Tista' l-Ministru tgħid min kienu l-applikanti kollha għall-post ta' senior manager fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala Għawdex? Tista' tgħid jekk kienx hemm applikanti Għawdxin u jekk fl-affermattiv tista' tispjega għaliex fil-proċess tal-għażla ġew skartati dawn l-applikanti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li, kif inhi l-prassi, il-proċess tal-għażla għall-post ta' senior manager fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi sar minn Bord tal-Għażla kif approvat mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Ir-riżultat rispettiv ġie ppubblikat.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-toroq residenzjali kollha li qatt ma saru fil-lokalitajiet ta' Għawdex u li ġew imwiegħda mill-gvern fil-passat li kellhom isiru? Meta mistenni li jsiru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li t-toroq residenzjali f'Għawdex isiru meta dan ikun possibbli u skont il-ħtieġa f'kull każ.
Peress li fl-iskola tax-Xagħra matul dan is-sajf kellhom isiru xogħlijiet ta' manutenzjoni u tiswijiet iżda s'issa dawn għadhom ma sarux u peress li issa dalwaqt terġa' tibda l-iskola u allura kemm l-istudenti u kif ukoll l-istaff ta' din l-iskola se jsibu l-ambjenti tal-iskola għar milli ħallewhom qabel is-sajf, ma taħsibx il-Ministru li dan in-nuqqas għandu jiġi indirizzat minnufih?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li d-dipartiment konċernat ħareġ offerta għal xogħol ta' manutenzjoni f'din l-iskola partikolari. Però dan ix-xogħol għadu ma tlestiex peress li fuq ir-rakkomandazzjoni tal-perit inkarigat l-ewwel ser isiru xi xogħlijiet li ma setgħux ikunu previsti u wara jitkompla dan ix-xogħol. Iżda minkejja din is-sitwazzjoni l-ambjent tal-iskola ma huwiex dak illi ddeskriviet l-Onorevoli Interpellant.
Peress li saru lmenti li l-mini li hemm fil-Wied ta' Marsalforn ma ġewx imnaddfa u allura inħolqu problemi ta' għargħar, tista' l-Ministru tara li jsir ix-xogħol ta' tindif opportun?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax li kien hemm problemi ta' għargħar fil-Wied ta' Marsalforn, anzi peress li l-ġibjuni matul dan il-wied u matul widien li jagħtu għal ġo fih ġew imnaddfa fl-aħħar snin, dan għen ħafna biex ma jinħolqux dawn il-problemi.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-ambulanzi fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex kenux ġew mibdula? Jekk le, x’inhi r-raġuni?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-flotta tal-ambulanzi tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ġiet imsaħħa peress li żewġ ambulanzi nbidlu b'żewġ ambulanzi ġodda. Dawn bdew jintużaw fil-5 ta' Ġunju 2012.
Għawdex — bini ta' triq ġdida quddiem il-Gozo Stadium
Question
Fir-rigward tat-triq li qed tinbena mill-ġdid quddiem il-Gozo Stadium, tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm parking spaces qabel il-proġett (minħabba li l-wisgħa tat-triq kien jippermetti parking fuq iż-żewġ naħat), u wara li jintemm il-proġett bi triq idjaq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li l-proġett imsemmi qiegħed isir minn Transport Malta, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15911 fejn l-Ministru qalet li dan il-proġett kien se jiswa €4.2 miljuni, u b'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21701 fejn l-Ministru wieġbet li l-bini tal-istess pixxina se tiswa €6.2 miljuni, tista’ l-Ministru tispjega fiex tikkonsisti din id-differenza ta’ €2 miljuni? Tista’ tgħid kemm hi stmata li se tiswa llum?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata illi d-differenza ta' €2 miljun hija dovuta għall-istima tas-sistema mekkanika u elettrika. Dawn l-ispejjeż jiddependu mill-effiċjenza tas-sistema u jvarjaw skont it-teknoloġija u l-prezzijiet tas-suq.
Għawdex — xogħol u titjib tal-ħiliet tar-riżorsi umani
Question
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 28493, 29391, 29802 u 34768 u 35207 dwar ir-rapport li ġie kkumissjonat biex janalizza s-sitwazzjoni preżenti u jagħti pariri dwar strateġija marbuta mal-ħolqien tax-xogħol u t-titjib tal-ħiliet tar-riżorsi umani f'Għawdex, tista' l-Ministru issa wara li ilu seba' xhur li tlesta r-rapport, tgħid meta mistenni li jintemm il-proċess ta' konsultazzjoni mal-entitajiet kollha kkonċernanti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m'hemm xejn xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 35207.
Peress li għadhom jippersistu l-ilmenti dwar l-istat ħażin ta' Triq Sannat, fis-Sannat li minkejja diversi tweġibiet li ngħataw f dan il-Parlament għadha ma sarithiliex il-manutenzjoni li tinħtieġ, tista' l-Ministru tara li Triq Sannat isirilha x-xogħol meħtieġ biex tiġi fi stat suret in-nies?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li din it-triq qed issirilha manutenzjoni kif ikun meħtieġ.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex is-sejħa għall-offerti għal playfields fil-ġonna ta' Villa Rundle u Marsalforn kien jindika apparat bl-istainles steel u injam, iżda mbagħad dak li twaħħal huwa prevalentament tal-plastic?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-apparat mixtri għall-playfields fil-ġonna ta' Villa Rundle u Marsalforn huwa skont it-technical specifications tas-sejħiet għall-offerti.
Peress li qed jiġu security guards minn Malta biex jispezzjonaw lil kull min jidħol il-Qorti, x'inhi r-raġuni għaliex ma tqabdux uffiċjali tas-sigurtà Għawdxin?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-security guards li jaħdmu fil-Qorti ta' Għawdex huma provduti mill-istess tender li hemm fil-Qorti ta' Malta. Din il-kumpanija tibgħat kemm security guards Għawdxin kif ukoll Maltin.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 36046 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġiet riferuta lilu u cioè: Billi f’nofs Mejju l-gvern saħaq waqt laqgħa tal-Kabinett ġewwa Għawdex li l-proġett Eko-Għawdex kien daħal fit-tieni fażi tiegħu u billi s-segretarju permanenti fil-Ministeru mill-21 ta' Mejju 2012 li wiegħed lill-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-Kamra tar-Rapprezentanti li l-Ministeru għal Għawdex ħa nota tat-talba tal-kumitat biex jiġi ppubblikat immedjatament ir-rapport sħiħ dwar Eko-Għawdex, tista' l-Ministru tindika meta mistenni jsir dan speċjalment meta intqal li dan kien hemm il-ħsieb li jiġi ppubblikat fl-iqsar żmien possibbli? Billi l-Ministeru qal li l-ewwel ried jevalwa t-talba ta' xi aġġornamenti meħtieġa, ma taħsibx li huwa xieraq li kif oriġinarjament mitlub jiġi ppubblikat ir-rapport innifsu fl-istadju li qiegħed fih bħalissa, flok wieħed joqgħod jistenna aġġornamenti ġodda li jistgħu jservu biss biex ikomplu jtawwlu l-proċess?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata illi l-aġġornamenti meħtieġa għar-rapport dwar Eko Għawdex kważi tlestew u għalhekk fil-ġimgħat li ġejjin se jiġi ppubblikat id-dokument imsemmi.
Tista' l-Ministru tgħid u tagħti lista tal-ħaddiema f'Għawdex li wara l-ewwel ta' Jannar 2011 bdew jaħdmu t-telework fl-istess dipartiment li kienu jaħdmu fih; kif ukoll lista ta' dawk il-ħaddiema li ġew trasferiti f'dipartimenti oħra wara din l-istess data u li llum qegħdin jaħdmu t-telework?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 32797 dwar l-offerta għall-bini ta’ pixxina fir-Rabat Għawdex fejn il-Ministru tat kelma b’kelma l-istess tweġiba li kienet tatni tliet xhur u nofs ilu, tista’ l-Ministru tgħid x’sar f’dawn it-tliet xhur u nofs? Tista’ tgħid jekk id-dokumnet tat-tender intbagħatx lid-Dipartiment tal-Kuntratti biex jiġi vvettjat? Jekk iva, meta? Jekk le, meta mistenni li jintbagħat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li d-dokument tat-tender - Tender for the Construction of hoarding and earth works at the Gozo Natatorium intbagħat lid-Dipartiment tal-Kuntratti fis-27 ta' Jannar 2012 biex jiġi vvetjat. Il-proċess wasal fil-fażi finali tiegħu u għandu jiġi ppubblikat fi żmien qasir.
MAster Plans tax-Xlendi u Marsalforn — flus vutatati għall-proġett
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 30730, 33317 u 35626 dwar il-master plans tax-Xlendi u Marsalforn, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet huma koperti fl-applikazzjoni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-Master tax-Xlendi? Kemm hemm flus ivvotati għal dan il-proġett għal din is-sena? Taħt liema Vot u Item ġew approvati dawn il-flus fl-Estimi Ġenerali għall-2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li saret mal-MEPA u li ġiet approvata tkopri xogħlijiet ta' tisbiħ mal-'waterfront' tax-Xlendi li jikkonsistu minn pavimentar u xogħlijiet fuq bankini fi Triq ix-Xatt, kif ukoll f'toroq tal-madwar. L-allokazzjoni għal dan il-proġett taqa' taħt il-vot kapitali tal-Ministeru għal Għawdex.
Peress li s-servizz ta wi-fi fil-Qorti t'Għawdex huwa limitat u ma jkoprix il-maġġoranza tal-bini tal-Qorti, tista' l-Ministru tara li l-wi-fi jissaħħaħ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-servizz tal-wi-fi fil-bini tal-Qorti t'Għawdex, ikopri it-tliet awli bil-waiting areas ta' madwarhom, u areas oħra fil-viċinanza.
Se jiġi evalwat jekk hemmx bżonn li din il-faċilità tiżdied biex tkopri aktar spazju.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu d-drabi bejn Marzu 2008 u April 2012 li għamlet użu minn helicopter tal-Forzi Armati u x’kienu l-okkazjonijiet li għalihom sar dan l-użu? Tista' tagħti d-data ta’ kull okkazjoni? Tista' tgħid kemm kienet l-ispiża f’kull okkazjoni?