Legislature:
Category:
Reset
Active:

xogħlijiet fit-triq ta' Tignè -

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10539 u jgħid meta ser titlesta kompletament it-triq ta' Tignè?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorita' Dwar it-Trasport għandha applikazzjoni pendenti quddiem il-MEPA għat-tisbieħ tat-triq li tieħu mill-Pjazzetta għall-Ponta ta' Tigne' f'tas-Sliema. Ix-xogħol fuqha se jsir mit-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura flimkien mal-Awtorità dwar it-Trasport. Ix-xogħol jitkompla meta l-permessi jkunu f'idejn l-Awtorità u r-riżorsi u l-prijoritajiet jippermettu.

Mosta, Rabat, Attard, Imġarr, u Naxxar — stat tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi informazzjoni ta' f'liema stat kienu t-toroq tal-Mosta, Rabat, Attard, Imġarr, u Naxxar? Jekk sar xi studju fuq dawn it-toroq, jista' jgħid kemm kien hemm toroq li riedu manutenzjoni estensiva u kemm kien hemm toroq li kienu fi stat tajjeb?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li għalkemm ma sar l-ebda studju xjentifiku per se dwar it-toroq li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, l-ADT tagħmel spezzjonijiet regolari f'dawn it-toroq u jekk ikun il-każ tagħmel ix-xogħol meħtieġ skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

negozjati dwar manutenzjoni tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati dwar li jkun hemm ċentru wieħed li jieħu ħsieb it-tiswijiet u l-manutenzjoni tat-toroq kollha ta' Malta, liema suġġeriment u proċedura kien tkellem fuqhom hu stess fil-Parlament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

superviżjoni fuq xogħol ta' tiswijiet ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk issirx superviżjoni fuq xogħol ta' tiswijiet ta' toroq meta dawn jkunu saru mill-kunsilli lokali mill-awtoritajiet konċernati? Qed ngħid dan fid-dawl li l-kunsilli lokali m'għandomx esperti impjegati magħhom biex jissorveljaw ix-xogħol li jkun sar mill-kuntratturi tal-patching u tiswijiet ta' toroq.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li jsiru mill-Kunsilli Lokali jkunu taħt is-supervizjoni tal-Perit tal-Kunsill Lokali konċernat.

Riklami ippubblikati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ippubblikati riklami intitolati "Why is the Leader of the Opposition giving you false information?" mill-Gvern? Meta dehru? F'liema ġurnal dehru? Kemm swew: a) b'kollox? b) ġurnal b'ġurnal?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella li turi r-riklami li saru mill-Enemalta.

Reġistru taż-Żweġijiet — żweġijiet bejn barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru żweġijiet fir-Reġistru taż-Żweġijiet bejn persuna li ġejja minn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea (mhux Malta) u l-parti l-oħra ġejja minn pajjiż li mhux membru tal-Unjoni Ewropea minn meta Malta saret membru fl-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid minn liema pajjiżi kienu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni li qegħda tintalab ma tinstabx reġistrata b'dan il-mod fir-Reġistru Pubbliku u għalhekk din it-tip ta' statistika mhux possibli li tingħata.

Nies miżżewġin persuni barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn Maltin (maqsuma f'irġiel u nisa) li żżewġu persuna barranija? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalità huma? Kemm saru żweġijiet ta' dan it-tip matul din is-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Dwar l-ewwel zewġ partijiet tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor Interpellant li jkun iżjed speċifiku dwar il-perjodu li qed jirreferi għalih. Dwar it-tielet parti tal-mistoqsija jien infurmat li matul din is-sena kien hemm 186 persuna Maltija li żżewġet persuna barranija li minnhom 79 kienu rġiel u 107 kienu nisa.

Financial Report 2008

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11410 u r-risposta mogħtija, jista' l-Ministru jagħti dettalji line item b'line item taħt il-Vot ta' nefqa rikorrenti? Kemm kienu l-estimi oriġinali ta' l-2008? Kemm żdiedet in-nefqa line item b'line item, in-nefqa supplimentari u n-nefqa rikorrenti taħt il-Ministeru tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Waqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba, l-aktar żewġ items illi jispikkaw huma: 1. €51 miljun sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl; u 2. €41 miljun għall-pensjonijiet tat-Tarzna.

Permessi għal Trackless trains

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il liċenzja (jew permess ieħor ta' operazzjoni) ta' trackless trains jew xi definizzjoni oħra tagħhom, popolarment magħrufa bħala chu chu trains fil-fatt ħarġu mill-Awtorità dwar it-Trasport? Kemm-il applikazzjoni minn operaturi privati ġew sottomessi lill-Awtorità dwar it-Trasport matul dawn l-aħħar ħames snin biex joperaw din it-tip ta' train?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` Dwar it-Trasport ta’ Malta ħarġet liċenzja waħda ta’ Trackless Train fis-6 t’Awwissu 2008. L-operat ta’ din it-Trackless Train huwa fuq bażi esklussiva u huwa irregolat permezz ta’ kuntratt bejn l-Awtorita` u l-Operatur. Matul dawn l-aħħar ħames snin l-Awtorita` irċeviet sitt(6) applikazzjonijiet biex jiġu operati Trackless Trains. Sadanittant, il-Gvern qabbad lill-ADT biex tippreżenta pariri tekniċi kif dan is-settur għandu jiġi regolat.

Awtorità dwar it-trasport — ħruġ mill-ġdid ta' liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk kienx hemm talbiet mill-pubbliku lill-Awtorità dwar it-Trasport għall-ħruġ mill-ġdid ta’ liċenzji li kienu diġà ngħataw, liema liċenzji ma ġewx irtirati minħabba kwestjonijiet konċernati, penalty points jew b’sentenza mill-qorti kompetenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mis-sena 2004 kien hemm 85 persuna li kellhom il-liċenzja tas-sewqan rivokata. Minn dawn il-persuni 11 reġgħaw applikaw u ottjenew il-liċenzja filwaqt li hemm 9 oħra li applikaw u li prezentement qed jistennew li jittellgħu għat-Test prattiku.

kontijiet tad-dawl u ilma — kumpaniji li għandhom il-ħlas b'lura

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 11517 u 10978 u jgħid kemm hemm kumpaniji li huma lura fil-ħlas tal-kontijiet tad-dawl u ilma? X’inhu l-ammont globali? Saru xi talbiet biex jingħataw żmien itwal biex iħallsu u minn kemm-il kumpanija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ kumpaniji li huma lura fil-ħlas tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma huwa ta’ 3942. L-ammont globali li jinkludi arretrati tad-dawl u ta’ l-ilma huwa ta’ 37,715,080.50 li jinkludi lukandi, guest houses, restoranti, industriji kbar u żgħar u kumplessi. S’issa kien hemm 75 talba minn dawn il-kumpaniji biex iħallsu l-kont tad-dawl u l-ilma fi żmien itwal.

Post bil-kera — servizzi tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11347 u jidħol fil-każ tal-famlija li toqgħod f'post b'kera (pre 1995), d-dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, illi ilha għaxar xhur sħaħ mingħajr servizz tal-ilma u dan għaliex s-sid tal-post de quo qabad u qata' s-servizzi tal-ilma minn taħt it-taraġ tal-flat? Għalkemm ittieħdu passi kriminali kontra sid il-post, għal xi raġuni l-Qorti lliberatu u b'hekk il-persuna u l-famlija tiegħu spiċċaw jimlew t-tankijiet u jissellfu l-ilma mingħand ħaddieħor. Jista' l-Ministru jintervjeni biex tingħata soluzzjoni lil din il-familja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-każ huwa wieħed ta' servizz fuq ġewwa tal-proprjetà u għalhekk ma jikkonċernax il-WSC. Il-każ huwa wieħed kompletament ta' natura privata.

Għawdex — bini ta' airstrip

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li l-Kabinett jirċievi r-rapport dwar il-possibilità li tinbena airstrip f’Għawdex? Meta kien ġie kkummissjonat dan ir-rapport? Minn min ġie kkummissjonat? Minn min qed jitħejja? X’inhuma t-terms of reference għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Għawdex — Ras il-Ħobż - drenaġġ fil-baħar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10358, jista’ l-Ministru jagħti assigurazzjoni lill-Kamra li mhux qed ikun hemm drenaġġ li ma jasalx fl-impjant u jibqa’ sejjer il-baħar f'Ras il-Ħobż mingħajr ma jgħaddi kif suppost mill-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Servizz tat-trasport pubbliku — riformi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar s'issa matul din il-leġislatura biex titwettaq riforma u jiġu introdotti servizzi innovattivi fis-servizz tat-trasport pubbliku f'Għawdex? Meta huwa mistenni li tiddaħħal din ir-riforma? Qed jittieħdu in konsiderazzjoni l-interessi ġenwini tas-sidien tal-karozzi tal-linja u fl-istess waqt ikun hemm servizz li jagħmel sens soċjali u ekonomiku għal Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija nru. 9769, ninfurmah li minn dak iż-żmien 'l hawn saret laqgħa oħra mal-Gozo Bus Owners Association u r-riforma mistennija tidħol is-sena d-dieħla, wara li jintemm il-proċess tat-tender, kif ħabbart diġà.

Informazzjoni fuq trabi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi sena b'sena fl-aħħar għaxar snin? Jista' mbagħad jissubklassifika kemm twieldu trabi (a) minn ġenituri Maltin (b) minn ġenituri fejn it-tnejn mhux Maltin (c) minn missirijiet mhux magħrufa (d) bl-etajiet tal-ommijiet bejn 12-17, 18-21, 22-25, 26-35, 36-45 u minn 45 sena 'il fuq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kottonera — multi-level car park

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħsieb li jinbena multi-level car park fil-Kottonera taħt il-ground tal-iskola primarja ta' Bormla, għadux hemm? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti indikazzjoni meta hemm il-ħsieb li jinbeda x-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-istudji li saru s'issa, l-car park in kwistjoni kif kien ippjanat m'huwiex ekonomikament vijabbli. Il-Gvern qiegħed jara x'jista' jsir biex il-proġett ikun vijabbli.

Awtorità dwar it-Trasport — salary structures

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji dwar is-salary structure, inkluż perks u allowances, li jikkonċernaw iċ-chief executive officer, u s-senior management tal-Awtorità ġdida dwar it-Trasport?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dan l-istadju għad ma hemmx CEO u nies f’Senior Management fl-Awtorità l-ġdida dwar it-Trasport.

Ħsarat ta' dawl fil-flat

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ tal-persuna, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, peress li hemm ħsarat fid-dawl tal-flat u għaldaqstant il-flat jinsab bla dawl u meta ċemplet lid-dipartiment qalulha li din is-sezzjoni spiċċat? Jista' jara li din il-persuna tiġi kkuntattjata biex tiġi solvuta din il-problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Enemalta — Ħlas għal reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2008 u fl-ewwel tliet xhur tal-2009 x'kien id-dħul totali mir-reklamer li tiċċarġja għalih l-Enemalta meta mal-arbli tagħha qed jiddendlu ħafna banners kummerċjali? Hemm xi aġenzija privata li qed tieħu ħsieb dan ir-reklamar? Min hi u kemm titħallas?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2008, il-Korporazzjoni Enemalta daħlet €73,540.00 mingħajr VAT filwaqt li fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2009, il-Korporazzjoni Enemalta daħlet €85,391 mingħajr VAT. Fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2009 il-Korporazzjoni ġabret aktar mis-sena 2008 kollha minħabba li kien hemm xi invoices tas-sena 2008 li tħallsu fi 2009. Ninsab infurmat ukoll li l-Enemalta, wara li ħarġet tender , kienet tat id-dritt li jitwaħħlu reklami mal-arbli tad-dawl tagħha lil żewġ kumpaniji, Faces Consultants u Leisure & Theme Park Ltd, li mbagħad kienu responsabbli biex iġibu l-permess neċessarji skont il-liġi biex waħħlu r-reklami. Il-ħlasijiet li dawn il-kumpaniji jitolbu lill-klijenti tagħhom imbagħad huwa arranġament privat li jsir min-naħa tagħhom.