ta’ skart. Fil-preżent, il-materjal li ma jistax jiġi rkuprat jew riċiklat u li jinstab fil-borża griża (rdf) jammonta għal 25%. Il-flussi ta’ skart li jiġu separati, sussegwentement jitqiegħdu għall-bejgħ biex jintbagħtu barra minn Malta għall-proċess ta’ riċiklaġġ.  Is-sejħiet kollha għall-bejgħ jiġu pubblikati fuq il-websajt tal-kumpanija https://www.wsm.com.mt/en/sales#gsc.tab=0 biex jiġi żgurat proċess trasparenti u aċċessibbli għall-operaturi ekonomiċi kollha interessati. Dawn il-flussi jinkludu l-karta, il-kartun, il-plastik PET u l-kartun tal-ħalib. Barra minn hekk, il-materjal residwu (RDF) li jiġi rkuprat mill-borża griża qed jintuża wkoll fi ħdan il-kumpless ECOHIVE bħala saff ta’ protezzjoni madwar il-miżbla l-ġdida, biex jipprovdi barriera addizzjonali għal-liner. Matul is-sena 2025 il-WasteServ esportat ammont rekord ta’ aktar minn 23,500 tunnellata ta’ materjal riċiklabbli.

Skart organiku - Użu

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-iskart organiku li jinġabar it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa, hux qed jintuża kollu fil-proċess tal-Anearobic Digestion u jekk le, kif aktar qed jintuża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart organiku kollu li jinġabar qed jiġi proċessat fl-impjant u jiġi mdawwar f’enerġija rinovabbli u kompost. Fis-sena 2025 ġie proċessat ammont rekord ta’ aktar minn 36,000 tunnellata ta’ skart organiku.

Regolamenti dwar l-użu tal-Karozzini - Passi legali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ittieħdu passi legali minħabba allegat ksur tal-L.S. 439.22 – Regolamenti dwar l-użu tal-Karozzini, mill-2019 sal-aħħar tal-2025, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li waqt l-ispezzjonijiet u l-verifiki li saru mill-uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ma nstab l-ebda ksur tal-leġiżlazzjoni matul is-snin 2023 u 2024, filwaqt li fis-sena 2025, id-Direttorat ħareġ twissija waħda wara li ġew identifikati ċirkostanzi li ġġustifikaw tali azzjoni.

Ir-Rabat, Malta – Limiti ta’ Santa Katerina – Materjal li tneħħa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tneħħa materjal li ġie mormi illegalment, magħruf bħala barriera, fil-limiti ta' Santa Katerina, limiti tar-Rabat, Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit għadu qed jiġi mmonitorjat mill-awtoritajiet b’mod kontinwu, kemm permezz ta’ CCTV kif ukoll bi spezzjonijiet mill-uffiċjali tal-infurzar. Ninsab infurmata li l-filmati tas-sigurtà jikkonfermaw li l-operatur qed jaderixxi mal-projbizzjoni imposta mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li ma jidħolx aktar materjal ġewwa s-sit. Infurmata li l-materjal kompla jonqos, però l-volum tiegħu diffiċli jiġi kwantifikat peress li dan qed jiġi riċiklat fis-sit stess. Apparti dan, l-Awtorità għall Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qed jistennew figuri konklussivi mill-perit tal-operatur, li mbagħad jiġu konfermati mill-awtoritajiet rilevanti, sabiex jindika l-volumi fuq is-sit.

Ħmieġ tal-annimali – Multi

Question

Tista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Ħarsien tal-Annimali, tgħid kemm kien hemm persuni li weħlu multi fuq ħmieġ tal-annimali, maqsuma lokalità b’lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Ġunju 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Tista’ tgħid ukoll liema sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ambjent Malta, Project Green u entitajiet oħra – Uffiċjali tas-sigurtà

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif joperaw l-uffiċjali tas-sigurtà impjegati taħt Ambjent Malta, Project Green u entitajiet oħra li jaqgħu taħtha li huma responsabbli mis-sigurtà u l-manutenzjoni ta' parks, ġonna u soft areas? Tista' tgħid ukoll x'tip ta' shift joperaw, kemm ikun hemm uffiċjali tas-sigurtà f'kull shift, u jekk dan japplikax għax-shifts kollha u għal parks u l-areas kollha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.

In-naħa t’isfel ta’ Malta – Irwejjaħ irrappurtati

Question

B’referenza għall-irwejjaħ li ġew irrappurtati f’diversi lokalitajiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta lejn l-aħħar ta’ Mejju, tista’ l-Ministru tgħid: i.    x’kien eżattament is-sors tal-emissjonijiet fis-sit inkwistjoni; ii.    kemm saru spezzjonijiet fis-sit inkwistjoni u f’liema ġranet saru; iii.    kemm daħlu rapporti mingħand residenti u minn liema lokalitajiet saru dawn ir-rapporti; iv.    x’passi ttieħdu sabiex jiġi żgurat li ma jerġgħux iseħħu każijiet simili; u v.    jekk tistax tagħti garanzija lir-residenti li ma saritilhomx ħsara f’saħħithom?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 426, ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-14 t’April 2026 u d-9 ta’ Ġunju 2026, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) rċeviet 75 rapport minn lokalitajiet differenti li jinkludu Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Fgura, l-Isla, Bormla, l-Birgu, Santa Luċija u l-Marsa. Bħala parti mill-investigazzjoni, l-ERA wettqet 17-il spezzjoni fil-ġranet indikati hawn taħt: 14/04/2026 22/04/2026 04/05/2026 20/05/2026 22/05/2026 filgħodu 22/05/2026 filgħaxija 23/05/2026 24/05/2026 26/05/2026 filgħodu 26/05/2026 filgħaxija 27/05/2026 filgħaxija 27/05/2026 bil-lejl 28/05/2026 filgħodu 28/05/2026 filgħaxija 28/05/2026 bil-lejl 01/06/2026 09/06/2026

New Water Dispenser N188

Question

Tista’ l-Ministru tara li jiġi risolt l-inkonvenjent fir-rigward tan-New Water Dispenser bin-numru N188, li ilha bla ilma għal kważi aktar minn tliet ġimgħat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li d-dispenser li qiegħda tirreferi għalih l-Onor. Interpellanta safa fil-mira ta’ att kriminali (serq), dan sabiex jittieħed minnu ilma bla limitu. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mhux biss qiegħda ssewwi l-ħsarat li sarulu, imma wkoll qed tinvestga u tassigura li jittieħdu l-passi neċessarji biex att simili ma jirrepetix ruħu.  Id-dispenser mistenni jerġa’ jkun operattiv fil-ġranet li ġejjin.

Il-Marsa – Inċineratur – Tiġdid tal-permess

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-istatus tal-permess tal-inċineratur li jinsab fil-Marsa? Jekk jinbeda proċess għat-tiġdid ta’ dan il-permess, tista’ tgħid ukoll jekk hux se ssir konsultazzjoni wiesgħa mal-kunsilli lokali u mar-residenti kollha tal-lokalitajiet tal-madwar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-permess ambjentali IP 0004/07/C dwar il-faċilità tal-inċineratur operat mill-applikant huwa validu sal-31 ta’ Mejju 2027. Bħalissa, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed tipproċessa applikazzjoni għal tiġdid ta’ dan il-permess (IP 0012/24) li ġiet sottomessa f’Settembru 2024, fejn fuq din l-applikazzjoni saret konsultazzjoni pubblika fejn kullħadd seta’ jissottometti l-kummenti tiegħu. Din l-applikazzjoni ġiet sospiża fuq talba tal-applikant biex l-applikazzjoni tieħu inkonsiderazzjoni titjib fil-makkinarju li sar investiment fih. Diment li dawn it-tibdiliet ma jikkonsistux f’tibdiliet materjali, mhux meħtieġ li ssir konsultazzjoni pubblika oħra. Ta’ min però jirrimarka li d-deċiżjoni fuq dawn it-tip ta’ applikazzjonijiet ambjentali, IPPC, isiru fil-pubbliku fejn kwalunkwe persuna tista’ tesprimi kummenti.

Birżebbuġa - Triq il-Bajja s-Sabiħa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm ilmenti dwar id-disinn u/jew dwar ix-xogħlijiet tal-bankina l-ġdida li saret fi Triq il-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa u jekk iva, x’azzjoni ser tittieħed u sa meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rċeviet ebda lment dwar il-bankina li qed issir referenza għaliha.

Raħal Ġdid – Triq tal-Borg u t-toroq tal-madwar – Rapporti ta’ qtugħ ta’ dawl/vultaġġ ħażin

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm żieda ta' rapporti ta' qtugħ ta' dawl jew ta' vultaġġ ħażin fi Triq tal-Borg, f’Raħal Ġdid, u t-toroq tal-madwar minn Settembru 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid ukoll x'qed isir biex tiġi indirizzata din il-problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li t-triq imsemmija tieħu d-dawl minn 2 low voltage feeders separati. Infurmata wkoll li fil-perjodu indikat fil-mistoqsija ma kien hemm l-ebda ħsara reġistrata, imma kien hemm tliet okkażjonijiet fejn kellu jsir xogħol ta’ manutenzjoni li kien ippjanat u l-konsumaturi ġew notifikati minn qabel.

Qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn kien hemm qtugħ ta' dawl madwar Malta u Għawdex bejn l-1 ta' April 2026 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u għal kull istanza tgħid kemm dam il-qtugħ tas-servizz u x'kienet il-kawża tiegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-qtugħ fil-provvista kien minħabba ħsarat lokalizzati li jinqalgħu minn żmien għal żmien, jew sospensjonijiet tas-servizz pjanati biex issir manutenzjoni li tkun meħtieġa perjodikament u li jitħabbru minn qabel. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli.