Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministru għal Għawdex – laqgħat barra minn Malta fuq xogħol ministerjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba attenda laqgħat barra minn pajjiżna u fejn, in konnessjoni max-xogħol Ministerjali mil-1 ta Jannar 2022 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll min akkumpanjah f’kull safra (isem, kunjom u pożizzjoni) u kemm kienu l-ispejjeż relattivi tal-vjaġġ u l-akkomodazzjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 7283.

Triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq – xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3651 li ngħatat fl-14 ta' Novembru 2022 dwar x'qed isir fil-parti tat-triq li twassal għall-Bajja ta' Ħondoq li bdiet tisfronda, peress li din it-triq kien sar xogħol fuqha fi żmien il-Ministru Refalo iżda ftit wara bdiet tisfronda, fejn ġie mwieġeb li x-xogħlijiet huma ppjanati li jsiru ladarba jiġi pproċessat it-tender, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender ġiex ipproċessat u jindika meta, bejn wieħed u ieħor, hu maħsub li jibda x-xogħol meħtieġ fuq l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għadu qed jiġi proċessat.

Żebbuġ Għawdex – Bajja ta’ Marsalforn – applikazzjoni PA/02106/21

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'sar s’issa, x'qiegħed isir bħalissa u x'hemm maħsub li jsir dwar l-applikazzjoni PA/02106/21 ERA Reference: EA/00004/21; Project Title: Coastal defence system at Marsalforn Bay consisting of the reconstruction of Santa Marija breakwater, construction of a rubble mound berm on the Menqa site, two rubble mound groins at the valley outfall and replenishment of the beach; Location: Site at, Il-Bajja Ta' Marsalforn, Marsalforn, Żebbuġ (Gozo)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal din l-applikazzjoni bħalissa qed jiġi valutat l-impatt tal-proġett għall-istudji tekniċi tal-EIA bħala parti mill-applikazzjoni skont it-termini stabbiliti mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.

Rabat, Għawdex – Triq Marsalforn – rikostruzzjoni tat-triq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7555, jista’ l-Ministru jikkjarifika jekk il-Ministeru għal Għawdex tefax applikazzjoni taħt il-Cohesion Fund 2014-2020 għal Marsalforn?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsijiet parlamentari 6634 u 7555.

Xewkija, Għawdex – Triq il-Qlugħ — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se titlesta Triq il-Qlugħ fix-Xewkija, Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet sejrin isiru ladarba jitlestew ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fil-fabbriki tal-madwar.

Għawdex – Dar San Ġużepp – xogħol

Question

Fid-dawl li fl-aħħar jiem kien hemm diskussjoni bejn il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u l-Ministeru għal Għawdex dwar id-Dar tal-Anzjani San Ġużepp f'Għajnsielem, Għawdex, fejn intqal li din id-dar ser tinfetaħ dalwaqt peress li x-xogħol fuq din il-binja għadu għaddej, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq din id-dar? Jista' jgħid ukoll meta hu l-pjan eżatt ta' meta din id-dar ser tinfetaħ u kemm ser tkun qed tieħu residenti? Jista’ jgħid ukoll kemm ser ikun hemm bżonn ta' carers u nurses f'din id-dar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tletin (30) ta' Jannar 2023 intefa' rikors minn wieħed mill-offrenti sabiex tiġi sospiża s-sentenza tal-Qorti tal-Appell, kif ukoll rikors għar-ritrattazzjoni sabiex tħassar u tirrevoka s-sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Appell. Fit-12 ta' April 2023, il-Qorti tal-Appell ċaħdet kemm it-talba għar-ritrattazzjoni u kemm it-talba għas-sospensjoni tal-effetti tas-sentenza ta’ Jannar 2023. Il-Qorti ddikjarat li dawn it-talbiet kienu frivoli għalhekk weħħlithom spejjeż doppji wkoll. Għaldaqstant il-kuntratt mal-offrent preferut ser jiġi ffirmat fil-ġimgħat li ġejjin.

Ir-Rabat, Għawdex – Triq Sir Arturo Mercieca — Tiswijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4130, jista' l-Ministru jgħid jekk wasalx iż-żmien li jinbeda x-xogħol fuq Triq Sir Arturo Mercieca, fir-Rabat Għawdex, issa li għaddew ’il fuq minn erba’ xhur?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jistenna l-eżitu tat-tender li bħalissa qiegħed f’stadju ta’ appell.

Environment Protection Unit – operat f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Environment Protection Unit hijiex qed topera ġewwa Għawdex? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm uffiċjali jservu f’dan it-territorju?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għal Għawdex — safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’din il-Leġiżlatura jekk u meta sar xi safar barra mill-pajjiż u jipprovdi l-informazzjoni dwar kemm sar użu minn roaming u kemm kien il-ħlas rispettiv għal tali użu, kemm għall-Ministru kif ukoll għall-istaff tiegħu b'mod rispettiv għal kull persuna u kull safra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex – Triq tal-Lanterna l/o Għasri — xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3808 li ngħatat fit-22 ta' Novembru 2022 dwar Triq tal-Lanterna, limiti tal-Għasri fejn ix-xogħol fuqha beda lejn l-aħħar tas-sena 2020, fejn kien ġie mwieġeb li x-xogħlijiet mistennija jkunu lesti lejn il-bidu tas-sena d-dieħla , jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet tlestewx? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew jiswew s’issa x-xogħlijiet fuq din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq din it-triq għadu għaddej b’reviżjoni riċenti tal-pjanti u d-disinni tal-istruttura li tinkludi piling u li ġew ibbażati fuq studji ġeotekniċi li saru fis-sit. Dawn ix-xogħlijiet fuq it-triq mistennija jkomplu fil-ġimgħat li ġejjin.

Għawdex – Safety audits fuq toroq ġodda

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4117 u 6389, jista’ l-Ministru jgħid mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm saru safety audits tal-proġetti ta’ toroq ġodda li saru mill-Ministeru għal Għawdex f'dawn is-snin? Għal liema toroq saru dawn l-audits? X'kien ir-riżultat ta' dawn l-audits? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn is-safety audits?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 4117.

Ministeru għal Għawdex — proġett ta' retro fitting

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5719 li ngħatat fis-6 ta' Frar 2023 dwar il-proġett ta' retro fitting iffinanzjat minn fondi Ewropej li qed isir fil-bini tal-Ministeru għal Għawdex fejn kien ġie mwieġeb li “fl-ewwel sular tal-binja li fil-ġranet li ġejjin se jibda jintuża mill-uffiċjali tal-Ministeru”, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dan is-sular beda jintuża mill-uffiċjali tal-Ministeru u x-xogħol għadu ma tlestiex kollu u qed ikun hemm ta’ kuljum il-ħaddiema għadhom jaħdmu? Jista’ jgħid fil-preżent kemm hemm aċċessi siguri għal dan is-sular fejn bdew jaħdmu l-uffiċjali tal-Ministeru u għaliex il-lifts għadhom ma ġewx installati u meta se jiġu installati? Jista’ jgħid ukoll jekk humiex jittieħdu l-health and safety precautions kollha issa li bdew jaħdmu l-uffiċjali tal-Ministeru f'dan is-sular u għad hemm ix-xogħol għaddej f'dan is-sular u partijiet oħrajn tal-Ministeru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġuni għalfejn beda jintuża l-ewwel sular tal-binja hija li l-istess sular ġie attrezzat biex jilqa’ fih lill-uffiċjali u b’hekk uffiċini oħra li ġew vakati jkun jista’ jibda x-xogħol fihom. Ix-xogħol fl-uffiċini fejn daħlu l-uffiċjali tlesta iżda kien baqa’ xi xogħol żgħir fil-kuridur li tkompla. Dan ix-xogħol ma kien ta’ ebda periklu għall-ħaddiema u dejjem ittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa. Bħala aċċess għal dan is-sular għadu qed jintuża l-istess aċċess li kien hemm minn dejjem. Il-lift għadu ma ġiex installat għar-raġuni li l-ebda offerent ma kien eliġibbli biex jingħata l-kuntratt u għalhekk ser jkollha toħroġ sejħa għall-offerti mill-ġdid.

GRDA — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru: i) jgħid kemm-il laqgħa tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) inżammet matul is-sena 2022; ii) iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Minuti ta' dawn il-laqgħat; iii) jgħid min huma l-membri preżenti tal-istess Awtorità; iv) jgħid x'deċiżjonijiet eżekuttivi ttieħdu mill-istess Awtorità matul is-sena 2022; u v) jgħid liema infurzar skont il-liġi li waqqfet l-istess Awtorità huwa delegat lill-istess Awtorità fil-preżent?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport annwali li jittratta l-attivitajiet tal-GRDA matul is-sena finanzjarja 2022.

GRDA – nefqa ruq reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn meta twaqqfet l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) sal-lum kemm nefqet f’reklamar, billboards, reklami fuq il-midja soċjali u kull tip ta' reklamar ieħor? Jista' jgħid ukoll kemm l-istess Awtorità nefqet fuq printing minn meta twaqqfet sal-lum? Għal kull każ ta' reklamar u printing, jista’ jgħid fejn sar ix-xogħol u jekk dan ingħatax b’direct order, wara talba għal kwotazzjonijiet jew inkella wara ħruġ ta' tender?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex – Rabat – Pazjenti rikoverati f’Casa Amelia

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li l-ispejjeż tagħhom huma mħallsin mill-Gvern li fil-preżent b'mod regolari qed jattendu Casa Amelia fir-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid kemm hu l-massimu ta' pazjenti li tista' tilqa' Casa Amelia? Jista' jgħid ukoll kemm hu n-numru ta' persuni li b' mod regolari jużaw Casa Amelia bħala Night Shelter fil-preżent u li l-ispejjeż tagħhom huma mħallsin mill-Gvern?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Casa Amelia tilqa' fiha 23 persuna li b’mod regolari jużawha bħala Night Shelter. Nitlob ukoll lill-Onor. biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 3656.

Palazz ta’ Selmun – xogħol ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bediex ix-xogħol ta’ restawr f’Selmun Palace li kellu jibda sal-aħħar tas-sena 2022? Jekk iva, jista’ jagħti rendikont tax-xogħol li sar u indikazzjoni ta’ meta hu previst li jitlesta? Jekk le, jista’ jgħid għaliex ix-xogħol ta’ restawr għadu ma bediex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – Xlendi, Marsalforn u Mġarr – ħaddiema fid-dry standing facilities

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mis-sena 2020 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm hemm persuni jaħdmu bil-kuntratt (contract for service) fid-dry Standing Facilities (fishers facilities) tax-Xlendi, Marsalforn u l-Imġarr, Għawdex? Jista’ jikkonferma li dawn il-persuni jaħdmu bis-shift (mit-Tnejn sal-Ħadd 24 siegħa) u jgħid kemm-il siegħa jaħdmu fil-ġimgħa kull wieħed minn dawn il-persuni? Jista’ jgħid ukoll x'inhu x-xogħol tagħhom u liema Diviżjoni/Direttorat fi ħdan il-Ministeru tirrispondi għalihom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 17635 tat-13-il Leġiżlatura.

Ministeru għal Għawdex – għajnuna f’fondi lil parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4517 u 6379 u jgħid liema parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja f'Għawdex ingħataw kontribuzzjonijiet, għajnuna fi flus jew għajnuna oħra mill-Ministeru tiegħu, jew xi waħda mill-entitajiet li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu minn Jannar 2020 sal-lum? Jista' jgħid f'kull każ kemm kien l-ammont jew għajnuna oħra li ngħatat jew ġie miftiehem li tingħata lil kull parroċċa u għal liema skop ingħatat u minn liema Direttorat jew Diviżjoni ngħatat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

Għawdex – Nadur — Daħlet Qorrot – xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6388 dwar il-parti tat-triq ta' ħdejn il-bajja ta' Daħlet Qorrot, in-Nadur, jiġifieri l-parti minn fejn tispiċċa t-triq bil-konkos li saret xi żmien ilu sa ħdejn il-bajja, peress li din baqgħet ma saritx u qiegħda fi stat ħażin ħafna u peress li kien ġie mwieġeb li “Il-parti msemmija mill-Onor. Interpellant issir ukoll fiż-żmien opportun”, jista’ l-Ministru ġentilment jgħid, bejn wieħed u ieħor, meta se jkun dan iż-żmien opportun?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li idealment ma jkunx waqt il-perjodu li l-bajja tkun qed tintuża l-aktar mill-pubbliku.

Għawdex – xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema toroq kienu ppjanati li jsiru imma ma sarux jew mhux se jsiru, minħabba r-reviżjoni tal-Vot Kapitali mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-infrastruttura ħa tibqa' prijorità u m’hemm ebda triq li kienet pjanata u mhux ser issir.