Legislature:
Category:
Reset
Active:

Linji tal-ajru — Titjiriet diretti minn u għall-bliet fil-Marokk

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jikkonferma jekk hemmx pjanijiet sabiex iħajjar linji tal-ajru sabiex jibdew titjiriet diretti minn u għall-bliet fil-Marokk?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-bidu ta’ titjiriet diretti ma’ bliet Marokkini m’huwiex prijoritarju fl-istrategija kurrenti tal-konnettivita’ bl-ajru imħaddna mill-Awtorita’ għat-Turiżmu. Għaldaqstant m’humiex qegħdin jiġu mfittxija linji sabiex joperaw dawn ir-rotot sabiex l-attenzjoni tibqa fuq l-iżvilupp ta’ servizzi minn pajjizi, reġjuni u bliet li joffru potenzjal aktar għoli għat-turiżmu lejn pajjiżna.

Qualified Majority Voting

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jikkonferma jekk kienx hemm żviluppi fuq livell ta’ Unjoni Ewropea sabiex tiġi estiża l-proċedura tal-Qualified Majority Voting f’kompetenzi jew setturi ġodda? Jekk iva, jista’ jagħti rendikont konċiż ta’ x’kienu tali żviluppi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul dawn l-aħħar snin, fid-dawl tal-kriżijiet u d-deċiżjonijiet diffiċli li kellhom jittieħdu fuq livell Ewropew, inbdiet diskussjoni dwar riformi li huma meqjusa meħtieġa sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tiffunzjona u tieħu deċiżjonijiet f’waqthom b’mod effiċjenti, filwaqt li ma jiġux ippreġudikati l-interessi leġittimi ta’ l-Istati Membri. Waħda mill-proposti hija dik dwar l-estensjoni tal-użu tal-votazzjoni permezz ta’ maġġoranza kwalifikata (QMV) permezz tal-mekkaniżmu passerelle. Il-proposta, li għad qed tiġi kkunsidrata mill-Kunsill, hija bbażata fuq ix-xewqa li jkollna deċiżjonijiet u implementazzjoni ta’ riformi aktar mgħaġġla. Sa’ issa, id-diskussjoni ffukat fuq estensjoni f’oqsma fejn it-Trattati diġa’ jippermettu dan, bi qbil bejn l-Istati Membri. Sabiex ikun hemm estensjoni sħiħa u permanenti tal-QMV irid ikun hemm bidla ħolistika fit-Trattati, u sa’ issa m’hemmx qbil bejn l-Istati Membri fuq il-ħtieġa għal dan.

Mercusor Agreement

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kif se tkun qed tintlaqat Malta mill-Mercusor Agreement konkluż mill-Unjoni Ewropea reċentement mil-lat, inter alia, ta’ konsumatur, impjiegi ġodda u tkabbir ekonomiku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Unjoni Ewropea (UE) u l-MERCOSUR ilhom jinnegozjaw ftehim kummerċjali mis-sena 2000 wara l-adozzjoni tal-mandat mill-Kunsill u l-Kummissjoni fl-1999. Waqt li dawn n-negozjati ġew sospiżi numru ta’ drabi matul is-snin, fis-6 ta’ Diċembru 2024, l-UE u l-blokk tal-MERCOSUR – li jinkludi lill-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj, u l-Urugwaj – iffinalizzaw in-negozjati għal-ftehim kummerċjali komprensiv. Waqt li Malta ġa għandha relazzjonijiet kummerċjali, u qegħda tiżviluppa r-relazzjonijiet politiċi tagħha ma’ dan ir-reġjun, kif jidher ċar mill-ftuħ tal-Ambaxxata fi Brasilia fl-2022, il-ftehim tal-UE mal-MERCOSUR se jiftaħ opportunitajiet ġodda billi jdaħħal dixxiplini ġodda fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħna, bħala Membru Stat tal-UE, ma’ dawn l-erba’ pajjiżi. Il-ftehim mistenni jżid il-kummerċ ħieles bejn Malta u l-pajjiżi tal-MERCOSUR, b’effetti pożittivi fuq il-konsumatur, l-intrapriżi Maltin u l-ekonomija Maltija. Dan ser iseħħ bl-impenn tal-imsieħba fuq kummerċ ta’ prodotti u servizzi, aċċess itjeb għall-investiment u akkwisti pubbliċi, tnaqqis ta’ burokrazija u dixxiplini biex jiġi faċilitat il-kummerċ, żieda fiċ-ċertezza legali, kif ukoll sistema ta’ soluzzjoni fejn ikun hemm tilwim fuq il-ftehim bejn l-UE u l-MERCOSUR. Il-ftehim jorbot lill-imsieħba biex jeliminaw b’mod gradwali d-dazji u impedimenti oħra għall-kummerċ fuq l-importazzjoni ta’ prodotti. Għalkemm Malta esportat ’il fuq minn €50 miljun fl-2023 lejn dan ir-reġjun, l-aktar fis-setturi ta’ oġġetti ta’ stampar (partikularment karti tal-flus) makkinarju u apparat elettroniku, l-ammonti jvarjaw ħafna minn sena għall-oħra, bil-medja aktar qrib ta’ €3.5 miljun fis-sena (ikkalkulata fuq l-importazzjoni bejn l-2017 u l-2021). Mil-banda l-oħra, Malta timporta medja ta’ madwar €20.8 miljun fis-sena kkalkulata fuq is-snin mill-2017 sal-2023, l-aktar fis-setturi taz-zokkor, żjut kif ukoll oġġetti tal-ħadid. Jekk il-ftehim jidħol fis-seħħ, ser jitnaqqsu tariffi fuq importazzjoni ta’ numru ta’ prodotti, fosthom iz-zokkor, fuel, laħmijiet varji taċ-ċanga u tat-tiġieġ, prodotti kimiċi, kif ukoll dawk tal-kafè. Dawn huma setturi fejn Malta, ġa timporta minn dawn il-pajjiżi u ma tipproduċix, jew ma tipproduċix fi kwantitajiet suffiċjenti għad-domanda tal-ekonomija Maltija, u għalhekk it-tnaqqis tat-tariffi ser jirriżulta f’aktar għażla u prezzijiet orħos għal-konsumaturi Maltin, waqt li ma jikkompetux ma’ produzzjoni lokali. Mill-perspettiva ta’ esportazzjoni Malta tista’ tibbenefika minn tariffi orħos u inqas impediment għall-importazzjoni fuq prodotti li jinkludu oġġetti ta’ stampar (partikularment karti tal-flus), makkinarju jew partijiet ta’ makkinarju, mediċini, kimika, u oġġetti tal-elettronika, fost affarijiet oħra.

Stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni tursitika

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm inħargu permessi sabiex jinħolqu stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni tursitika f’dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jgħid ukoll: i. kemm minn dawn il-permessi ntużaw u tlestew proġetti; ii. kemm minn dawn hemm proġetti li attwalment għadhom għaddejjin; iii. kemm minn dawn il-permessi għadhom lanqas bdew jiġu utilizzati; u f’kull każ tingħata informazzjoni ta’ xi jfisser dan f’termini ta’ żieda fil-bed-stock?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għal fini tal-mistoqsija, ‘permessi’ qed jiġu kkunsidrati li huma Tourism Policy Compliance Certificates li huma bżonnjużi fil-bidu ta’ żvilupp sabiex applikant ikun jista japplika għal permess ta’ żvilupp jew estensjoni ta’ akkommodazzjoni turistika kollettiva mill-Awtorita’ tal-Ippjanar, filwaqt li meta jitlesta proġett ikun hemm proċess ieħor ta’ licenzjar. Bejn l-ewwel permess u li wieħed tinħariġlu liċenzja jgħaddi ftit żmien u mhux garantit li dan iseħħ għax jistgħu jinbidlu iċ-ċirkustanzi. Għaldaqstant, in-numru ta’ permessi li nħarġu f’dawn l-aħħar tlett snin kien jammonta għal 291 għal total ta’ 15,783 sodda. Minn dawn laħqu ġew liċenzjati 10 stabbilimenti għal total ta’ 950 sodda.

Brażil — Ambaxxata Maltija fi Brasilia

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti informazzjoni dwar liema setturi qiegħda taħdem l-Ambaxxata Maltija fi Brasilia fil-Brażil, wara d-deċiżjoni tajba tal-Gvern Malti li jiftaħ tali Ambaxxata fis-sena 2022, sabiex issaħħet ir-relazzjoni ta’ Malta mal-Brażil u mal-Amerika Latina b’mod ġenerali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi il-preżenza fiżika ta’ Malta f’wieħed mill-akbar pajjiżi fid-dinja, għadha fil-bidu tagħha, iżda l-opportunitajiet għall-kummerċ, kif ukoll għal setturi oħra għal-Malta, sew fil-Brażil stess, kif ukoll fil-kontinent tal-Amerika Latina huma vasti, u diversi, daqs il-pajjiż stess. F’dak li għandu x’jaqsam mat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Brażil, l-Ambaxxata Maltija fi Brasilia qegħda tinnegozja diversi Ftehim u Memoranda ta’ Ftehim (MOUs), f’setturi varji li jinkludu l-avjazzjoni, it-turiżmu, ir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll fil-qasam tal-edukazzjoni. L-Ambaxxata qegħda wkoll taħdem biex issaħħaħ il-kollaborazzjoni mal-Brażil fis-setturi tat-tagħlim tal-Ingliż, iGaming, teknoloġija diġitali, industrija u kummerċ. L-Ambaxxata Maltija fi Brasilia qegħda wkoll twassal biex Malta taħdem mal-Brażil fis-settur umanitarju. Fl-2024 Malta saret firmatarja tal-“Impenn għall-Alleanza Globali Kontra l-Ġuħ u l-Faqar” tal-Brażil u ffirmat mal-inizjattiva tal-G20 tal-Brażil ta’ “Sejħa għall-Azzjoni dwar Riforma tal-Governanza”. Il-preżenza ta’ Malta ġewwa il-Brażil, qegħda twassal biex Malta taħdem id f’id mal-Unjoni Ewropeja, fi proġetti ġewwa l-Amerika Latina, f’setturi mportanti bħad-drittijiet tal-bniedem, it-tibdil fil-klima, id-deforestazzjoni, l-ambjent u l-baħar, passaġġi tal-ilma siguri u rotot tal-kummerċ tal-baħar kif ukoll għadd ta’ kwistjonijiet oħra ta’ sinifikat fid-dinja.

Awtorità Maltija tat-Turiżmu — Rapprezentanza fl-Ambaxxati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk jikkonsidrax li l-Ambaxxati diġà miftuħa mill-Gvern Malti jkun hemm rappreżentant min-naħa tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu sabiex jissaħħaħ l-inbound tourism minn source markets ġodda u/jew strateġiċi?

Response (BORG, IAN)

L-għaqda tal-portafoll tat-Turiżmu ma’ dak tal-Affarijiet Barranin u Ewropej taħt Ministeru wieħed qed tiftaħ opportunitajiet għal iżjed kollaborazzjoni mill-qrib bejn dipartimenti u entitajiet differenti, bħal ma’ qed jissuġġerixxi l-Onor. Interpellant. Filwaqt li nirrikonoxxu li diġa hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tat-turiżmu u r-rappreżentazzjonijiet ta’ Malta f’pajjiżi oħra, inħares 'il quddiem sabiex fix-xhur li ġejjin nesploraw u nqisu ħidmiet ġodda sabiex insaħħu l-promozzjoni tal-prodott turistiku Malti f’pajjiżi fejn għandna ambaxxati u rappreżentanzi oħra, filwaqt li nimmassimizzaw ir-riżorsi li issa qed jingħaqdu taħt Ministeru wieħed.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Dikjarazzjoni tal-Assi għas-sena 2023

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu għas-sena 2023?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24591.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Konsulenti Maltin u barranin

Question

Jista’d-Deputat Prim-Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti lista ta' konsulenti Maltin u barranin (individwi jew kumpaniji) li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, għamel użu minnhom minn 2020 sal-aħħar ta' Ottubru 2023? Jista' jgħid ukoll jekk kull servizz mogħti ġiex magħżul wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw? Għal kemm perjodu ta' żmien kienu ingaġġati? Jekk iżjed minn sena jew term wieħed, għal kemm-il term jew sena mill-ewwel darba li ġew appuntati biex jagħtu dan is-servizz ilhom jagħmlu dan? Kemm kienu l-fees u spejjeż oħra relatati li tħallsu? Jekk il-każ fuq it-terminu ta' żmien li matulu kienu qed jipprovdu dan is-servizz, kemm tħalsu globalment fuq medda ta' żmien min mindu ġew appuntati l-ewwel darba? Kemm kienet ir-rata kull siegħa tal-fees li tħallsu?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 12486.

Gvern Malti u l-Amministrazzjoni ġdida Sirjana — Rapprochement

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jikkonferma jekk kienx hemm xi rapprochement bejn il-Gvern Malti u l-Amministrazzjoni ġdida Sirjana?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Malta s'issa għadha ma ingaġġatx direttament mal-awtoritajiet ġodda Sirjani. Minkejja l-waqgħa tar-Reġim ta’ Assad, is-sanzjonijiet imposti fuq il-pajjż għadhom fis-seħħ. Hekk kif maqbul fil-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni Ewropea ġiet mistiedna sabiex tipproponi miżuri kif l-Unjoni tista’ tagħti s-sostenn tagħha lis-Sirja. Għaldaqstant Malta se tkompli ssegwi l-iżviluppi fis-Sirja fil-kuntest tal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, u tingaġġa mal-awtoritajiet Sirjani abbażi ta’ dawn il-kriterji u skont il-qari tas-sitwazzjoni minn żmien għal żmien.

Unjoni Ewropeja — Żviluppi fis-Sirja

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jikkonferma jekk kienx hemm diskussjonijiet formali fl-Unjoni Ewropea dwar l-iżviluppi fis-Sirja u dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni mal-Amministrazzjoni Sirjana?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aħħar diskussjonijiet li saru fil-livell ta' Unjoni Ewropea dwar is-Sirja, saru waqt il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tas-16 ta’ Diċembru u l-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2024. F’dawn iż-żewġ laqgħat, l-Unjoni Ewropea enfasizzat il-ħtieġa li jiġu ppreservati l-integrità territorjali, l-indipendenza u s-sovranità tas-Sirja. Saret enfasi wkoll fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet tal-minoranzi u tan-nisa. Saħqu wkoll li l-proċess ta’ tranżizzjoni jeħtieġ li jkun immexxi mis-Sirjani u li jkun proprjetà tas-Sirja. Barra minn hekk, waqt l-aħħar żjara mwettqa mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja u ta’ Franza f'isem l-Unjoni Ewropea f'Jannar 2025, l-awtoritajiet Sirjani ġew infurmati li l-Unjoni Ewropea ser tingaġġa mal-awtoritajiet Sirjani u li dan se jkun kundizzjonali, sabiex jiġi żgurat proċess ta’ tranżizzjoni inklussiv. F'eventwalità bħal din jistgħu jseħħu diskussjonijiet dwar it-tneħħija tas-sanzjonijiet.

Mediterranean Conference Centre — Annual accounts

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jippubblika l-annual accounts jew jagħti rendikont konċiż tal-finanzi tal-Mediterranean Conference Centre mis-sena 2008 sal-lum il-ġurnata?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mediterranean Conference Centre — Kap Eżekuttiv u Chairperson

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid min kienu l-Kap Eżekuttiv u c-Chairperson tal-Mediterranean Conference Centre mis-sena 2008 sal-lum il-ġurnata?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt: Kap Eżekuttiv: 01/01/2008 sa 03/05/2009 - Nil 04/05/2009 sa 30/09/2014 - Sur Raymond Attard 01/10/2014 sa 01/02/2015 - Vakanti 02/02/2015 sal-lum - Sur Pierre Fenech Chairman: 01/01/2008 sa 31/05/2013 - Dr Peter Fenech 01/06/2013 sal-lum - Dr Kenneth Spiteri

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista' jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Direct Orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 sat-8 ta’ Jannar 2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Diċembru 2024?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16394.

Rikonoxximent tal-Palestina bħala Stat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’inhuma l-fatturi li l-Istat Malti qed jikkunsidra biex jirrikonoxxi l-Palestina bħala stat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta dejjem tenniet li l-aqwa ċans ta' stabbiltà fir-reġjun hija s-Soluzzjoni ta' Żewġ Stati (Two State Solution) - li jgħixu spalla ma' spalla fil-paċi u s-sigurtà, u rridu naħdmu biex noħolqu perspettiva politika biex dan iseħħ. Malta ilha sostenitriċi tal-poplu Palestinjan u d-dritt tagħhom li jkollhom stat sa minn Novembru tal-1988. Il-Ministeru għall-Affarjiet Barranin jemmen li konsiderazzjoni għar-rikonoxximent tal-Palestina bħala Stat min-naħa ta’ Malta fiċ-ċirkustanzi volatili ta’ bħalissa għandha tkun ibbażata fuq għadd ta' kundizzionijiet li jkunu jeħtieġu progress, imma m'humiex limitati, għall-: * kisba ta' waqfien mill-ġlied permanenti u immedjat; * ħelsien tal-ostaggi kollha miżmuma mill-Hamas f'Gaza sa mis-7 ta’ Ottubru; * progress fil-proċess ta' riforma tal-Awtorità Palestinjana; u * rikonoxximent tal-Palestina bħala stat b’mod koordinat mal-maġġoranza tal-Imsieħba Ewropej biex ikun żgurat l-immassimizzar ta’ tali rikonoxximent. Rikonoxximent mir-Repubblika ta' Malta tal-Palestina bħala stat sovran u indipendenti jrid ikun ibbażat fuq il-fruntieri ta' qabel l-1967 jew kwalunkwe fruntiera oħra miftiehma bejn l-Iżrael u l-Palestina.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Baġit allokat u infiq għall-PR

Question

Jista’ d-Deputat Prim-Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x'kien il-baġit allokat u l-infiq għall-PR tal-Ministeru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-informazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ budget għall-PR huwa parti mil-line item rispettiv fl-estimi tal-budget li ngħatat kopja tagħhom u tpoġġew ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – Nefqa fuq fjuri għal funerali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistqosija parlamentari 12035 u jgħid kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022, 2023 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21834.

Awtorità Maltija għat-Turiżmu — Lista ta’ stabbilimenti turistiċi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) żżommx records ta’ liema lukandi (hotels), guesthouses, hostels, tourist villages, stabbilimenti turistiċi, eċċ. ma jibqgħux joperaw, sabiex ikollha lista aġġornata ta’ liema minn dawn fil-fatt għadhom joperaw?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu żżomm in-numru ta’ stabbilimenti li għandhom liċenzja attiva. Dawk l-istabbilimenti li jagħżlu li jieqfu milli joperaw għandhom il-fakultà li jissospendu jew saħansitra jikkanċellaw il-liċenzja tagħhom. Dawn ma jibqgħux jidhru bħala liċenzjati attivament.

San Pawl il-Baħar — Stabbilimenti turistiċi - Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għandhiex applikazzjonijiet pendenti għal lukandi (hotels), guesthouses, hostels, tourist villages, stabbilimenti turistiċi, eċċ. fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jekk iva, liema huma dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tabella ta’ hawn taħt, turi dawk l-applikazzjonijiet li qegħdin pendenti għand l-Awtorità fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar. Category of Premises Locality No. of new rooms proposed No. of new beds proposed 1 Hostel Qawra 14 22 2 3 Star Hotel St Paul’s Bay 85 170 3 4 Star Hotel St Paul’s Bay 47 99 4 Guesthouse Standard St Paul’s Bay 10 20 5 Guesthouse Standard St Paul’s Bay 10 20