Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #35881 Sitting 494 2012-06-26 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Bini ta' Minsiteru u dipartiment kollha tal-gvern f'Għawdex — aċċessibilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet saru fil-bini tal-Ministeru u d-Dipartimenti kollha tal-Gvern f'Għawdex sabiex isiru iktar aċċessibli u tindika x'ġie imwettaq mil-lamenteli li ilhom isiru mill-Kummissjoni Nazzjoni Persuni b'Diżabilità f'dan il-rigward?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tispeċifika l-perijodu li għalih qiegħda tirreferi.
Leg 11 PQ #35450 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — tnaqqis baġitarju

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm mit-tnaqqis baġitarju tal-€40 miljun tnaqqsu s'issa mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtha xahar b'xahar sa Mejju 2012?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-Budget tal-Gvern jinħadem fuq bażi ta' sena. Għalhekk nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tiegħi f'Mistoqsija Parlamentari Numru 32241.
Leg 11 PQ #35585 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tagħha li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-Segretarjat Privat hemm tliet ħaddiema li mhumiex impjegati taċ-ċivil. Dawn huma elenkati hawn taħt: Communications Co-ordinator Secretariat Officer Driver/Security Officer.
Leg 11 PQ #35736 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Regional Youth Council

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gozo Regional Youth Council twaqqafx? X’inizjattivi ħa l-Ministeru tagħha għat-twaqqif ta’ dan il-kunsill? Jekk għadu ma twaqqafx, meta mistenni li jitwaqqaf?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li għaddej il-proċess għat-twaqqif tal-Kunsill Reġjonali taż-Zgħażagħ f'Għawdex. Saret sejħa għall-għaqdiet taż-żgħażagħ li huma nteressati jkunu nvoluti f'dan il-proċess. Fil-preżent qed jiġi ppreparat l-istatut għal dan il-Kunsill.
Leg 11 PQ #35737 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

skema ta’ sussidju għal studenti Għawdxin f’Malta

Question

Jista' l-Ministru tgħid liema huma l-istudenti eliġibbli taħt l-iskema ta’ sussidju għal studenti Għawdxin f’Malta? Kemm studenti tħallsu taħt din l-iskema matul din is-sena u meta tħallsu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-istudenti eliġibbli huma dawk li huma residenti f'Għawdex u qegħdin isegwu kors full- time f'Malta, jiġifieri jew fl-Università jew f'istituzzjonijiet li huma tal-Gvern jew li huma iffinanzjati mill-Gvern. L-ewwel pagament taħt is-sistema preċedenti għal din is-sena akkademika sar fi Frar 2012 u kien ikopri l-perjodu Ottubru - Diċembru 2011. It-tieni pagament sar f'April 2012 u kien ikopri l-perjodu Jannar - Marzu 2012. Dan il-pagament twettaq taħt is-sistema riveduta li issa qed tagħti €400 lil kull student/studenta. Disa' mija u żewġ (902) studenti bbenifikaw minn din l-iskema matul din is-sena.
Leg 11 PQ #35815 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

EcoGozo — fondi minfuqa

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont dettaljat ta' kif intnefqu l-fondi tal-Eco-Gozo tul l-2011 u 2012 sal-aħħar ta' Mejju?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li għas-snin 2011 u 2012, l-ammont totali minfuq flimkien ma' dak kommess huwa ta' €8,134,170.
Leg 11 PQ #35626 Sitting 491 2012-06-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Xlendi u Marsalforn — Master plans

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30730 u 33317, tista’ l-Ministru tgħid x’sar fuq dawn iż-żewġ master plans tax-Xlendi u Marsalforn mill-5 ta’ Diċembru 2011 sal-lum?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fuq il-Masterplan ta' Marsalforn saru aktar konsultazzjonijiet ma' stakeholders u komplew jitħejjew id-dokumenti għas-sejħiet għall-offerti wara li ġie approvat il-permess tal-MEPA. Sar ukoll kordinament fuq il-proġett tal-protezzjoni għall-bajja ta' Marsalforn. Fuq il-Masterplan tax-Xlendi ninsab infurmata li saru konsultazzjonijiet, saru pjanti u saret applikazzjoni mal-MEPA li tkopri t-tisbiħ tal-Waterfront. Din l-applikazzjoni ġiet approvata.
Leg 11 PQ #35652 Sitting 491 2012-06-19 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Qorti t'Għawdex — x-ray machine

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jkun hemm x-ray machine fil-bini tal-Qorti ta'Għawdex bħalma hemm fil-Qorti ta' Malta biex anke l-basktijiet u l-kontenut tagħhom ikunu jistgħu jiġu ċċekjati ukoll?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li qed tiġi diskussa l-possibilità li titwaħħal x-ray machine fil-bini tal-Qorti ta' Għawdex bħal m'hemm f'Malta. Sadanittant, il-basktijiet u l-kontenut tagħhom qed jiġu ċċekkjati manwalment mis-security guards fil-preżenza ta' uffiċjali tal-Pulizija.
Leg 11 PQ #35437 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ħaddiema b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilità li jaħdmu fil-Ministeru, dipartimenti, u dekasteri li jaqgħu taħt l-Ministeru tagħha? Kemm huwa dan bħala persentaġġ tal-ħaddiema in ġenerali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li n-numru ta' persuni b'diżabilità li jaħdmu fi ħdan il-Ministeru u d-direttorati li jaqgħu taħtu jammonta għal 7, jiġifieri 0.32 fil-mija tal-ħaddiema in ġenerali.
Leg 11 PQ #35488 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — attivitajiet kulturali

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'dawn l-aħħar sitt xhur kemm ġew organizzati attivitajiet kulturali f'Għawdex f'dawn l-aħħar sitt xhur u kemm ġew inkarigati ħaddiema tal-gvern u kemm mill-privat biex għamlu xogħol in konnessjoni ma' dawn l-attivitajiet kull attività separatament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ġiet miġbura f'dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #35496 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — ilmenti fuq problemi fit-toilets

Question

Peress li saru diversi ilmenti għaliex fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex hemm toilets fis-swali li mhux jiffunzjonaw, tista' l-Ministru tindirizza din il-problema?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-tiswijiet fit-toilets fis-swali tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex qed jiġu indirizzati b'mod regolari kull meta jiġu rrapurtati.
Leg 11 PQ #35592 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru għal Għawdex

Qorti t'Għawdex — miżuri ta' sigurtà

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba ġibdet l-attenzjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja dwar in-nuqqas ta’ miżuri ta’ sigurtà fil-Qorti t’Għawdex? Jekk saru tali lmenti, tista’ tagħti raġuni għalfejn dan qatt ma sar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żewġ Ministri msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari tkellmu dwar il-miżuri ta' sigurtà fil-bini tal-Qorti t'Għawdex bir-riżultat illi kien ġie deċiż li s-servizz ta' sigurtà jiġi offrut mill-Pulizija, u issa anke permezz ta' stallazzjoni ta' walk through u manual detectors utilizzati minn security guards.
Leg 11 PQ #35197 Sitting 489 2012-06-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Staff klerikali li għandhom degree mill-Università

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm staff klerikali li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li għandhom degree mill-Università? Tista' tgħid x'inhi d-degree u f'liema dipartimenti qegħdin? Tista' tgħid jekk humiex nisa jew irġiel?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #35202 Sitting 489 2012-06-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Xagħra Għawdex — Skola Mattew Sultana - ilmenti fuq indafa

Question

Peress li qed isiru diversi ilmenti dwar nuqqas ta' indafa fl-iskola Patri Mattew Sultana tax-Xagħra, tista' l-Ministru tara li din il-problema tiġi riżolta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma jirriżultax li sal-lum waslu lmenti dwar nuqqas ta' ndafa lill-Kap tal-iskola ħlief għal xi drabi, rari ħafna, li tinġibed l-attenzjoni biex jitnaddfu l-aperturi wara xi maltempata tar-ramel.
Leg 11 PQ #35250 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru telenka d-direttivi kollha tal-Unjoni Ewropeja flimkien mal-korrispettiv Att Malti li bih dawn id-direttivi ġew introdotti fis-sistema legali Maltija? Tista' tinkludi dawk id-direttivi li ġew transposed kemm fl-Atti Parlamentari, avviżi legali jew atti oħra, inklużi dawk amministrattivi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 35239.
Leg 11 PQ #35130 Sitting 487 2012-06-05 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — tipi ta' operazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru operazzjonijiet fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex f'dawn l-aħħar sitt xhur skont it-tip ta' operazzjoni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex matul l-aħħar sitt xhur, jiġifieri bejn l-1 ta' Novembru 2011 u t-30 t'April 2012, saru b'kollox 1290 operazzjoni. Dawn kienu: 380 Operazzjonijiet Kirurġiċi 259 Operazzjonijiet Ġinekoloġiċi 152 Operazzjonijiet Ortopediċi 96 Operazzjonijiet Oftalmoloġiċi 7 Operazzjonijiet Dentistiċi 9 Operazzjonijiet tal-Widnejn, Mnieħer u Griżmejn 15-il Operazzjoni tal-Pacemakers u 372 testijiet tal-Istonku u l-Musrana.
Leg 11 PQ #35131 Sitting 487 2012-06-05 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — xogħol ta' upgrade fid-Dipartiment tad-Dentistrija

Question

Tista' l-Ministru tgħid x-xogħlijiet ta' upgrade sar fid-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li s-sejħa għall-offerti għall-konsenja u stallazzjoni tas-servizzi relatati mar-rinovazzjoni tad-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex għadha trid terġa' toħroġ.
Leg 11 PQ #35132 Sitting 487 2012-06-05 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Pazjenti li rrikorrew għas-servizz tad-Dipartiment tad-Dentistrija f'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm pazjenti li f'dawn l-aħħar tliet snin rrikorrew għas-servizz tad-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Tista' tgħid kemm hemm staff f'dan id-dipartiment?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li n-numru ta' pazjenti li rrikorrew għas-servizz tal-klinika dentali fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex fl-aħħar tliet snin kien ta' 20,246. L-istaff f'din il-klinika jikkonsisti f'żewġ dentisti, tliet dental hygienists, nurse u receptionist.
Leg 11 PQ #35133 Sitting 487 2012-06-05 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Villa Rundle — siġar maqgħluha waqt l-eżekuzzjonijiet tax-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intmessew u nqagħlu siġar waqt l-eżekuzzjonijiet tax-xogħol ta' upgrade fil-Villa Rundle?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li waqt l-upgrade tal-Villa Rundle nqalgħu 54 siġra, u ġew trapjantati 20 oħra. Jiena nfurmata wkoll li fil-proċess tal-upgrading tħawlu 160 siġra ġdida.
Leg 11 PQ #35266 Sitting 487 2012-06-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xewkija - proġett tal-farm

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il fażi fih il-proġett kollu fil-farm tal-gvern fix-Xewkija, bil-għan li dan jiġi żviluppat f’ċentru ta’ Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni fl-Agrikoltura? Fiex tikkonsisti kull waħda minn dawn il-fażijiet? Meta mistenni li titlesta dik li għaddej ix-xogħol fuqha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-fażi tax-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa mistennija tiġi konkluża sal-aħħar ta' din is-sena.