Għawdex — Dwejra Azure Window - CV tal-ġeoloġista Għawdex
Question
B'referenza għat-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 34121 fejn tlabt lill-Ministru biex tgħarraf lill-Kamra x'CV għandu l-ġeoloġista Għawdxi li d-dettalji dwaru qed jingataw separatament li ġie mitlub jgħin fuq il-kwestjoni tal-Azure Window fid Dwejra, tista' l-Ministru tgħid fuq liema terms of reference ġie ngaġġat u kemm se u/jew qed jitħallas għas-servizzi tiegħu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' CV tal-ġeoloġista msemmi (u għall-korrettezza tal-fatti, jien infurmata li dan mhux Għawdxi kif indikat fil-mistoqsija tal-Onor. Interpellant). Id-diskussjonijiet dwar is-servizzi rikjesti għadhom ma ġewx konklużi u għalhekk għadu ma sar l-ebda ngaġġ.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari W548, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilha u jgħid meta se tiġi asfaltata Triq Liberat Grech fix-Xagħra, Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li din it-triq ser tiġi asfaltata iktar 'il quddiem meta jkun possibbli.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kellha kawżi fil-konfront ta' Awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex m'għandux awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk ir-riżultat tal-intervista li kienet saret għall-ingaġġ ta’ Casual Social Assistants ħariġx? Jekk ħareġ meta u kemm ġew impjegati Casual Social Assistants ġodda minn dawk li kkwalifikaw minn dak l-eżami? Jekk ir-riżultat għadu ma ħariġx, għaliex? Meta mistenni joħroġ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li s-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' postijiet ta' social assistants ħarġet mill-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Proġett ta' Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 33994 dwar mistoqsija parlamentari 32195 fuq ftehim għat-tkabbir ta' siġar u pjanti ta' valur ġenetiku, peress li l-Ministru rreferietni għall-istess Mistoqsija li kont qed nirreferi għaliha jien fejn l-Ministru kienet qalet li “l-ftehim mal-Università ta' Malta dwar il-proġett ta' Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni ser jiġi ffirmat fil-ġimgħat li ġejjin”, peress li issa għaddew sitt ġimgħat, tista’ l-Ministru issa tgħid jekk dan il-ftehim ġiex iffirmat? Jekk fl-affermattiv meta? Tista’ tpoġġi kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk għadu ma ġiex iffirmat, għaliex ma ġiex iffirmat? Meta mistenni li jiġi ffirmat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-ftehim għadu ma ġiex iffirmat. Jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra meta jkun iffirmat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 33984 u 34283, peress li:
a) l-poplu u r-rappreżentanti tiegħu għandhom dritt ikunu jafu, jiflu u jagħrblu kull flus minfuqa mill-gvern fid-dettal tagħha sal-punt li jkunu huma sodisfatti u mhux il-Ministru li tkun nefqet flus il-poplu li dawk il-flus jkunu ntnefqu sewwa;
b) l-Awditur Ġenerali fl-aħħar rapport tiegħu għas-sena 2010 qal li l-Ministeru tagħha għandu nuqqasijiet kbar ta’ kontrolli u irregolaritajiet kbar fl-infiq ta’ flus il-poplu; u
ċ) in-nuqqasijiet u l-irregolaritajiet tal-Ministeru tagħha huma ħafna akbar min-nuqqasijiet tal-Minsteri l-oħra kollha tant li t-Times tat lill- Ministeru tal-onor Debono il-midalja tad-deheb għax kissret kull rekord tal-Gvern f’dawn in-nuqqasijiet u irregolaritajiet;
tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-
returns
bi
break down
dettaljat tal-ispiża li saret fuq kull
item
tal-Vot Kapitali tal-Ministeru tagħha li ntbagħtu lill-Budget Office fil-Ministeru tal-Finanzi għal Diċembru 2010, għal Novembru 2011 u għal Diċembru 2011?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposti li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 33984 u 34283.
Tista' l-Ministru tara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament terġa' tingħatala l-għajnuna fid-dar kemm jista' jkun malajr?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-persuna msemmija kienet waqqfet hi stess is-servizz tal-helper li kellha għal raġunijiet personali, però reġgħet qed tingħata s-servizz minn helper oħra.
Peress li minħabba nuqqas ta' purtinara fl-iskejjel primarji f'Għawdex qed ikun hemm purtinara li qed jintbagħtu minn skola għal oħra u dan mingħajr anqas biss qed jiġu provduti trasport u peress ukoll li dan qed joħloq diversi inkonventjenti, tista' l-Ministru tara li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li teżisti problema ta' nuqqas ta' purtinara fl-iskola Primarja ta' Kerċem. Biex inkopru dan in-nuqqas, il-purtinara assenjati fi skejjel oħra jintbagħtu f'din l-iskola, a bażi ta' roster u li jkunu avżati bih ġimgħat bil-quddiem.
Għalhekk ma jidhirx li huwa l-każ li għandu jiġi provdut trasport biex il-purtinara li s-soltu jirrapurtaw għax-xogħol fl-iskejjel l-oħra, jirrapurtaw għax-xogħol fl-iskola ta' Kerċem.
Peress li l-health assistants ilhom ħames snin jitolbu biex jingħataw uniformijiet ġodda, tista' l-Ministru tgħid għaliex dan id-dewmien u tara li l-uniformijiet jinbiddlu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fis-sena 2011 ingħataw uniformijiet lill-health assistants kollha.
Tista' l-Minisrtu tgħid min hu responsabli għat-tiswija tat-Triq fi Pjazza Savina r-Rabat Għawdex, quddiem il-bini minn numri wieħed sa sebgħa jekk hux id-dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp tal-Ministeru tagħha jew il-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria? Jekk ir-responsabilità taqa' taħt il-Ministeru tagħha, meta se jittieħdu passi biex tissewwa t-triq imsemmija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li t-tiswija tat-triq imsemmija hi responsabilità tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex
In vista tal-press release maħruġa mill-Gozo Business Chamber, tista' l-Ministru tispjega x'passi qiegħda tieħu sabiex tassigura li l-ksur sfaċċat tal-liġi mwettqa mis-Sindku tal-Mellieħa kontra l-Għawdxin u dawk li jżuru Għawdex titneħħa fis-sens li dan is-Sindku m'għandu l-ebda dritt li jimpedixxi lil dawk kollha residenti f'Għawdex jew li jkunu marru Għawdex milli jgħaddu mill-Mellieħa? Ma tafx li dan qiegħed iżid il-hardship lill-Għawdxin u jnaffar iżjed it-Turiżmu (speċjalment dak intern) lejn Gżira Għawdxija speċjalment f'dan iż-żmien meta t-triq taċ-Ċirkewwa hija kollha maqluha bil-konsegwenza li min fejn qieħed jgħaddi t-traffiku l-istess Sindku tal-Mellieħa, il-vjaġġ qiegħed jitawwal bejn 15 u 30 minuta u mhux l-ewwel darba li jkun hemm xi inċident tal-karozzi fejn Popeye's Village u l-konsegwenza ta' dan huma li jwassal għal aktar dewmien u tbatija u hemm niex inkluzi turisti li tilfu il-flight tagħhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.
Għawdex — Triq San Leondaru, triq ix-Xagħra u Triq ta' Ħamet - upgrading tal-junctions
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta l-Ministeru bi ħsiebu jagħmel upgrading tal-junctions fi Triq San Leonardu ma' Triq ix-Xagħra u mat-Triq ta' Ħamet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-upgrading tal-junction imsemmija fil-Mistoqsija Parlamentari se ssir aktar 'il quddiem meta jkun possibbli u wara li tkun lesta Triq l-Imġarr.
Sptar Mentali t'Għawdex — toilets u showers tal-irġiel fil-Long Stay
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta se tisewwa s-sistema tad-drenaġġ u jerġgħu jibdew jaħdmu showers u t-toilets tal-irġiel fil-Long Stay tal-Isptar Mentali t'Għawdex? Infurmata l-Ministru li billi dawn ilhom magħluqa iktar minn tliet xhur, il-pazjenti u l-istaff qed ikollhom jużaw ix-showers u t-toilets tan-nisa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li t-tiswija tas-sistema ta' drenaġġ b'konnessjoni ma' showers tal-irġiel fil-Long Stay Ward tal-Isptar Mentali t'Għawdex ser issir bħala parti minn refurbishment komplut tal-istess kamra. Il-quotation għal dan ix-xogħol qiegħed fi stadju ta' aġġudikazzjoni. It-toilets tal-irġiel fil-Long Stay Ward m'humiex affettwati minn din il-ħsara.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — tiswija tas-saqaf tal-laboratorju
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'se jsir sakemm jiġi imsewwi s-saqaf tal-laboratorju tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex biex għal inqas meta tkun ix-xita, l-ħaddiema li hemm fil-laboratorju jkunu jistgħu jaħdmu mingħajr ma jixarbu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li t-tiswija fuq il-waterproofing tas-saqaf tal-laboratorju tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex diġà saret.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-x-rays il-qodma qed jiġu storjati fl-iskola tal-Għarb u jekk għandux jinstab post fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex fejn dawn l-x-rays jiġu storjati? X'miżuri ttieħdu għal data protection? Min għandu aċċess għalihom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-x-rays ittieħdu f'post barra mill-Isptar Ġenerali t'Għawdex biex isir spazju għal aktar servizzi ġodda fl-Isptar. Mhux neċessarju li dawn l-X-Ray films qodma jinżammu l-Isptar u llum bis-sistema diġitali ma baqax il-bżonn ta' filing ta' films għax is-sistema żżomm kollox f'arkivji diġitali.
Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li fil-proċess tat-trasferiment ta' x-rays f'post fl-iskola tal-Għarb ittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex id-data protection fir-rigward ta' dawn id-dokumenti tkun imħarsa.
Għandhom aċċess biss għal dawn il-films persuni awtorizzati.
Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jintnefqu flus fl-overtime kull xahar fi ħlas tal-ħaddiema biex inadfu l-kuruturi tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex, xahar b'xahar mis-sena 2008 sa' April 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ma jsirx overtime biex jiġu mnaddfa l-kuruturi tal-Isptar.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — kuntratti għax-xogħol ta' kostruzzjoni fit-teatru l-ġdid
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm kuntraturi li ħadu kuntratti biex jagħmlu xogħol ta' kostruzzjoni fit-teatru l-ġdid fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Min huma? X'kuntratti ħadu għal liema xogħol? Kemm jiswa l-kuntratt?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — sejħa għall-ingaġġ ta' anestetista
Question
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 29400 u 30382, tista' l-Ministru tgħid jekk is-sejħa biex jiġi ngaġġat anestetista residenti ieħor fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex ħarġietx?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtela l-post ta' Anestetista fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex se tiġi ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa 11 ta' Mejju 2012.
Approvazzjoni tal-Bord għas-servizz ta' għajnuna fid-djar
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 33585, tista’ l-Ministru tagħti lokalità lokalità f’Għawdex (i) in-numru ta’ anzjani u households li għandhom l-approvazzjoni tal-Bord għas-servizz ta’ għajnuna fid-djar u għadhom ma nagħtawx is-servizz u (ii) n-numru ta’ sigħat ta’ servizz li għandhom approvati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dipartiment tas-Saħħa — xiri ta' vaccine mill-Health Centre
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex mhux dejjem isiru ċerti riċevuti mid-Dipartiment tas-Saħħa f'Għawdex għax-xiri ta' vaċċini mill-Health Centre u min ikun irid jixtri jkollu jmur drabi oħra? Meta sa jkun hemm iktar minn skrivan wieħed li jagħmel dan ix-xogħol ħalli l-Għawdxin ikunu jistgħu jinqdew mingħajr dewmien u skariġġ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Uffiċċju tal-Ispettorat tas-Saħħa f'Għawdex dejjem ħareġ fil-waqt l-irċevuti għax-xiri ta' vaċċin li jsir miċ-Ċentru tas-Saħħa f'Għawdex.