Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw direct orders (x'kienet id-direct order, kemm swiet u lil min ingħatat) f'dawn l-aħħar tliet xhur u tagħti d-dettalji relattivi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li f'dawn l-aħħar tliet xhur ingħatat direct order waħda, li d-dettalji tagħha qed jingħataw fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ġiet allokata sagħtejn fil-ġimgħa bħala għajnuna fid-dar u dan kien fl-20 ta' Ġunju 2012 u peress li sal-lum din l-għajnuna għadha ma ngħatatx, tista' l-Ministru tara li d-deċiżjoni tal-bord tal-ghajnuna fid-dar tiġi onorata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-persuna anzjana li għaliha saret referenza fil-mistoqsija, ġiet offruta Social Assistant madwar 4 ġimgħat ilu, li hija stess irrifjutat. Ninsab infurmata wkoll li proprju din il-ġimgħa ġiet avviċinata sabiex tingħata Social Assistant oħra li hi aċċettat u għalhekk is-servizz ser jibda jingħata fl-aħħar ta' din il-ġimgħa.
Tista' l-Ministru tgħid f'din l-aħħar sena kemm saru talbiet għal homehelp u kemm minnhom ġew milqugħa u kemm minnhom effettivament bdew jieħdu s-servizz u kemm minnhom għadhom jistennew is-servizz approvat? Tista' tgħid kemm talbiet minnhom kienu ta' persuni anzjani u kemm minnhom persuni b'diżabiltà?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru tgħid kemm hemm utenti tal-homehelp skont il-lokalità u l-età, kemm minnhom anzjani u kemm b'diżabiltà u kemm għandhom sigħat ta' għajnuna?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Studenti Għawdxin li bbenefikaw minn skema ta' sussidju għall-akkomodazzjoni f'Malta
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm studenti Għawdxin separatament ibbenefikaw din is-sena mill-iskema ta’ sussidju għall-akkomodazzjoni f’Malta? Tista’ tgħid kemm studenti tħallsu f’kull pagament li sar din is-sena? Tista’ tgħid l-istudenti liema istutuzzjoni edukattiva kienu jattendu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 38137.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 37903 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm huwa n-numru ta' ġibjuni li għandu konjezjoni tagħhom il-gvern f'Għawdex? Tista' tgħid kemm fil-preżent huwa numru ta' dawk il-ġibjuni li għadhom qed jintużaw?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 38046.
Peress li saru ilmenti li ċ-ċimiterju tan-Nadur mhux aċċessibbli għal persuni b'diżabiltà għaliex m'hemmx rampa, tista' l-Ministru tara li jiġi garantit dan l-aċċess?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata illi hemm aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità biex jidħlu ġewwa ċ-ċimiterju tan-Nadur min-naħa ta' Triq Dun K. Zimech.
Tista' l-Ministru tgħid x'investiment għamel il-gvern fin-Napro Clinic fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Kemm hemm staff li qed imexxi l-klinika Napro u xi grad u rwol għandhom fit-tmexxija ta' din il-klinika? Kemm persuni rrikorrew xahar b'xahar għas-servizzi tal-klinika Napro?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li hemm żewġ ħaddiema jmexxu l-klinika tan-Napro ġewwa l-Isptar Ġenerali t'Għawdex. Dawn huma l-Konsulent u n-Nursing Officer.
In-numru ta' persuni li rrikorrew għal dan is-servizz huma kif elenkati hawn taħt:
Ġunju 2012 10 persuni
Lulju 2012 14-il persuna
Awwissu 2012 7 persuni
Settembru 2012 7 persuni
Ottubru 2012 10 persuni
Novembru 2012 8 persuni
Bħala klinika ma kienx hemm bżonn jintefqu flus fi struttura u tagħmir.
Għawdex — uffiċċju u d-dipartiment tan-nutar - telework
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk fl-uffiċċju u d-dipartiment tan-nutar tal-gvern f'Għawdex isirx xogħol ta' telework u jekk fl-affermattiv tista' tgħid x'tip ta' telework isir jew jista' jsir?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s'issa mhu qed isir l-ebda xogħol b'telework fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern f'Għawdex.
Returns dwar il-Vot kapitali tal-Ministeru għal Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-returns dwar il-Vot kapitali tal-Ministeru tagħha li ntbagħtu lill-Budget Office fil-Ministeru tal-Finanzi għal Settembru u għal Ottubru 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għar-return dwar il-Vot Kapitali għal Settembru 2012 hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-informazzjoni għax-xahar ta' Ottubru 2012 għadha qed tiġi kkumpilata.
Triq ġdida quddiem il-Gozo Stadium — parking spaces
Question
Fir-rigward tat-triq li qed tinbena mill-ġdid quddiem il-Gozo Stadium, tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm parking spaces qabel il-proġett (minħabba li l-wiesgħa tat-triq kien jippermetti parking fuq iż-żewġ naħat), u wara li jintemm il-proġett bi triq idjaq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 36234.
Ministeru għal Għawdex — Pendenzi f'pagamenti għal xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid sal-lum kemm huma l-pendenzi tal-pagamenti f’ċifra ta’ flus globali li l-gvern u l-entitajiet, dekasteri, awtoritajiet eċċ. Jridu jħallsu għal xogħlijiet li ġew approvati b’riżultat ta’ tenders u direct orders approvati uffiċjalment?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-pendenzi tal-pagamenti għal xogħlijiet sal-lum jammontaw globalment għal €15,863.09.
Għawdex — Fontana - Triq San Martin - rranġar ta' triq
Question
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamenti 36439 u minkejja l-assigurazzjonijiet li ngħataw mill-Prim Ministru nnisfsu, is-sitwazzjoni għadha tippersisti b'inkonvenjent kbir għar-residenti ta' Triq San Martin, Fontana, Għawdex, tista' l-Ministru tara li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata minnufih?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fit-Triq San Martin, Fontana ma hemmx problemi minħabba l-ilma tax-xita. Jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħda tirreferi għat-trejqa li tiġi wara l-proprjetajiet tat-Triq San Martin ninsab infurmata li ttieħdet l-azzjoni neċessarja u ma jirriżultax li hemm problemi f'dan il-post.
Peress li skont il-liġi, ma jistax isir bejgħ ta' xorb u ikel fil-qorti u peress li l-avukati nagħmlu ġranet sħaħ fl-awli tal-qorti u in vista tar-regoli ta' sigurtà ma nistgħux indaħħlu flixken tal-ilma u lanqas ikel u peress li dan qed joħloq problemi għall-diversi avukati, tista' l-Ministru tara li tal-inqas ikun hemm provvista ta' ilma fil-bini tal-qorti stess għall-użu tal-avukati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-amministrazzjoni tal-Qorti ta' Għawdex mhix ser toġġezzjona għall-fliexken tal-plastic li jkun fihom l-ilma li l-avukati jistgħu jdaħħlu magħhom fil-bini tal-Qorti.
Qorti t'Għawdex — x-ray machine għal spezzjonijiet fil-basktijiet tal-pubbliku
Question
Peress li fil-Qorti t'Għawdex kellha tiġi stallata x-ray machine biex il-basktijiet tal-pubbliku jkunu jistgħu jiġu spezzjonati, peress li din il-magna għadha ma ġietx u allura l-ispezzjonijiet qed isiru manwalment u dan qed idejjaq lin-nies minħabba l-privatezza u kif ukoll qed ikun kaġun ta' dewmien, ma taħsibx il-Ministru li issa wara daqstant xhur din il-magna għandha tinġab fil-Qorti ta' Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-istallazzjoni ta' din il-magna qed tiġi diskussa bejn il-Qrati ta' Malta u Għawdex.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37903, tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' ġibjuni li għandu konjezjoni tagħhom il-gvern f'Għawdex? Tista' tgħid kemm fil-preżent huwa numru ta' dawk il-ġibjuni li għadhom qed jintużaw?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li f'Għawdex hemm 50 ġibjun li l-Ministeru għal Għawdex għandu konjizzjoni tagħhom u li minn dawn, 38 qegħdin jintużaw, 5 qed isirilhom xogħol biex ikunu jistgħu jintużaw, u 7 mhux qed jintużaw.
Spiża ta' delegazzjonijiet misisterjalli għal Ministeru għal Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tagħti breakdown tal-ispiża kollha ta’ kull żjara li saret barra minn Malta ta’ delegazzjonijiet ministerjali u delegazzjonijiet oħra tal-Ministeru tagħha mill-1 ta’ Ġunju 2012 l’ hawn u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-GA27 u GA27A għal kull safra li saret?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Qiegħda npoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sussidju lill-bdiewa u sajjieda Għawdxin — trasport tal-prodotti b'xejn bejn Malta u Għawdex
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 37953, tista’ l-Ministru tgħid kemm tħallsu flus fl-2011 u din is-sena s’issa taħt l-iskema ta’ sussidju lill-bdiewa u s-sajjieda Għawdxin għat-trasport b’xejn tal-prodotti tagħhom minn Għawdex għal Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-ħlasijiet taħt l-iskema ta' sussidju lill-bdiewa u sajjieda Għawdxin għat-trasport tal-prodotti minn Għawdex għal Malta fl-2011 ammontaw għal €50,877 u matul l-2012 sa issa tħallsu €18,581. Kif diġà semmejt fir-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 37952 il-pagamenti ta' din is-sena qegħdin jiġu vverifikati u l-vot allokat hu mistenni li jintuża kollu.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’studenti Għawdxin li jsegwu korsijiet fl-Università, l-MCAST u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Malta u li tħallsu sussidju għall-akkomodazzjoni tagħhom f’Malta kull sena mill-2010 ‘l hawn? Tista’ tagħti dan it-tagħrif separatament għall-Università, l-MCAST u l-ITS?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-numru ta' studenti li tħallsu sussidju mill-Ministeru għal Għawdex huwa kif muri fit-tabella annessa.