Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċertifikati ta' koabitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26121 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u jgħid għalfejn persuna li għandha ċertifikat ta' koabitazzjoni mhix inkluża fil-lista tal-artiklu 4(1)(g) tal-Kapitlu 217 tal-Liġijiet ta' Malta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25713, jista’ l-Ministru jindika bil-preċiż il-laqgħat li għandu jattendi jew li diġà attenda bid-dati relattivi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-7 ta’ Marzu ta’ din is-sena attendejt għal-laqgħa tal-Justice and Home Affairs Council. Apparti din sa’ l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025, hemm skedati Justice and Home Affairs Councils ieħor ġewwa l-Lussemburgu, kif ukoll laqgħat u konferenzi varji fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa ġewwa Strasburgu.

Ġuri pendenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25962, jista’ l-Ministru jindika kemm mill-persuni li għandhom ġuri pendenti kienu jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Frar 2025?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-aħħar ta’ Frar 2025 kien hemm wieħed u tletin (31) persuna fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin illi għandhom ġuri pendenti.

Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iktar għaxar toroq f'Malta li matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2024 ingħataw ċitazzjonijiet fihom? Jista’ jgħid ukoll kemm kien l-ammont ta’ ċitazzjonijiet għal kull triq?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema ċitazzjonijiet qed jirreferi.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni – Konsulenti — Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għall-ingaġġar ta' konsulenti mill-Ministeru tiegħu, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi; min kienu dawn il-konsulenti; xi kwalifiki għandhom; x'inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għal kull servizz ta' konsulenza li ta? Jista’ jgħid ukoll dawn il-konsulenti kif ingħataw dan ix-xogħol, jekk hux permezz ta' direct order jew tender?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti fis-Segretarjat tal-Ministeru għall-Ġustizzja Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni huma ingaġġati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Ħaddiema part-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi part-time fil-Ministeru tiegħu u x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-impjegati għandhom impjieg full-time x'imkien ieħor?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dekasteru u is-segretarjat tiegħi hemm 68 ħaddiem li jaħdmu part-time.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni -Tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’kemm-il sessjoni ta' tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari kellu jirrispondi hu personalment mill-bidu ta' din il-Leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem li dan il-Parlament huwa gwidat bi proċedura Parlamentari stabbilita mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra. Għaldaqstant, jifhem li l-ordni tal-Interpellanza għal tweġiba orali u l-mod kif jiġu magħmula interpellanzi huma regolati mill-istess Ordnijiet Permanenti. L-informazzjoni kif mitluba ma tinżammx.

Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol — Każijiet ta’ multi mhux imħallsa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25622 u jelenka lista tal-każijiet li ttellgħu l-Qorti mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2024 minħabba multi li ma tħallsux? Jista’ jgħid ukoll id-data u l-valur tal-multa oriġinali ta’ kull każ?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li għal kull multa amministrattiva li baqgħet mhux imħallsa jinbdew il-proċeduri quddiem il-Qorti b’mod awtomatiku kif titlob il-liġi. Dan għaliex ġaladarba jiskatta l-perjodu fejn persuna ma ħalsitx il-multa il-każ jiġi proċessat normali bħal kull każ ieħor fejn ikun hemm ksur tal-liġijiet tas-Saħħa u s-Sigurtà. L-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant mhijiex disponibbli, madanakollu ninforma li fil-perjodu indikat u ċjoè bejn Jannar tas-sena 2022 u Diċembru 2024 inħarġu 1,094 multa amministrattiva, b’valur totali ta’ €535,850. Bl-introduzzjoni tas-sistema tal-Management Information System, li ġiet introdotta mill-bidu ta’ din is-sena, informazzjoni bħal din tkun tista’ tinġabar.

Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol — Multi mhux imħallsa - Persuni mtellgħin il-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25621 u jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà minħabba multi li ma tħallsux, maqsuma sena b’sena, minn meta twaqqfet l-Awtorità sal-31 ta’ Diċembru 2024?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant illi minkejja li l-Awtorità ġiet imwaqqfa fis-sena 2000, il-multi amministrattivi bdew jinħarġu mis-sena 2012 permezz tal-Avviż legali 36/2012 u kull persuna li rċeviet multa amministrattiva u li baqgħet mhux imħallsa nbdew il-proċeduri quddiem il-Qorti b’mod awtomatiku kif titlob il-liġi. Matul il-perjodu inkwistjoni, u ċjoè bejn is-sena 2012 sa 2024, inħarġu il-fuq min 4,700 multa amministrattiva. Il-figura preċiża ta’ kemm ittellgħu persuni l-Qorti mill-Awtorità mhux possibbli li tingħata peress li din l-informazzjoni tkun trid tiġi miġbura manwalment. Apparti minn hekk l-Awtorità hija ukoll marbuta bil-liġi tad-data, fejn files li jkunu magħluqa ma jinżammux aktar mill-perjodu stabbilit skont ir-retention policy, tal-istess Awtorità. Għalhekk il-files jinżammu sa' ħames snin minn meta jingħalaq il-każ. Madanakollu, bl-introduzzjoni tal-Management Information System li ġiet introdotta mill-bidu ta’ din is-sena, din l-informazzjoni se tibda tkun tista’ tinġabar.

Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol — Appelli interni dwar multi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25620 u jelenka l-proċedura sabiex persuna tkun tista’ tagħmel appell intern mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà sabiex tkun tista’ ssir reviżjoni interna dwar multa mingħajr il-ħtieġa li persuna tittella’ l-Qorti? Jista’ jgħid ukoll fejn din il-proċedura hija applikabbli u fejn mhijiex?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi abbażi tal-artikolu 23(1)(a) u (b) tal-Kap. 646 tal-Liġijiet ta’ Malta, kull persuna li trid tappella minn deċiżjonijiet, ordnijiet, jew strumenti amministrattivi maħruġa mill-Awtorità, kif ukoll affarijiet inkonnessjoni ma’ ksur ta’ natura amministrattiva u li bħala riżultat tal-istess tista' tiġi imposta penali amministrattiva, jista' jagħmel hekk permezz tal-mekkaniżmu adoperat tat-Tribunal għas-Saħħa u s-Sigurtà mwaqqaf mill-istess artikolu.

Reati kriminali li ma jġorrux piena

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk preżentement hemmx reati kriminali li ma jġorrux piena? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista' jindika liema huma r-reati u f’liema artikoli tal-liġi qegħdin dawn ir-reati bla piena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali informazzjoni tinkiseb b’analiżi tal-ligijiet ta’ Malta.

Sit tal-Gvern ‘Konsultazzjoni Pubblika’ — Proposti ta’ liġijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk proposti ta’ liġijiet ġodda li qed isiru fuq is-sit tal-Gvern intitolata ‘Konsultazzjoni Pubblika’ humiex qed jiġu vetted mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat qabel ma jiġu ppubblikati?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Energy Performance of Buildings Directive (EU/2024/1275)

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25827 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid f’liema proċess waslet l-implimentazzjoni tal-Energy Performance of Buildings Directive (EU/2024/1275), x’bidliet saru, u sa meta jippjana li jkunu qed jiġu implimentati l-bqija tal-bidliet mitluba mid-direttiva?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Energy Performance of Buildings Directive (1275/2024 EU) ġiet adottata mil-Unjoni Ewropeja fis-sena 2024. Din id-Direttiva trid tiġi trasposta fil-liġijiet ta’ Malta sa Mejju 2026. Malta qegħda fil-proċess li temenda l-liġijiet sussidjarja 623.01 u 623.07 sabiex dawn jirriflettu d-Direttiva 1275/2024 EU. Malta hija kommessa li tagħmel dan saż-żmien stipulat kif ukoll li tieħu dawn l-azzjonijiet kollha previsti mil-istess direttiva. Malta diġà ħadet azzjonijiet fuq diversi partijiet ta’ din id-Direttiva peress li dawn l-azzjonijiet kienu diġà jagħmlu parti minn direttivi ta’ qabel (10/31EU u 844/18EU) li ġew issostitwiti b’din id-direttiva il-ġdida (1275/2024 EU).

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Persuni b'diżabilità - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati direttament mal-Ministeru tiegħu? Jekk iva, kemm hu n-numru ta' persuni u x'tip ta' xogħol iwettqu? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Filwaqt li nirreferi lil-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ingħatat lill-kollega tagħha għall-mistoqsija parlamentari 26071, ġejt infurmat illi l-informazzjoni kif mitluba ma tkunx tista’ tinġabar minħabba n-natura sensittiva u privata tagħha. Intenni illi l-Gvern jibqa’ kommess li japplika politiki u miżuri inklussivi fuq il-post tax-xogħol biex jissaħaħ l-istatus ta’persuni b’diżabilità impjegati kif spjegajt fl-interpellenza su referita

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Persuni b'diżabilità - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati ma' xi entità/dipartiment/awtorità, eċċ. li jaqgħu taħtu? Jekk iva, ma' liema entità/dipartiment/awtorità u kemm hu n-numru ta' persuni għal kull entità/dipartiment/awtorità u x'tip ta' xogħol twettaq kull persuna? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W358.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni – Infiq fuq hospitality

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus bħala hospitality mill-Ministeru tiegħu, xahar b’xahar minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f'hospitality, id-data ta' meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f'hospitality?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-line item ta’ hospitality fl-estemi finanzjarji tal-estimi tal-budget li kopja tagħhom diġa’ tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ġuri pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ġuri kien hemm pendenti sal-aħħar tas-sena 2024 u liema huwa l-iktar li ilu pendenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-aħħar tas-sena 2024 kien hemm mitejn u sebgħa u għoxrin (227) ġuri pendenti. Fosthom hemm sittax (16)-il ġuri appuntat. Il-kumplament qed jistennew li jiġu appuntati jew l-eżitu ta’ proċeduri oħrajn. L-aktar ġuri li ilu pendenti ilu hekk mis-sena 2008.