Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Enterprise — investiment miċ-Ċina

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 7740, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid x’investiment ġie miċ-Ċina mill-Malta Enterprise, speċjalment meta għal dan il-għan kienet impjegata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mill-2013 sal-lum?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha nagħataw separatament ilha mhix impjegata tal-Malta Enterprise minn Marzu tal-2017. Il-Malta Enterprise approvat tliet proġetti miċ-Ċina mill-2013 sal-lum.

Naxxar – Xogħol fi Triq Jules Verne

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk tlestiex ix-xogħol tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’parti minn Triq Jules Verne, fin-Naxxar, u meta se jkun konkluż ir-resurfacing tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ix-xogħol li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanta huwa parti minn proġett li qed tagħmel il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex ittejjeb is-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb lill-klijenti tat-tramuntana ta’ Malta. Ninsab infurmata li x-xogħol relatat mat-tqegħid ta’ mejnijiet huwa lest u t-tqegħid tal-asfalt huwa mistenni li jsir fil-ġimgħat li ġejjin.

Naxxar – Xogħol fi Triq Bradford

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk tlestiex ix-xogħol tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’parti minn Triq Bradford, fin-Naxxar, u meta se jkun konkluż ir-resurfacing tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma lestiet ix-xogħol li kien fil-kompitu tagħha fit-triq indikata u r-resurfacing se jkun qed isir minn Infrastructure Malta.

Naxxar – Xogħol fi Triq Sir Harry Luke

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk tlestiex ix-xogħol tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’parti minn Triq Sir Harry Luke, fin-Naxxar, u meta se jkun konkluż ir-resurfacing tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ix-xogħol li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanta huwa parti minn proġett li qed tagħmel il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex ittejjeb is-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb lill-klijenti tat-tramuntana ta’ Malta. Ninsab infurmata li x-xogħol relatat mat-tqegħid ta’ mejnijiet huwa lest u t-tqegħid tal-asfalt huwa mistenni li jsir fil-ġimgħat li ġejjin.

Naxxar – Ċentru tad-Distribuzzjoni tad-Dawl

Question

Filwaqt li d-distribution centre tad-dawl fiż-żona tan-Naxxar qed jitqies bħala bżonn imma r-residenti ma ġewx informati fuq dak li l-Gvern qed jippjana li jagħmel, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan dettaljat ta’ dak li beħsiebu jagħmel il-Gvern? Tista’ tgħid kemm se jkun kbir dan id-distribution centre? Tista’ tgħid jekk hux se jkun f’żona residenzjali? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta dettaljata tas-sit fejn ġej id-distribution centre tad-dawl fin-Naxxar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Dan iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni huwa parti mill-investiment totali ta’ €90 miljun li l-Enemalta ser tkun qed twettaq fuq medda ta’ sitt snin biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku madwar il-pajjiż. Għalkemm il-pjanijiet dettaljati tiegħu għadhom qed jitħejjew, huwa previst li dan ser isir b’investiment ta’ €12-il miljun. Infurmata li wara li ġew ikkunsidrati diversi siti mal-Awtorità tal-Artijiet, instab li l-aktar post adattat u ideali huwa fi Triq San Pawl, kantuniera ma’ Triq San Timotju u triq ġdida, li huwa 'l bogħod mit-toroq distributorji. Is-sit li qed inpoġġi pjanta tiegħu (site plan) fuq il-Mejda tal-Kamra huwa madwar 1,954 metru kwadru u dan intgħażel ukoll wara li ġew ikkunsidrati diversi aspetti tekniċi fil-kuntest li l-cables minn dan iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni eventwalment iridu jitqabbdu man-network tal-elettriku fin-Naxxar.

Trasportazzjoni tal-gass LNG lill-Floating Storage Unit — ħlas

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 7927, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid min qed iħallas għat-trasport biex il-gass LNG jiġi fornut lill-Floating Storage Unit? Tista’ tgħid jekk dawn l-ammonti hux qed jitħallsu mill-Enemalta u kemm tħallas s'issa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prassi fl-industrija tal-komoditajiet hija li l-ispiża tat-trasport tal-LNG hija integrata fil-prezz tal-komodità. Għaldaqstant, l-Enemalta ma tagħmilx ħlas separat għat-trasport tal-LNG.

Taċ-Ċumnija l/o Mellieħa – ħruġ ta’ drenaġġ fil-baħar

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'wassal biex fl-inħawi Taċ-Ċumnija, fil-limiti tal-Mellieħa, kien hemm drenaġġ li ħareġ fil-baħar matul l-aħħar jiem? X'passi ttieħdu biex l-istess drenaġġ ma jibqax ħiereġ fil-baħar? X'passi oħrajn ittieħdu biex każi bħal dawn ma jirrepetux ruħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li milli jidher fl-impjant inkwistjoni qed jintefa’ mhux biss drenaġġ urban iżda wkoll skart mitfuħ minn irziezet fl-inħawi. Dan l-iskart mill-irziezet jikkawża problemi fil-proċess, partikolarment f’perjodi fejn l-influss tad-drenaġġ ikun elevat għaliex l-impjant ikollu jopera lil hinn mill-kapaċità tiegħu. Wara l-inċident imsemmi, l-impjant saritlu manutenzjoni u tindif meħtieġ sabiex jitneħħa materjal akkumulat. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’diskussjonijiet sabiex jiddaħħlu miżuri aktar stretti sabiex jiġi rregolat l-iskart tal-irziezet. Barra minn hekk, għaddejjin ukoll pjanijiet sabiex titkabbar il-kapaċità tat-tisfija tad-drenaġġ ta’ dan l-impjant.

Impjant taċ-Ċumnija l/o Mellieħa – tisfija ta’ new water

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar l-ammont ta' new water li qed jiġi msoffi (prodott) mill-impjant taċ-Ċumnija fil-limiti tal-Mellieħa? Kemm minn dan l-ilma qed jintuża mill-bdiewa fil-preżent? F’liema nħawi qed jintuża dan l-ilma sal-lum?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul l-aħħar sena ġie prodott 900,365m3 new water mill-impjant taċ-Ċumnija fil-limiti tal-Mellieħa, li ġie utilizzat kollu. Fil-preżent dan l-ilma qed jasal fl-inħawi ta’ wara l-Għadira, jitla’ lejn il-ġibjun Ta’ Pennellu u jinżel il-Manikata, Għajn Tuffieħa kif ukoll l-Imġarr (limiti Santi u Fomm ir-Riħ).

Project Green – San Ġiljan u Tas-Sliema – proġetti

Question

Fid-dawl li Project Green qiegħda tagħmel numru ta’ proġetti biex ikun hemm spazji ħodor miftuħin għall-pubbliku, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm xi proġetti simili ġewwa San Ġiljan u Tas-Sliema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz tal-Community Greening Grant kull Kunsill Lokali ngħata l-opportunità li jressaq applikazzjoni għal spazji miftuħa ġodda, liema sottomissjonijiet bħalissa qegħdin jiġu evalwati.

Ċirkewwa Terminal – turbina tar-riħ li mhux tiffunzjona

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8460, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid għalfejn it-turbina tar-riħ li hemm installata fit-terminal taċ-Ċirkewwa mhux tiffunzjona? Tista' tgħid ukoll kemm ilha ma topera u jekk hux qed tistenna li ssir xi tiswija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ingaġġ ta’ persuni għal servizzi ta’ fotografija

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ingaġġatx persuni full-time jew part-time, u kemm persuni ingaġġat, biex joffru servizzi ta' fotografija matul l-2022? Tista' tgħid l-ammont ta' flus li l-Ministeru nefaq fuq servizzi ta' fotografija matul l-2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ir-Rabat, Għawdex – irwejjaħ tad-drenaġġ fi Triq Wied u Triq id-Dawwara

Question

Peress li fi Triq il-Wied, Triq id-Dawwara u l-akkwati fir-Rabat, Għawdex, f'dawn l-aħħar ġimgħat qed ikun hemm irwejjaħ tad-drenaġġ, tista’ l-Ministru tindirizza din il-problema u tgħid x'passi hemm ippjanat li jittieħdu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma kellha l-ebda lment dwar irwejjaħ ta’ drenaġġ fl-akkwati indikati qabel ma saret din il-mistoqsija parlamentari. Il-Korporazzjoni ħadet il-passi kollha meħtieġa billi għamlet spezzjonijiet kemm fis-sistemi tad-drenaġġ kif ukoll fit-tappieri li magħhom imqabbad ir-rising main u waqt dawn l-ispezzonijiet ma ġewx identifikati diffikultajiet. Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jistgħu jċemplu fuq 8007 6400 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku www.wsc.com.mt

Malta Enterprise – Skema Business Start 2021

Question

B'referenza għall-iskema Business Start 2021, imħaddma mill-Malta Enterprise, tista' l-Ministru tgħid kemm daħlu applikazzjonijiet, kemm kienu rifjutati u min ingħata dawn il-fondi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta tnediet l-iskema Business Start 2021 s’issa, Malta Enterprise irċeviet 203 applikazzjonijiet li minnhom kien hemm 48 li ġew rifjutati. Malta Enterprise hija koperta bil-kunfidenzjalità imposta skont l-artikolu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) u l-artikolu 33 tal-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act). Għaldaqstant, ma tistax telenka l-ismijiet ta’ dawk li kellhom l-applikazzjoni tagħhom approvata.

Malta Enterprise – Skema Business Start 2021 – membri tal-Bord tal-Għażla

Question

B'referenza għall-iskema Business Start 2021, imħaddma mill-Malta Enterprise, tista' l-Ministru tgħid min huma l-membri tal-Bord tal-Għażla?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjonijiet għall-iskema Business Start 2021 jiġu evalwati minn evaluation team tal-Korporazzjoni. Fl-eventwalità li l-evaluation team ma jasalx ghal decizjoni konklussiva, dik l-applikazzjoni titla’ quddiem il-Bord ta' Malta Enterprise.

Enemalta – informazzjoni dwar il-bozoz f’Malta u Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’informazzjoni għandha l-Enemalta għal dak li jikkonċerna l-bozoz pubbliċi madwar Malta u Għawdex? Meta nġabret l-informazzjoni dwar dawn il-bozoz? Għal dak li jikkonċerna l-bozoz li kienu diġà jeżistu qabel it-twaqqif tal-Enemalta, tista’ l-Ministru tgħid kif inġabret l-informazzjoni dwar dawk il-bozoz li diġà kienu installati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Enemalta għandha Geographical Information System, fil-qosor GIS, li hija wkoll disponibbli għall-Kunsilli Lokali. Din is-sistema tiġi aġġornata kontinwament u tinkludi fost oħrajn kull bozza pubblika li saret jew hija fir-responsabbiltà tal-Enemalta. Sad-9 ta’ Mejju 2023, fis-sistema GIS kienu reġistrati total ta’ 53,764 lampa fit-toroq ta’ Malta u Għawdex. Dawn jinkludu wkoll il-bozoz pubbliċi li saru qabel twaqqfet l-Enemalta fl-1977. Tagħrif dwar bozoz installati qabel it-twaqqif tal-Enemalta kien inġabar f’eżerċizzju li beda fl-2001 u ssokta fis-snin ta’ wara.

Skeda ġdida ta’ ġbir tal-iskart

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5103, tista' l-Ministru tgħid fejn din il-kundizzjoni tinsab fil-ftehim li hemm fis-seħħ mal-kuntratturi tal-ġbir tal-iskart mal-Kunsilli Reġjonali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nerġa’ niċċara li l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża mhuwiex parti mill-ftehim għall-ġbir tal-iskart, kif diġà indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5103.

Skart miġbur fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2023

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta' skart f'tunnellati li nġabar f'kull lokalità rispettivament f'Malta u Għawdex, għax-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu tas-sena 2023, u liema ammonti jkunu maqsuma wkoll rispettivament għal dawn it-tipi ta' skart: skart imħallat (borża sewda); skart riċiklabbli (borza griża/ħadra); u skart organiku (borza bajda)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Minħabba li, mill-bidu ta’ din is-sena, il-ġbir tal-iskart beda jsir mir-Reġjuni, l-informazzjoni hija maqsuma skont ir-reġjun.

Rabat, Għawdex – Twaħħil ta’ struttura fuq il-binja ta’ ARMS Ltd.

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8223, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilha, u ċjoè: Fid-dawl tal-fatt li twaħħlet struttura temporanja fuq il-binja tal-ARMS Ltd. fi Triq il-Kapuċċini, ir-Rabat Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid: a. x'inhi r-raġuni li twaħħlet din l-istruttura; b. hemmx il-permessi kollha neċessarji kif stabbiliti mil-liġi biex isiru x-xogħlijiet? Jekk iva, x'inhu n-numru tar-referenza tal-permess; ċ. hemmx pjan ta' rilokazzjoni għal entità tal-ARMS fid-dawl tal-fatt li dan jista’ jkun ta' periklu; u d. x'inhu l-pjan u għal kemm terminu ta' żmien din l-istruttura se tibqa’ mwaħħla?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat, peress li x-xogħlijiet li qed jirreferi għalihom mhux qed isiru mill-kumpanija ARMS.

Persuni eleġibbli għall-iskema biex jistallaw reverse osmosis

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk individwi li għandhom villeġġjatura bħala t-tieni dar tagħhom u li m’għandhomx il-karta tal-identità mniżżla fuq din il-proprjetà, humiex eleġibbli għall-iskema biex jinstallaw l-impjant domestiku tar-reverse osmosis?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li individwi li għandhom villeġġjatura bħala t-tieni dar tagħhom u li m’għandhomx il-karta tal-identità mniżżla fuq din il-proprjetà huma eleġibbli, għax l-għotja ma tiddistingwix jekk il-proprjetà residenzjali tkunx ir-residenza primarja jew dik sekondarja (villeġġjatura). Madankollu, persuni u djar li diġà bbenefikaw minn din l-għotja mhumiex eliġibbli għal għotja oħra maħruġa taħt din l-iskema. Barra minn hekk, apparat installat f’caravans, dgħajjes, boathouses jew bini li mhuwiex intenzjonat għal użu residenzjali mhuwiex eliġibbli taħt din l-iskema.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — ħaddiema First Aiders

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm għandha impjegati, fid-dekasteru u l-entitajiet li jaqgħu taħtha, li huma First Aiders?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, inklużi d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, in-numru ta’ impjegati li huma First Aiders huwa 556. Ngħarrfu wkoll li hemm 20 impjegat ieħor li jaqgħu taħt il-Ministeru li bħalissa qed jingħataw it-taħriġ fl-ewwel għajnuna.