Legislature:
Category:
Reset
Active:

Education 22 — informazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' impjegati li hemm mal-istazzjon televiżiv Education 22? Tista' tgħid x'inhu l-grad ta' kull wieħed minnhom? X'inhu l-budget sabiex jitmexxa dan l-istazzjon?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ impjegati li hemm mal-istazzjon televiżiv Education 22 huwa ta’ 13. Li huma: Kap 1 Għalliema 1 Għalliema Supply 6 (4 minnhom fuq leave mingħajr ħlas, u oħra talbet biex taħdem siegħat inqas) B’kuntratt definit 1 Presentation Officer 1 Producer 1 Uffiċjal Eżekuttiv 1 General Hand 1 Il- budget allokat għall-2009 huwa ta’ €233,000.

MCAST — studenti tal-IT

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti, sena b'sena, li qed jistudjaw l-IT fl-MCAST? Kemm hemm minnhom li għadhom ma bdewx u meta taħseb li kull student ikun beda s-sena skolastika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta' Malta — tender għall-canteen

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta mistenni jiġi aġġudikat it-tender tal-canteen tal-Università, aktar u aktar billi l-operatur preċedenti għadu joperah minkejja li ilha li bdiet sena skolastika ġdida?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proċess tal-aġġudikar tat-tender tal-canteen tal-Università huwa mistenni li jkun konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.

Skejjel b'ċentri għal matul il-jum

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm jeżistu bħalissa skejjel b'ċentri ta' matul il-jum għat-tfal u fejn jinsabu? X'inhuma l-pjanijiet f'dan ir-rigward għax-xhur li ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa hemm tlett ċentri tal-Istat u ħdax-il skola privata li għandhom Ċentri ta’ matul il-Jum għat-tfal, li huma hekk: Skejjel tal-Istat Post Raħal Ġdid Għargħur Ħal Luqa Skejjel Privati Isem tal-iSkola Post Chiswick House School Kappara Fleurette School of Montessori Kappara Little Angels School Birkirkara Niki’s Nursery School Sliema San Andrea School Żebbiegħ San Anton School Żebbiegħ St. Catherine’s High School Pembroke St. Cecilia’s Kindergarten Attard St. Cecilia’s Kindergarten Tarxien Thi Lakin School Attard Victoria Nursery School Naxxar Fil-futur qrib ser jinfetaħ iehor fl-iskola primarja tas-Siġġiewi.

Għaqdiet sportivi — sports leave

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' skemi ġodda ta' assistenza lill-għaqdiet sportivi kienu introdotti fl-aħħar 12-il xahar sabiex sportivi ta' livell nazzjonali li jaħdmu mal-Gvern jingħataw sports leave?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’Marzu li għadda il-Gvern nieda skema magħrufa bħala ‘20/20 Sports Training Scheme’ għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku, li jinkludu ħaddiema impjegati direttament mal-Gvern u ħaddiem oħra li huma impjegati ma’ korporazzjonijiet u Awtoritajiet tal-Gvern. L-iskema bdiet bħala proġett pilota mal-Kumitat Olimpiku bi preprazzjoni għall-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f’Ġunju li għadda f’Ċipru kif ukoll mal-Malta Football Association. Fil-preżent il-proġett għadu għaddej ma’ numru ta’ assoċċjazzjonijiet sportivi. Sadanittant il-Gvern baqa’ għaddej ukoll bl-iskema ta’ sports leave għall-impjegati tiegħu fejn jingħataw leave bi ħlas għall-attivitajiet sportivi fuq livell internazzjonali kemm ta’ klabb kif ukoll fuq livell ta’ Nazzjonal li jinżammu barra minn Malta.

Ġgantija u Ċittadella — restawr

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa tal-Ministeru tagħha fuq restawr u manutenzjoni tal-Ġgantija u ċ-Ċittadella rispettivament, kull sena mill-1999 sal-lum? Fuqiex kienet in-nefqa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — mużew tal-arti moderna u kontemporanja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa biex f’Għawdex jitwaqqaf mużew ta’ l-arti moderna u kontemporanja ta’ livell nazzjonali? Jekk sar, meta? Jekk fin-negattiv, meta mistenni li jinbeda? Fejn hu mistenni li jitwaqqaf dan il-mużew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Li sar s’issa huwa li Heritage Malta għamlet talba uffiċjali lill-Ministeru ta’ Għawdex sabiex meta jitbattal il-bini li bħalissa jilqa’ fih il-Qorti ta’ Għawdex fiċ-Ċittadella dan jingħata lil Heritage Malta. Dan il-proġett ikun jista’ jinbda meta Heritage Malta ikollha l-binja f’idejha għal dan l-iskop.

vakanzi ta' kap ta' skola fl-iskejjel governattivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm vakanzi ta' kap ta' skola fl-iskejjel governattivi f'Malta u f'Għawdex? Tista' tikkonferma jekk humiex għaddejjin proċeduri biex dawn il-vakanzi jimtlew f'din is-sena skolastika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ postijiet vakanti ta’ Kap ta’ Skola fl-iskejjel governattivi f’Malta hu 13 u f’Għawdex hu 2. Bħalissa qegħdin fil-proċess li noħorġu sejħa għall-applikazzjonijiet għal Kapijiet ta’ Skola ġodda fl-iskejjel governattivi.

Università ta' Malta — studenti Maltin u barranin

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'din is-sena universitarja, kemm hemm studenti barranin u kemm hu n-numru ta' studenti Maltin fl-Università ta' Malta? Tista' tgħid minn liema lokalitajiet ġejjin l-istudenti Maltin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

MCAST — Kors ta' Foundation fl-IT

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hu maħsub li jinbeda l-kors ta' foundation fl-IT ġewwa l-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kors tal- foundation fl-ICT (Institute of Information and Communication Technology) ġewwa l-MCAST diġa’ beda. Numru ta’ studenti li applikaw ma’ l-MCAST iżda li ser jiġu akkomodati għand il- Private Training Providers , għadhom ma bdewx minħabba li jiddependi fuq proċess ġudizzjarju li għadu għaddej.

Sliema Boys Junior Lyceum — Prize Day

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhuma r-raġunijiet li l-genituri u adulti oħra li jattendu l-Prize Day (miktuba ‘Price Day 2009’ tas-Sliema Boys Junior Lyceum fil-biljetti li nbiegħu!) nhar it-Tlieta 24 ta’ Marzu 2009 miżmuma fis-sala tal-iskola primarja intalbu jħallsu €3 kull wieħed u waħda? L-iskejjel qed jingħataw biżżejjed flus biex ikunu jistgħu jaffordjaw li jorganizzaw il-Prize Day bla bżonn li jiċċarġjaw lill-ġenituri u adulti oħra tad-dħul?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-okkażjoni li għaliha qed tirreferi l-mistoqsija parlamentari kienet serata ta’ ċelebrazzjoni u mhux Prize Day. Kien hemm żball fl-istampar tal-biljetti. It-tliet (3) euro għal kull biljett intalbu għal min xtaq jattendi s-serata taċ-ċelebrazzjoni. Ma kien hemm l-ebda ħlas għall-Prize Day li saret filgħodu. L-iskejjel ma jingħatawx flus speċifikament għall-organizzazzjoni tal- Prize Day . L-iskejjel jingħataw fondi annwali u dawn jintefqu b’deċiżjoni mill-iskola stess skont il-prijoritajiet tagħhom.

Kindergarten Assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal l-eżerċizzju dwar il-Kindergarten Assistants li għandhom livelli differenti ta’ esperjenza u kwalifiki fejn l-iżjed li qed iħossuhom diskriminati u minsija huma dawk li għandhom minn 20 sa 33 sena esperjenza fiċ-ċentri tal-kindergarten u ma ngħatawx l-opportunita` jattendu kors fl-Early Childhood Education u issa qed jinqabżu anke mill-Kindergarten Assistants 2? X’se jiġri minn dawk li jinsabu f’din il-kategorija? X’korsijiet se jiġu offruti, x’ċertifikazzjoni se jingħataw, x’għarfien se jkun hemm għall-esperjenza tagħhom u l-korsijiet varji ta’ taħriġ li għamlu tul is-snin? Dawk li jixtiequ minn din il-kategorija, se jkollhom ċans japplikaw għall-kors tad-degree li se jibda mill-Universita` ta’ Malta fil-qasam tal-edukazzjoni bikrija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7136 li kienet titratta dwar l-istess materja. Id-diskussjonijiet imsemmija f’din it-tweġiba waslu biex jiġu konklużi.

Skola Primarja Mġarr — grawna tal-futbol - xogħol meħtieġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jiġi rranġat il-grawnd tal-Iskola Primarja tal-Imġarr peress li ilu xhur twal b'parti minnu maqlugħ fejn qabel kien hemm faċilità tal-logħob u qed ikun hemm periklu għat-tfal? Għaliex ma tneħħiex dan il-periklu minkejja l-ħafna rapporti u lmenti li għamlu l-ġenituri lill-awtoritajiet konċernati? Meta se jsir ix-xogħol meħtieġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħol fuq il-ground jinsab fi stadju avvanzat. Il-wiċċ tal-art li kien hemm qabel ġie maqlugħ u l-ġebel żejjed li kien ta’ periklu tneħħa kollu. Barra minn hekk, l-art ġiet ukoll asfaltata biex fuqha jitqiegħed it-tapit artifiċjali.

Każ ta' tifel — facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex it-tifel li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jingħata l-għajnuna meħtieġa għax meta ma jkunx hemm il-facilitator jintbagħat lura d-dar meta skond ommu jista’ jibqa’ l-iskola għax filwaqt li għandu bżonn l-għajnuna m’għandux bżonn għajnuna one-to-one?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskejjel jagħmlu minn kollox biex dawk it-tfal li għandhom ċertu diffikultajiet li jirrikjedu għajnuna ta’ One to One Support, iżommuhom l-iskola meta ma jkunx hemm Learning Support Assistant. F’dan il-każ dan it-tifel intbagħat lura d-dar darba biss matul is-sena skolastika 2008 - 2009, għax ma nstabx substitute. Ta’ min jgħid li dan it-tifel kellu sapport ta’ Shared in the Same Class u f’Novembru 2008, wara review fuq talba tal-ġenituri li ġabu provi biżżejjed, kemm mill-iskola kif ukoll minn professjonisti oħra, il- Panel iddeċieda li jżid l-għajnuna għal Full-Time One to One.

Education Channel 22 — rapport dwar il-futur tal-programm

Question

Tista' l-Ministru tgħid min kienu l-persuni maħtura fuq il-kummissjoni li tqabbdet tħejji rapport dwar il-futur tal-Education Channel 22? Ingħataw ħlas u jekk iva, kemm? Tlesta r-rapport? X’inhuma r-rakkmandazzjonijiet ewlenin tiegħu ? X’deċiżjoni ttieħdet dwar dawn ir-rakkmandazzjonijiet ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuni li ħejjew ir-rapport kienu: Chairman: Fr Joe Borg Membri: Ms Grace Attard, Dr Jennine Giglio, Mr Louis Padovani, Dr Edward Warrington. Segretarja: Ms. Dawn Cassar. Dawn il-membri ma ingħatawx ħlas. Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport tlesta u r-rakkmandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Policy fuq għajnuna għal għalliema u għall-klassi

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal it-twettieq tal-policy li kemm jista’ jkun tidħol il-prassi li l-Learing Support Assistants ikunu ta’ għajnuna għall-għalliema u għall-klassi kollha minflok id-drawwa li daħlet fl-aħħar 15-il sena li f’ħafna każi hemm min irid Learing Support Assistant għal kull tifel jew tifla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont il-ftehim li ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-MUT, fil-Job Descriptions Handbook diġa’ hemm il-ftehim li l-Learning Support Assistants ikunu ta’ għajnuna għall-klassi kollha. F’paġna 7, Sezzjoni 3a fil- Job Description Handbook , hemm miktub li “ Under the guidance of the class teacher (LSAs) assist in the education of all pupils in class, in particular pupils with special educational needs .” Il-prassi qegħda tidħol b’mod gradwali peress li d-drawwa li jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant issa ilha tkun segwit għal bosta snin.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Parental Leave

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm talbiet għall-parental leave f'din l-aħħar sena, kemm jekk saru minn nisa u kemm jekk saru minn irġiel, fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel privati li għollew l-miżati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm skejjel privati li fil-bidu ta' din is-sena skolastika għollew il-miżati tagħhom? Liema kienu dawn l-iskejjel, kemm ġiet il-miżata issa u kemm kienet qabel? Tista' tgħid ukoll jekk huwiex meħtieġ li jkun hemm l-approvazzjoni ta' l-awtoritajiet edukattivi qabel dawn il-miżati l-ġodda jidħlu fis-seħħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bżonn ta' facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' tifel, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li għandu bżonn partikolari ta' facilitator? Peress li din it-talba ilha għaddejja tliet snin, tista' tara li dan il-każ jingħata l-importanza meħtieġa? Tista' tagħti l-aħħar żviluppi dwar fiex wasal il-każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikazzjoni tat-tifel ġiet reġistrata f’Novembru 2008, u għaldaqstant l-Onor. Interpellant mhux korrett meta jgħid li din it-talba ilha għaddejja 3 snin. Il-ġenituri se jingħataw appuntament matul il-ġimgħat li ġejjin skont kif imiss fuq il-lista tar-reġistrazzjonijiet. Fil-klassi t-tifel diġà qed jibbenifika mir-riżorsi li hemm ċioe żewġ Learning Support Assistants u għandu wkoll arranġamenti għall-eżamijiet.

Ħamrun — San Ġużepp Junior Lyceum - għalliema

Question

Tista' l-Ministru tispjega x'inhi l-qagħda ta' l-attendenza ta' l-għalliema fil-Kulleġġ San Ġużepp Junior Lyceum Ħamrun? Huwa minnu li fil-każ tat-tfal ta' bejn it-12 u t-13-il sena hemm saħansitra każijiet fejn tliet teachers mhux qegħdin jattendu għal-lezzjonijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika fuq liema skola qed jitkellem. Hux qed jirreferi għall-Liceo Subien tal-Ħamrun fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca jew għall-Liceo tas-Subien fil-Ħamrun fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas More? Il-Kulleġġ San Ġużepp ma jeżistix.