Trabi li twieldu fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex — trasferiment għall-Isptar Mater Dei
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm trabi li twieldu fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex fl-aħħar sena ttieħdu lejn l-Isptar Mater Dei u tgħid meta, s-sess tat-tarbija u r-raġuni?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — twelid ta' trabi b'ċesarja
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm nisa li welldu normali u b'ċesarja fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex f'dawn l-aħħar sitt xhur? Tista' tgħid kemm kien hemm ċesarji elective u kemm oħrajn b'emerġenza? Tista' tgħid ukoll kemm minnhom żviluppaw kumplikazzjonijiet li kienu jinħtieġu rikoveru lejn l-Isptar Mater Dei?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li f'dawn l-aħħar sitt xhur twieldu:
107 b'mod normali
20 kienu ċesarji elective
17 kienu ċesarji b'emerġenza.
Tarbija waħda li twieldet permezz ta' ċesarja b'emerġenza ntbagħtet l-Isptar Mater Dei wara li żviluppat kumplikazzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid x-xogħlijiet fadal isiru fil-grawnd tal-iskola Ninu Cremona f'Għawdex u meta se jitlestew?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ġiet aġġudikata l-offerta għall-wiċċ sintetiku tal-grawnd fuq il-car park tal-iskola. Ix-xogħol mistenni li jibda' fil-ġranet li ġejjin u huwa ppjanat li jitlesta fi żmien disa' ġimgħat.
Nefqa ta' flus li saret mill-Vot Rikorrenti dwar Tourism Promotion
Question
Tista’ l-Ministru tagħti dettalji tan-nefqa li saret din is-sena minn Vot Rikorrenti Nru 15 Item 5585 Tourism Promotion? Kien sar xi studju ta’ kif l-aħjar li għadhom jintefqu dawn il-flus? Jekk sar minn min sar? Tista’ tpoġġi kopja tal-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra? Kemm turisti kien kkalkolat li se jiġu turisti Għawdex din is-sena bis-saħħa tal-flus li ntefqu taħt dan il-Vot is-sena l-oħra? Kemm ġew fil-fatt?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru iffoka l-ħidma tiegħu relatata ma’ dan il-vot fuq tliet aspetti partikolari:
· Il-promozzjoni ta’ Għawdex fis-suq internazzjonali;
· Il-promozzjoni ta’ Għawdex u l-attrazzjonijiet li joffri għas-suq domestiku, kif ukoll,
· It-titjib tal-prodott turistiku Għawdxi.
In-nefqa globali relatatata mal-Vot Rikurrenti Nru 15 Item 5585
Tourism Promotion
kienet imqassma b’dan il-mod:
Kategoriji
Ewro
% tan-nefqa globali
Suq Internazzjonali
266,579.07c
53.3%
Suq Domestiku
179,420.86c
35.9%
Prodott Turistiku
48,975.02c
9.8%
Servizzi Oħra
5,025.05c
1.0%
Total
500,000.00c
100.0%
Vot Rikurrenti Nru 15 Item 5585
Fis-suq internazzjonali il-prijoritajiet tar-reklamar u l-promozzjoni kienu bbażati prinċipalment fuq il-profil tat-turisti li jżuru lil Għawdex matul is-sena kif ukoll fuq miri tal-Ministeru fir-rigward ta’ niċeċ speċifiċi.
Il-Ministeru jitratta wkoll is-suq internazzjonali fuq żewġ aspetti partikolari:
·
Dawk li
jiġu Malta imma ma jżurux lil Għawdex jew iżuru lil Għawdex għal ġurnata waħda biss
; u
·
Dawk
li għadhom qatt ma żaru l-gżejjer Maltin
.
Il-Ministeru jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni rurali distinta f’relazzjoni mal-viżjoni Eko-Għawdex u mal-politika nazzjonali tat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu.
F’dak li huwa s-suq domestiku l-Ministeru qed isaħħaħ il-preżenza ta’ Għawdex permezz ta’ promozzjoni fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali, f’pubblikazzjonijiet nazzjonali, f’
billboards
f’żoni strateġiċi ta’ Malta, kif ukoll billi jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni kulturali distinta. Il-Ministeru jikkontribwixxi wkoll b’mod sostanzjali għall-pubblikazzjoni
Lets Gozo
li tiġi maħruġa mill-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu.
Il-Ministeru ddeċieda wkoll li juża fondi relatati mal-promozzjoni tat-Turiżmu biex ikompli jtejjeb il-prodott turistiku Għawdxi f’dawk iż-żoni li huma ta’ importanza vitali għas-settur. Dan inkluda fost l-oħrajn il-provvista ta’ servizzi addizzjonali li jassiguraw esperjenza pożittiva f’Għawdex. Dan kollu jinkwadra mal-importanza dejjem tiżdied tas-
social media
fejn viżitaturi b’mod immedjat jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-bqija tad-dinja.
Jidher li x-xogħol kollettiv li sar qed iħalli riżultati tajbin. Infatti bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena n-numru ta’ turisti barranin li qattgħu lejl jew aktar f’Għawdex ammonta għal mija u għoxrin elf, ħames mija u tmienja u sebgħin (120,578) turist, żieda ta’ għaxra punt ħamsa fil-mija (10.5%) meta mqabbel ma’ l-istess perjodu fl-2011. Fir-rigward ta’ ljieli f’Għawdex l-ammont kien ta’ sitt mija u tnejn u disgħin elf, sitt mija u tlieta u tmenin (692,683), żieda ta’ ħdax punt sitta fil-mija (11.6%) meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2011. Il-btala medja f’Għawdex kienet ta’ ħamsa punt sebat (5.7) iljieli. Fl-istess perjodu mqabbel mas-sena 2011, l-iljieli tat-turisti barranin fil-lukandi żdiedu bi tnax punt tnejn fil-mija (12.2%) filwaqt li l-iljieli fil-kategorija tal-
farmhouses
u
self-catering accommodation
raw żieda ta’ erbgħa u għoxrin punt tmienja fil-mija (24.8%). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji kif mogħtija mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Dawn iċ-ċifri jeskludu il-viżitaturi li jiddeċiedu li jqattgħu ġurnata biss f’Għawdex, kif ukoll l-Maltin li jiġu Għawdex għal xi forma ta’ btala.
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 37701 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tat-toroq kollha, mhux biss tat-toroq l-aktar urġenti li qed isiru x-xogħlijiet fuqhom jew li huma fil-proċess li toħroġ l-offerta għax-xogħlijiet f’Għawdex, li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tagħha li jridu jsiru u cioè jitranġaw u jinksew bit-tarmak? Tista’ tagħti din il-lista skont il-priorità kif stabbilità fuq il-gravità tal-qagħda tagħhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 37930.
Peress li Triq 31 ta' Marzu fir-Rabat Għawdex mimlija ħofor fondi mimlija ilma bix-xita u peress li din it-triq hija tal-biki b'inkonvenjent kbir għar-residenti, tista' l-Ministru tara li dawn il-ħofor jimtlew?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li qiegħda tittieħed l-azzjoni neċessarja biex jitnaqqas l-inkonvenjent fi Triq il-31 ta' Marzu fir-Rabat, Għawdex.
Peress li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ilha snin titlob li ssir l-manutenzjoni fuq il-fond mikri lilha u ilha snin tiġi mwiegħda li dan xogħol se jsir mis-sezzjoni tal-manutenzjoni iżda inutilment, tista' l-Ministru tara li dan ix-xogħol se jsir peress li l-istruttura issa saret perikoluża?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li din it-talba se tiġi kkunsidrata mid-Direttorat għall-Proġetti u Żvilupp flimkien mad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern għall-approvazzjoni meħtieġa.
delegazzjonijiet ministerjali — spejjeż fuq żjarat
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35743, fejn il-Ministru kellha tagħti l-breakdown tal-ispiża kollha ta’ kull żjara li saret barra minn Malta ta’ delegazzjonijiet ministerjali tagħha mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-aħħar ta’ Mejju 2012 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-GA27 u GA27A għal kull safra li saret u peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 35204 ntqal li kien hemm żewġ safriet ministerjali, cioè waħda f’Mejju 2011 fl-Estonja u l-oħra f’Settembru 2011 fid-Danimanrka, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-GA27 u GA27A li hemm referenza għalihom fil-Post Travel Submission Forms?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kopji tal-GA27A diġà ġew preżentati bħala parti mit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 35743.
Studenti Għawdxin — pagament għall-akkomodazzjoni f'Malta
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il pagament tħallsu s’issa din is-sena l-istudenti Għawdxin f’Malta bħal sussidju għall-akkomodazzjoni tagħhom f’Malta? Kemm kien it-total ta’ kull pagament li tħallas lill-istudenti kollha? Kemm-il pagament jonqos isir din is-sena? Meta mistenni li jitħallas/jitħallsu? Kemm huwa kkalkolat li jammonta kull pagament li jonqos isir?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li din is-sena l-istudenti Għawdxin f'Malta tħallsu tliet pagamenti. Permezz ta' miżura li tħabbret fid-Diskors tal-Baġit 2012 is-sussidju li jingħata lil kull student Għawdxi li jkun qed jistudja f'Malta, irrispettivament jekk imurx l-Università, l-MCAST jew l-ITS, żdied għal €400 kull tliet xhur minn Jannar 2012. L-ebda pagament ma jonqos li jsir din is-sena.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-senan sa l-aħħar ta’ Settembru ntefqu biss €907 għat-trasport b’xejn ta’ prodotti tal-biedja - Vot Rikorrenti Nru15 Item 5278 - meta l-flus allokati għal dan l-iskop huma €90,000? Kemm mistenni li tkun in-nefqa totali taħt dan il-Vot sal-aħħar ta’ din is-sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-pagamenti għat-trasport tal-prodotti tal-biedja u sajd qed jiġu vverifikati biex ikunu jistgħu jitħallsu u li l-vot allokat mistenni jintuża kollu. Ninsab infurmata wkoll li l-allokazzjoni għal din is-sena hija ta' €70,000 u mhux €90,000 kif kwotat fil-mistoqsija.
Sussidju lill-bdiewa u sajjieda Għawdxin — trasport tal-prodotti b'xejn bejn Malta u Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-iskema ta’ sussidju lill-bdiewa u s-sajjieda Għawdxin għat-trasport b’xejn tal-prodotti tagħhom minn Għawdex għal Malta għadhiex fis-seħħ? Jekk m’għadhiex, għaliex twaqqfet?
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm membri tas-Segretarjat Privat tal-Ministeru li kien ġew ingaġġati b’kuntratt definit jew indefinit (tweġibiet separati) li fl-aħħar xhur/ġimgħat ġew ingaġġati fuq bażi ġdida kuntrattwali mal-Ministeru tagħha u/jew ta' ħaddieħor u/jew ma' xi aġenzija, awtorità, entità parastatali jew governattiva li taqa' taħtha u/jew ta’ xi Ministeru ieħor? Tista' tagħti dettalji sħaħ anki jekk ma jingħatawx ismijiet ta’ kull każ involut?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda membru tas-Segretarjat Privat tal-Ministeru għal Għawdex ma ġie ngaġġat fuq bażi ġdida kuntrattwali.
Ministeru għal Għawdex — servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il darba ntużaw is-servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f'attivitajiet organizzati mill-istess Ministeru jew xi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru f'dawn l-aħħar sitt xhur? Tista' tindika l-attività x'kienet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ma ntużawx servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f'attivitajiet organizzati mill-Ministeru għal Għawdex f'dawn l-aħħar sitt xhur.
Ministeru għal Għawdex — standard item of expenditure
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’hemm flus kommessi biex jitħallsu din is-sena taħt kull standard item of expenditure tal-vot rikorrenti tal-Ministeru għal Għawdex sal-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari Numru 37703 mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-Ministru ma ratx kif għamlet biex Bethelem Għajnsielem terġa ssir din is-sena? Kif jista' jkun li lanqas għamlet stqarrija dwar telf għal Għawdex ta' din l-attrazzjoni turistika li s-soltu ġġib f'Għawdex kemm turiżmu intern kif ukoll estern?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru għal Għawdex dejjem għen bl-aktar mod qawwi, kemm finanzjarjament u anke b'mezzi oħrajn kull darba illi ġie organizzat Bethlehem f'Għajnsielem. Anke din is-sena l-Ministeru għal Għawdex kien lest li jerġa joffri l-għajnuna kollha possibbli sabiex Bethlehem f'Għajnsielem jerġa' jiġi organizzat. Irriżulta però, li l-Fondazzjoni Bethlehem f'Għajnsielem, minħabba raġunijiet imxandra permezz ta' stqarrija maħruġa mill-istess fondazzjoni, ħadet id-deċiżjoni illi din is-sena ma jsirx Bethlehem f'Għajnsielem.
Għawdex — Nadur - Triq it-Torri ta' Sopu - periklu
Question
Tista' l-Ministru tghid għalfejn għadu ma tneħħix il-periklu ta' Triq it-Torri ta' Sopu fin-Nadur Għawdex minkejja d-diversi interpellazzjonijiet datati lura saħansitra għall-1998?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li qiegħda titħejja sejħa għall-offerti biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa f'din it-triq.
Għawdex — Environmental Consortium Ltd - item of expenditure
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm flus ħallas kull sena mill-2006 sal-lum għal xogħol li sar u servizzi li nagħtaw f’Għawdex milll-Environmental Consortium Ltd? Mil-liema item of expenditure tħallsu dawn il-fondi kull sena? Tista’ tgħid x’xogħlijiet saru u x’servizzi nagħtaw kull sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba hija kif tinsab fit-tabella annessa.
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 37701 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tat-toroq kollha, mhux biss tat-toroq l-aktar urġenti li qed isiru x-xogħlijiet fuqhom jew li huma fil-proċess li toħroġ l-offerta għax-xogħlijiet f’Għawdex, li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tagħha li jridu jsiru u cioè jitranġaw u jinksew bit-tarmak? Tista’ tagħti din il-lista skont il-priorità kif stabbilità fuq il-gravità tal-qagħda tagħhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
B'żieda mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 37431, ninsab infurmata li toroq illi jridu jiġu asfaltati minħabba li għadhom mhumiex miksijin bit-tarmak huma kif jidhru fit-tabella annessa.
Uffiċjali mill-Ministeru t'Għawdex — attendenza għas-CIPD Conference
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk uffiċċjali tal-Ministeru tagħha attendewx konferenzi, eċċ. tas-CIPD Conference matul din is-sena sal-aħħar ta’ Ottubru? Jekk iva min huma l-uffiċċjali li attendew? Għalxiex attendew? Kif ġew magħżula? X’kienet in-nefqa f’kull każ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li d-Direttur Ġenerali (Operations) attenda konferenza organizzata mis-CIPD matul din is-sena, sal-aħħar ta' Ottubru. Għall-kumplament tal-mistoqsija nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14219.
Ministeru għal Għawdex — persuni li rrikorrew għal xi servizzi
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni neqsin mid-dawl u neqsin mis-smigħ li personalment jew tramite xi persuni jew entitajiet oħra irrokorrew għas-servizzi mogħtija minn xi uffiċċju tal-Ministeru jew dipartiment jew entità li jaqa' taħt d-dekasteru tagħha f'dawn l-aħħar sitt xhur u jgħid x'mezzi ntużaw biex saret il-komunikazzjoni mal-persuna konċernata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.