Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba saret manutenzjoni fuq l-iskalin madwar Malta u Għawdex, meta saret din il-manutenzjoni u f'liema lokalità sena b'sena mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm ġiet tiswa l-ispiża biex saret il-manutenzjoni tal-iskalin f'kull lokalità?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi skema li tgħin lis-sajjieda jikkonservaw id-dgħajjes tas-sajd tradizzjonali tagħhom? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm kien hemm sajjieda li gawdew minn din l-iskema? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal din l-iskema?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fil-mument m’hemmx skema li tgħin lis-sajjieda jikkonservaw id-dgħajjes tas-sajd tradizzjonali tagħhom
Provvista ta’ ħaxix, frott, ħut u laħam – żieda fis-sigurtà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex tiżdied aktar is-sigurtà tal-provvista ta' ħaxix, frott, ħut u laħam frisk u lokali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sigurtà tal-provvista bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja ġiet indirizzata mill-Politika Agrikola Komuni (PAK), li tipprovdi għajnuniet diretti lill-bdiewa u raħħala sabiex ikunu jistgħu iwettqu attività agrikola sostenibbli u li jipproduċu, fost affarijiet oħra, ħaxix, frott u laħam. Filwaqt li bl-adozzjoni f’Malta tal-iskema ta’ pagament uniku diżakkoppjat fl-2007, l-għajnuniet diretti jipprovdu dħul finanzjarju lill-bidwi jew raħħal bla rabta mal-produzzjoni sabiex ikun jista’ jiddeċiedi hu x’tip ta’ attività għandu jwettaq, mir-Riforma tal-PAK tal-2013 il’ quddiem Malta bħala eċċezjoni f’ċertu setturi sensittivi żammet ħlasijiet volontarji akkopjati. Barra minn hekk ġew imnedija wkoll għajnuniet li jkomplu jsaħħu l-kompetitività, l-effiċjenza u l-innovazjoni fl-agrikoltura taħt il-programm tal-iżvilupp rurali 2014-2020.
Rigward s-sigurtà fil-provvista ta’ ħut, f’Malta, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, timplimenta dawk il-passi kollha sabiex tinforza miżuri maqbula kemm fuq livell internazzjonali, fi ħdan l-Unjoni Ewropeja, kif ukoll fuq livell nazzjonali bil-għan li tassigura li l-istokkijiet tal-ħut jibqgħu sostenibbli. B’hekk kemm is-sajjieda tal-lum kif ukoll dawk tal-ġenerazzjonijiet li jmiss jibqgħu jsibu ħut li jista jittieħed mill-baħar filwaqt li jiġu preservati l-istess ekosistemi illi jagħmlu parti minnhom.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema żoni differenti kienu mpoġġija l-Bring-in Sites mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fil-konfini tal-lokalità, sena b’sena bejn Jannar 2009 u Marzu 2018?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2009 il-Bring-in Sites fil-lokalità tal-Mellieħa kienu jinstabu fiż-żoni sussegwenti:
1. Triq l-Iżbark tal-Franċiżi
2. Triq l-Etna
3. Qasam Barrani
4. Ramla tal-Qortin
5. L-Armier iż-Żgħir
6. Ramla tat-Torri l-Abjad
7. Triq il-Marfa
8. Triq it-Trill
9. Daħlet ix-Xmajjar
10. L-Għadira
11. Triq il-Mellieħa
Filwaqt li fl-2010 żdiedet żona oħra li hija Ix- Xatt Ta` Santa Marija. Għaldaqstant mill-2010 sal-2014 il-lokalità tal-Mellieħa kellha tnax–il żona fejn kienu jinstabu il-
Bring-in Sites.
Dan
qabel ma l-Wasteserv tat dawn is-siti lill-Kunsill Lokali biex jiġu ġestiti minnhom hekk kif stabbilit fil-kuntratt oriġinali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ Bring-in Sites fil-lokalità tal-Mellieħa bejn Jannar 2009 u Marzu 2018 (sena b’sena)?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija hija l’istess bħar-risposta’ għall-Mistoqsija Parlamentari 5444 u cioè li fl-2009 il-lokalità tal-Mellieħa kellha ħdax-il żona fejn kienu jinstabu il-Bring-in Sites. Dawn żdiedu għal tnax-il żona fl-2010 sas-sena 2014. Dan qabel ma l-Wasteserv tat dawn is-siti lill-Kunsill Lokali sabiex jiġu ġestiti minnhom hekk kif stabbilit fil-kuntratt oriġinali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Wasteserv jew il-Ministeru, kellux ilmenti mill-ħaddiema li jaħdmu fl-impjant Tal-Kus fix-Xewkija, Għawdex dwar irwejjaħ u ħmieġ ieħor li ġej mill-impjant li sar mill-privat fl-istess sit tal-Wasteserv biex jilqa’ u jitratta d-demel likwidu tal-farms tal-baqar kollha f’Għawdex? X’qed jagħmel il-Ministeru tiegħu biex jara li l-ħaddiema jkollhom ambjent tajjeb fuq il-post tax-xogħol tagħhom? Qabel tpoġġa dan l-impjant f’Tal-Kus, saru l-istudji neċessarji speċjalment dwar is-saħħa u s-sigurtà tan-numru kbir ta’ ħaddiema li jaħdmu f’dan is-sit?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li riċentament il-Wasteserv irċeviet ilment tramite l-Unjin rappreżentattiva tal-Ħaddiema rigward irwejjaħ allegatament ġenerati mill-impjant li jilqa’ u jittratta dan id-demel.
Instantanjament, il-Wasteserv ħadet passi sabiex tinvestiga dan l-ilment. Filwaqt li nstab li kien hemm okkażjoni fejn munzell li dam biex ġie trattat minn razzett partikolari, u rejjaħ meta ġie ipproċessat fl-impjant, jirriżulta li sa’ l-għada ma kien hemm l-ebda riħa nsapportabbli. Minn testijiet li saru nstab ukoll li ma kien hemm l-ebda preżenza ta’ gassijiet tat-tip H2S, CH4 u CO.
Il-kuntrattur li jħaddem dan l-impjant ġie nfurmat b’dan il-każ u mwissi sabiex munzelli antiki ma jiġux ipproċċesati f’din il-faċilità.
Fir-rigward ta’ studji neċessarji qabel tpoġġa dan l-impjant f’tal-Kus, nikkonferma li l-kuntrattur kien ġie mitlub jipprepara
risk assessment
għal dawn ix-xogħlijiet, u r-riskji misjuba ġew mitigati mill-istess kuntrattur. Nikkonferma wkoll illi l-Wasteserv perjodikament taċċerta li l-kuntrattur qiegħed jaħdem skond ir-rekwiżiti speċifikati f’dan ir-
risk assessment
. Kopja ta’ dan ir-rapport qiegħed jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se titkompla r-riforma fil-Pitkalija kemm dik infrastrutturali (billi l-binja eżistenti tiġi mmodernizzata) kif ukoll billi jiġu introdotti sistemi ta' grading, ippakkjar u labelling biex jiġi żgurat li l-bdiewa jieħdu l-aktar prezz ġust għall-prodotti tagħhom? Jista’ jserraħ ras il-bdiewa li l-Pitkalija mhux se tgħaddi f'idejn il-privat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jinsab f’diskussjonijiet interni, fejn wara se jkun qed jiddiskuti din ir-riforma mal-partijiet kollha nvoluti sabiex jaċċerta li din ir-riforma tagħti l-aħjar servizz lill-bidwi u l-konsumatur.
Jista’ l-Ministru jserraħ ras il-bdiewa li mill-binja tal-Pitkalija se jibqa’ jinbiegħu prodotti lokali biss?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-Liġi Sussidjarja 117.20 il-prodott agrikolu li jiġi mibjugħ fil-Pitkalija għandu jkun biss dak imkabbar lokalment.
Agrikultura — Agroponics u Hydroponics – sistemi innovattivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern bediex jaħdem fuq Public Private Partnership biex jiġu introdotti sistemi innovattivi bħal ma huma l-agroponics u l-hydroponics għat-tkabbir ta' prodotti agrikoli?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-miżura tal-manifest elettorali ‘Nikkunsidraw mudell ta’ public-private partnership f’sistemi innovativi bħal ma huma l-agroponics u hydroponics għal tkabbir ta’ prodotti agrikoli inkluż dawk immirata lejn l-esportazzjoni ser tkun implimentata fuq perjodu ta’ erbgħa snin. Bħalissa qed isiru preparamenti sabiex ikun jista jigi stabbilit mudell tal-hydropinics bħala demostrazzjoni ġewwa l-Għammieri.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-prodotti agrikoli li preżentament qegħdin jiġu esportati barra l-pajjiż u lejn liema pajjiżi? X'qed jagħmel il-Gvern biex aktar prodotti agrikoli jiġu esportati barra l-pajjiż? Liema pajjiżi qegħdin jiġu targeted li ssir esportazzjoni ta' prodotti agrikoli lejhom?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Politika Agrikola Nazzjonali, li preżentament qiegħda fil-fażi sabiex tiġi ppublikata, tippromwovi miżuri sabiex prodotti agrikoli, li sa llum għadhom mhumiex kummerċjalizzati, jkunu jistgħu jiġu prodotti u preżentati aħjar. Dan bil-għan li dan il-prodott jiġi diversifikat u jinfetħu swieq ġodda, fosthom is-suq tal-‘esportazzjoni’. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija dwar statistika t’esportazzjoni preżenti lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw scholarships għal min irid jagħmel riċerka b’metodi ġodda kif ittejjeb is-settur agrikolu mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi ma tax scholarships lil studenti fuq riċerka ta’ metodi ġodda kif ittejjeb is-settur agrikolu. Madankollu, qed jiġu offruti opportunitajiet ta’ student placements fl-Għammieri fejn studenti tal-biedja tal-MCAST qed ikunu jistgħu jitħarrġu u jiksbu esperjenza fl-istudji tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk twaqqafx il-bank ġenetiku tal-pjanti u żrieragħ endemiċi? Jekk dan il-bank għadu ma twaqqafx, meta hemm il-ħsieb li jsir dan?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Bank Ġenetiku tal-Pjanti u Żrieragħ ser jiġi mwaqqaf bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali tal-Gvern. Dan ser jiġi żviluppat f’numru ta’ fażijiet bejn l-2018 u l-2021. Ix-xogħol fuq dan il-proġett diġa beda. Il-proġett mistenni jkun lest fl-2021.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Segretarjat Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali - nisa fuq bordijiet tal-Gvern
Question
Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarjat Parlamenteri għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum, kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 4944.
Triq li mill-pont tal-Mistra tagħti għall-bajja tal-Mistra – qtugħ ta’ qasab
Question
Jista’ l-Ministru jara li ammont ta’ qasab li hemm fit-triq li minn fuq il-pont tal-Mistra tagħti għall-bajja tal-Mistra u li qed joħolqu periklu għas-sewwieqa u għan-nies li jgħaddu bil-pass miż-żona, jiġu maqtugħa jew jinżabru?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġranet li ġejjin ser issir spezzjoni fuq il-medda tat-triq li tagħti mill-pont għal bajja tal-Mistra u jsir pjan ta azzjoni biex jitneħħa il-qasab li jista jkun ta’ periklu għas-sewwieqa u għan-nies li jgħaddu bil-pass.
Jista’ l-Ministru jgħid il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kemm kellu żoni differenti ta’ Bring-in Sites fil-konfini tal-lokalità, sena b’sena bejn Jannar 2009 u Marzu 2018?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2014 il-lokalita’ tal-Mellieħa kellha tnax-il żona fejn kienu jinstabu il-Bring-in Sites. Dan qabel ma l-Wasteserv tat dawn is-siti lill-Kunsill Lokali biex jiġu ġestiti minnhom hekk kif stabbilit fil-kuntratt oriġinali.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — TV advertising - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Kampanja nazzjonali ta’ promozzjoni ta’ xiri ta’ prodotti lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Gvern se jikkontribwixxi lejn kampanja nazzjonali li tippromwovi x-xiri ta' prodotti lokali bħalma huma dawk agrikoli, laħam u ħut bil-għan li jkun megħjun il-prodott lokali Malti u Għawdxi hekk kif kien wiegħed fil-programm elettorali tiegħu l-Partit Laburista? Meta se jiġu introdotti ċ-ċertifikazzjoni ta' kwalità tal-prodott Malti? X'inhi r-raġuni li din iċ-ċertifikazzjoni għadha ma daħlitx?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat ta’ l-Agrikoltura għaddej bl-iskema nazzjonali ‘Prodotti ta’ Kwalità’ li ġiet varata f’Jannar ta’ din is-sena. L-iskema, li hi miftuħa għas-setturi agrikoli kollha, hija waħda volantarja u għalhekk il-parteċipazzjoni f’din l-iskema hija waħda volontarja wkoll. Id-Direttorat qiegħed jaħdem sabiex iqanqal interess f’din l-iskema bil-għan li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-produtturi. Hemm diskussjonijiet għaddejjin ma’ setturi varji fosthom is-settur tal-Ħalib, tal-Laħam, tal-Majjal, tal-Għasel u tat-Tadam tal-iproċessar. La darba jkun hemm il-prodotti li jidħlu f’din l-iskema, ikun possibbli li tibda l-kampanja għall-promozzjoni ta’ Prodotti ta’ Kwalità sabiex jingħata mportanza lil dawk il-prodotti b’din il-marka. Ta min isemmi li bħalissa għaddejja kampanja li timpromwovi nbejjed ta’ kwalità li huma prodotti f’Malta.
Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura jippromwovi l-konsum tal-ħut lokali permezz ta’ diversi proġetti, fosthom il-proġett “EFF313 – Titjib tal-Konsum tal-Ħut permezz tal-Edukazzjoni/ Kuxjenza u Diversifikazzjoni” magħruf aħjar bis-
slogan
“Kul ħut frisk” li tnieda fl-2015. L-iskop ewlieni ta’ dan il-proġett kien biex jgħin fl-isforz għal sajd aktar sostenibbli, diversifikazzjoni fl-għażla ta’ tipi ta’ ħut lokali għall-ikel, diversifikazzjoni ta’ prodotti tal-ħut li jinbigħ fis-suq lokali u biex ikun hemm żieda fil-kompetittività tas-settur. Bl-użu ta’ pubbliċità, reklamar u ta’ strateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-proġett ħoloq kuxjenza fost il-pubbliku in ġenerali rigward il-benefiċċji nutrittivi meta tiekol ħut frisk lokali u kif wieħed jista’ jżid il-konsum ta’ ħut maqbud mis-selvaġġ u speċi ta’ ħut imrobbi fl-akkwakultura. Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura qed jaħdem fuq it-tnedija tal-proġett “EMFF 4.3.1 - Nesploraw Flimkien it-Teżori tal-Baħar”. L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li jiġu komunikati tliet messaġġi prinċipali, li huma: (i) għarfien dwar l-istat tal-istokkijiet tal-ħut lokali (ii) konsum sostenibbli tal-ħut lokali u (iii) r-rwol ta' kull individwu biex jiżdiedu l-isforzi ta' konservazzjoni. L-udjenza prinċipali ta’ dan il-proġett huma diversi studenti fl-iskejjel primarji matul is-sena skolastika 2017-2018 u l-pubbliku in ġenerali fuq diversi pjattaformi tal-mass midja.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni kien hemm għal restawr ta' ġwiebi għall-ġbir tal-ilma tax-xita? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet se jieħdu l-fondi biex isir ix-xogħol? Meta hu ppjanat li jingħataw dawn il-fondi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum daħlu total ta’ 40 applikazzjoni li jikkonċernaw ġwiebi għall-ġbir u l-ħażna tal-ilma taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020. Bħalissa dawn l-applikazzjonijiet qed jiġu evalwati mill-kumitat maħtur għal dan l-għan u l-ewwel riżultati tal-applikazzjonijiet magħżulin għandhom jiġu ppubblikati mill-Awtorità ta’ Ġestjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza fil-ġimgħat li ġejjin. Għaldaqstant, qabel ma jingħalaq dan il-proċess ta’ evalwazzjoni m’huwiex magħruf kemm minn dawn l-40 applikazzjonijiet se jitqiesu eleġibbli u mbagħad jiġu magħżula sabiex jieħdu l-fondi. Dan il-proċess jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità ta’ Ġestjoni (MEAE) li hija l-entità responsabbli għat-tnedija tal-miżuri u l-għażla u l-kuntrattar tal-applikazzjonijiet taħt l-iskemi tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2014-2020 għal Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pitkalija hijex se tibqa’ mmaniġġjata mill-Gvern jew jekk hux se tingħata lill-privat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum il-Gvern ma ħa l-ebda deċiżjoni li l-Pitkalija tingħata lill-privat, iżda l-Gvern se jaċċerta li din ir-riforma tkun waħda li tagħti l-aħjar servizz lill-bidwi u lill-konsumatur.