Legislature:
Category:
Reset
Active:

ħaddiema li għadhom jaħdmu bil-kuntratt mal-Malta Drydocks

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-ħaddiema li llum għadhom qed jaħdmu bil-kuntratt mal-Malta Drydocks jekk, jew meta, din tiġi privatizzata u l-kuntratt ma jibqax jiġġeddilhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dawk il-ħaddiema li għandhom kuntratt indefinit mal-Malta Drydocks għandhom il-post tax-xogħol tagħhom garantit anke għal meta din tkun privatiżżata u dan skond id-direttivi ta' l-Unjoni Ewropeja dwar it-transfer of business. Min-naħa l-oħra dan ma japplikax għal dawk li għandhom kuntratt definit għaliex dan min-natura tiegħu jista' ma jiġġeddidx meta jiskadi.

Residenza San Vincent de Paule — servizz tal-karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-servizz tal-karozzi tal-linja li jwassal il-qraba Ħal Luqa fir-Residenza San Vincent de Paule ma jiġix irranġat biex jkun jista' jidħol u jdur ma' dan il-bini ħalli l-qraba u r-residenti jkollhom aċċess aħjar għal dan il-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7161.

Ta' Qali — ring roads

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni ħalli ir-ring road u t-toroq li hemm ġewwa Ta' Qali jsirilhom iktar dawl, jiġu rranġati t-toroq mill-ħofor u t-toqob li hemm u jiġu impinġija mal-art korsa għal dawk li huma delettanti tat-tiġrijiet u mixi fil-miftuħ, liema eżerċizzju fiżiku huwa importanti għaż-żamma ta' ġisem b'saħħtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT se tibda eżerċizzju ta’ manutenzjoni b’patching bil-hot asphalt fil-ġimgħat li ġejjin fi Triq Duramblat u f’partijiet oħra tar-ring road. L-ADT qegħda tanaliżża l-użu ta’ passive measures għad-dwal bħal reflectors u cats’ eyes f’postijiet bħal dawn.

Kappara — Riforma f'Regional Road

Question

B’referenza għar-rapporti li dehru fil-media lokali li l-Awtorità dwar it-Trasport qiegħda tikkonsidra serjament li twessa’ Triq Mikiel Anton Vassalli fil-Kappara, jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment ta’ għadd ta’ residenti fl-inħawi u ċittadini oħrajn dwar il-fatt li ż-żona madwar ir-roundabout tal-gass fi Triq Mikiel Anton Vassalli u Sliema Road, fil-Kappara huma postijiet fejn l-inċidenti tat-traffiku ma jonqsux? Fl-imgħoddi kien hemm saħansitra każijiet fejn vetturi skidjaw u telgħu l-bankina u anki faqgħu ċ-ċint tal-Korporazzjoni Enemalta, fost partijiet oħrajn. Sa ftit jiem ilu biss kellna mill-ġdid każ gravi fejn vettura telgħet il-bankina u nqalbet. Fiċ-ċirkostanzi, apparti mill-pjanijiet li għandu l-Gvern dwar il-Kappara Junction, tista' l-Awtorità dwar it-Trasport flimkien mal-kunsill lokali konċernat jaraw li jitqiegħdu crash barrier s fuq iż-żewġ naħat ta’ Regional Road u Sliema Road u fuq is- central strips tal-istess toroq? Tista' tiġi introdotta sistema ta’ pelican lights biex in-nies ikunu jistgħu jaqsmu bla periklu? Jistgħu jittieħdu passi effettivi biex jiġi mrażżan sewqan eċċessiv f’dawn l-inħawi, kif ukoll li jiġu introdotti speed cameras bejn Kappara Service Station u r- roundabout tal-gass? Jirriżultali li dan l-ilment ilu jitressaq lill-awtoritajiet għal aktar minn ħames snin, iżda ninsab infurmat li minkejja dan kollu l-Awtorità dwar it-Trasport lanqas bagħtet acknowledgements lill-persuni li ressqu dawn l-ilmenti matul is-snin. Għal soluzzjoni ħolistika nemmen li l-awtorità għandha tikkonsidra serjament li tfassal pjan flimkien mal-kunsill lokali konċernat u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Baħrija — fossa komunali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12051 u 11871 u jara x'inhi r-raġuni għala l-fossa komunali tal-Baħrija mhux qiegħda titbattal b'mod regolari bil-konsegwenza li qiegħda tfur b'mod partikolari fil-weekends?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-fossa tal-Baħrija qed titbattal b’mod regolari anke fil-weekends. Madanakollu il-KSI ser tkun qed tieħu l-passi neċessarji sabiex tassigura li l-fossa ma tfurx.

Korporazzjonijiet — servizzi għaddejjin mit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif ser jiġi assigurat li l-korporazzjonijiet li għandhom servizzi għaddejjin mit-toroq tagħna ma jaqbdux u jaqtgħu dawn is-servizzi bi ħsara għal uċuħ tat-toroq? Kif jista' jigarantixxi li fejn isiru toroq ġodda, dawn l-istess toroq ikollhom is-servizzi mqegħdin fil-bankini biex jiġu evitati ħsarat fit-toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorità dwar it-Trasport u Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — bus terminus fil-Qawra/Buġibba

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 11876, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi, jew x'kienet il-pożizzjoni li ttieħdet mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u l-Awtorità dwar it-Trasport fiż-żmien li għadda dwar it-terminus tal-karozzi tal-linja fil-Qawra/Buġibba?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-ADT għandha ħsieb li tagħmel applikazzjoni għand il-MEPA għall-upgrading tat-terminus tal-Qawra/Buġibba.

Għawdex — Bini ta' airstrip

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11989 u jgħid meta huwa mistenni li l-Kabinett jirċievi r-rapport dwar il-possibilità li tinbena airstrip f’Għawdex? Meta kien ġie kkummissjonat dan ir-rapport? Minn min ġie kkummissjonat? Minn min qed jitħejja? X’inhuma t-terms of reference għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Għawdex — Ras il-Ħobż - drenaġġ fil-baħar

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistqosija parlamnetari11990 u ċioe, b’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 10358, jista’ l-Ministru jagħti assigurazzjoni lill-Kamra li mhux qed ikun hemm drenaġġ li ma jasalx fl-impjant/ma jgħaddix mill-impjant u jibqa’ sejjer il-baħar f'Ras il-Ħobż mingħajr ma jgħaddi kif suppost mill-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Feasibility study u environment impact assessment — bini ta' break water

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9522, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-feasibility study u l-environmental impact assessment li għamlet l-ECORYS BV dwar il-bini ta’ rmiġġ/i fuq in-naħa ta’ barra tal-breakwater prinċipali fil-Port tal-Imġarr Għawdex biex jintuża/w bħala cruise berth/s? Jista’ jgħid jekk l-Environmental Impact Assessment tlestiex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Institute of Water Technology — Laboratory Division - leakages ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12068 u jgħid kemm kien hemm rapporti ta' leakages tal-ilma minn djar privati sena b'sena mill-2004 'l hawn? Kemm minnhom irriżulta lil Laboratory Division, Institute of Water Technology li kien ilma tal-vit, sena b'sena? Kemm minn tal-aħħar baqgħu ma ġewx riżolti sena b'sena, bis-sidien/kerrejja jibqgħu jirrapportaw il-leakage?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija. Minn dawn il-każijiet għad hemm ħamsa li m’humiex riżolti u li erbgħa minnhom kienu ġew irrapurtati fl-2009. Il-każ l-ieħor kien ġie rrapurtat fl-2007 u fuqu hemm kawża l-Qorti. Dwar il-każijiet pendenti mhux eskluż li l-problema tista’ tkun ġejja minnu sors mhux tal-KSI.

Mosta — speed camera fit-triq prinċipali

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb jew sarx xi studju biex titwaħħal speed camera fit-triq prinċipali li twasslek lejn l-Imġarr minn naħa tal-Mosta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12275, 11925 u 11461 u jgħid x'xogħol sar fl-aħħar 12-il xahar relatat ma' a) Triq Valletta fiż-Żurrieq? b) Triq il-Kunsill tal-Ewropa u Triq Garibaldi f'Ħal-Luqa? ċ) Parti sostanzjali minn Triq il-Kosta f'Baħar iċ-Ċagħaq? d) Underpass minn Triq Diċembru 13 sa ħdejn il-Waterfront tal-Belt? e) Triq mill-għolja tal-Għadira saċ-Ċirkewwa? f) It-tkomplija ta' Triq Mġarr minn ħdejn il-heliport sar-Rabat, f'Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Mellieħa — Bajja ta' l-Għadira - Hawker

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’passi se tieħu l-Awtorita`dwar it-Trasport u d-Direttorat ghat-Trasport Pubbliku biex jiġbdu l-attenzjoni tal-pulizija dwar hawker li qed ikun armat il-ħin kollu l-Ghadira fil-Mellieha jbiegh varjeta’ kbira ta’ ħaxix, oġġetti u xorb u pparkjat ħdejn bus stop fit-tarf tal-Ghadira meta dan qed jikser ir-regolamenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Triq Valletta fil-Mosta — traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex it-traffic lights li hemm fi Triq Valletta fil-Mosta, ħdejn il-ground tal-football, jiġu rranġati b'mod li fil-parti tat-traffic lights inti u dieħel il-Mosta mal-ġenb tal-groundtiġi central strip fejn illum hemm il-parti bil-ħamrija u l-parti l-oħra fejn taqsam minn fuq dawn it-traffic lights inti u ħiereġ mill-Mosta għal Birkirkara fi Triq Valletta tibqa' kif inhi? Dan qed nitolbu minħabba l-fatt li kif qegħdin it-traffic lights illum, hija iktar perikoluża għaliex il-karozzi li jkunu ħerġin minn mal-ġenb tal-ground isibu ruħhom fit-traffic lights.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT.

Mosta — sleeping policemen u mirja fin-naħa ta' San Ġużepp

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni ħalli fil-main street, in-naħa ta' San Ġużepp fil-Mosta aħna u telgħin in-Naxxar isiru sleeping policemensabiex il-karozzi li jkunu telgħin lejn in-Naxxar ikollhom inaqqsu l-veloċità li jkunu telgħin biha u jitwaħħlu l-mirja necessarji sabiex il-karozzi li jkunu ħerġin mis-side streets ikunu jistgħu jaraw sew il-vetturi li jkunu qed jagħmlu użu minn din il-main street?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-Awtorità Dwar it-Trasport.

Ta' Qali — Villaġġ ta' Snajja - ħwienet tal-artiġjanat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-ħwienet tal-artiġjanat li bħalissa qed joperaw fil-Villaġġ tas-Snajja f’Ta’Qali li se jiġu trasferiti f’Bormla? X’se jsir minn ħwienet oħra bħal dawk tal-mastrudaxxi u oħrajn li ilhom jaħdmu hemm is-snin? Kemm hemm minn dan l-aħħar tip?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.