Legislature:
Category:
Reset
Active:

studju dwar il-mard tal-kanċer

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux issir riċerka biex tindika liema tipi ta' mard tal-kanċer qed jiżdiedu u jekk jistax ikollna kura preventiva biex inaqqsu din l-inċidenza?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Direttorat għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka ilu jżomm Reġistru Nazzjonali tal-Kanċer sa mill-1991. Dan ir-reġistru jiġbor informazzjoni mingħand l-isptarijiet, kliniċi u laboratorji kollha f’Malta u Għawdex, kemm dak statali u anke dawk privati. Dan l-istess reġistru ilu membru sħiħ ta’ l- International Association of Cancer Registries (IACR) sa minn Jannar 1995. Apparti minn dan, ir-Reġistru huwa attiv f’numru mdaqqas ta’ proġetti ta’ riċerka fuq bażi Ewropeja u ilu jagħmel dan sa minn qabel Malta ssieħbet mal-Unjoni Ewropeja. Dan jippermetti li d-data Maltija tiġi analiżżata flimkien ma’ dik ta’ pajjiżi oħra mill-aqwa esponenti Ewropej f’dan il-qasam. Rigward riċerka lokali, r-Reġistru jikkopera kontinwament mal-Universita’ ta’ Malta u ma’ riċerkaturi u professjonisti Maltin li jkunu qed jagħmlu riċerka f’dan il-qasam. Apparti minn hekk, id-Direttorat innifsu joħroġ tabulati b’informazzjoni dwar ix-xejriet matul l-aħħar għaxar snin fl-incidenza u l-imwiet tat-tipi prinċipali ta’ kanċer f’Malta li wieħed jista’ jsib fuq is-sit ta’ l-internet www.ehealth.gov.mt, kif ukoll rapporti perjodiċi fuq diversi aspetti tas-suġġett. L-inċidenza ta’ diversi tipi ta’ kanċer f’Malta qiegħda u se tibqa tiżdied kif imbassar peress li l-popolazzjoni tagħna qiegħda tgħix iżjed fit-tul. Madanakollu hemm diversi strateġiji preventivi li jistgħu jiġu implimentati sabiex din tkun ikkontrollata. Il-Pjan Nazzjonali tal-Kanċer 2011-2015 qiegħed jimplimenta dawn l-istrateġiji b’inizzjattiva bħall-kampanji ta’ promozzjoni tas-saħħa biex jitnaqqas it-tipjip u t-tnehdija ta’ programmi organizzati ta’ screening kontra l- kanċer tas-sider u tal-musrana.

pjan nazzjonali minħabba kundizzjonijiet mediċi

Question

Jista' l-Minstru jgħid jekk jeżistix xi pjan nazzjonali bbażat fuq riċerka fejn jindika t-trends u l-kundizzjonijiet mediċi li qed jiżdiedu fost il-poplu u allura x'hemm bżonn li jsir biex jekk jista' jkun titnaqqas l-inċidenza ta' dawn il-kundizzjonijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Direttorat għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka jżomm Reġistri Nazzjonali tal-Kanċer, tal-Imwiet, tat-Twelidijiet, tal-Anomaliji Konġeniti, kif ukoll tal-Hospital Discharges. Dawn ir-reġistri jiġbru informazzjoni minn Malta u Għawdex u għalhekk jipermettu l-istatistika Maltija tiġi annaliżżata biex minnha joħorġu trends ta’ mwiet u mard/ kundizzjonijiet li qegħdin jolqtu lill-poplu Malti. Din l-informazzjoni tiġi annalizzata f’tul iż-żmien għaliex ħafna minn dawn ir-reġistri ilhom jeżistu għal madwar ħmistax-il sena. Minnbarra hekk, dan id-dipartiment huwa attiv fil-qasam tar-riċerka billi jagħmel surveys li minnhom tinħareġ informazzjoni dwar il-prevalenza ta’ mard kif ukoll informazzjoni dwar is-saħħa ġenerali tal-poplu Malti u Għawdxi. Dawn jinkludu il-National Health Interview Surveys li saru fis-2002 u fit-2008 u il-Pilot Health Examination Survey li sar fil-2010. Hemm ukoll surveys oħra li għaddejjin bħalissa. Minn din ir-riċerka jitfasslu diversi strateġiji preventivi li jistgħu jiġu implimentati sabiex il-mard jkun ikkontrollat. Strateġiji li diġa ġew mnedija u jinkludu l- Healthy Weight for Life Strategy, il-Non Communicable Diseases Strategy, il-Pjan Nazzjonali tal-Kanċer, Strateġija tas-Saħħa Sesswali u diversi kampanji ta’ promozzjoni tas-saħħa.

Mosta — Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li ċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Mosta jerġa' jibda jopera bis-servizzi kollha li kellu li kien joffri qabel ma dawn bdew jitwaqqfu biex isir ir-refurbishment?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-servizzi kollha taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta huma maħsubin li jerġgħu jibdew jinagħtaw mil-Mosta lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Waqt r-refurbishment ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, hemm ppjanat li s-servizzi kollha, ħlief dak tal-X-rays, sejrin jingħataw minn ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara. Is-servizz tal-X-rays sejjer jibqa jingħata mill-Mosta.

Mosta — Ċentru tas-Saħħa - servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex se jiżdiedu, jonqsu jew jibqgħu dawk li kienu s-servizzi li ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta kien joffri wara li jsir ir-refurbishment?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35116.

Sptar Mater Dei — ilmenti fil-customer care

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33979, 33168 u 31051 u jgħid kemm daħlu ilmenti fil-customer care tal-Isptar Mater Dei sena b’sena matul l-2008, 2009 u 2010 b’mod separat? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn l-ilmenti? Kemm-il każ kien magħluq u kemm-il każ għadu miftuħ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — ħaddiema b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilità li jaħdmu fil-Ministeru, dipartimenti, u dekasteri li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu? Kemm huwa dan bħala persentaġġ tal-ħaddiema in ġenerali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, il-ħaddiema reġistrati uffiċjalment mal-Kunsill Nazzjonali għal-Persuni b’Diżabilita’ huma 32.

palliative care

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa għandux linji gwida ta' xi tfisser palliative care? Jistgħu l-pazjenti li jkunu rikoverati ġewwa xi sptar kemm pubbliku kif ukoll privat ikunu jafu d-drittijiet tagħhom bħala pazjenti? Jekk iva, kif jistgħu l-pazjenti jġibu din l-informazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Interview għall-midwife

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tintbagħat għall-interview għall-midwife tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet infurmata b’ittra reġistrata bid-data tal-intervista għall-post ta’ midwife.

Anzjani li ma daħħlux fir-Residenza San Vinċenz de Paul — ħtieġa ta' kura

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-anzjani li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ma daħħlux fir-Residenza San Vinċens de Paul meta għandhom mard serju u kroniku u jeħtieġu kura kontinwa u peress li m'għandhom l-ebda familjari biex jieħdu ħsiebhom, kellhom jidħu f'residenza privata għall-anzjani, iżda li mhix nursing home u minħabba li ma jistgħux jingħataw is-servizz li jeħtieġu f'din ir-residenza, spiċċaw pratikament priġunieri fil-kamra li għandhom mikrija? Jista' jgħid f'liema post dawn iż-żewġ anzjani qegħdin fuq il-waiting list ta' Residenza San Vinċenz de Paul u għaldaqsant meta se jiddaħħlu bħala residenti? Jista' jgħid ukoll x'jiġri meta dawn l-anzjani jispiċċawlhom il-flus u għaldaqsant ma jkunux jistgħu jħallsu aktar is-somma ta' €1,500 bejniethom fix-xahar u dan apparti l-ispejjeż ta' għadd kbir ta' affarijiet u servizzi li jkollhom iħallsu għalihom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ż-żewg persuni li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellant kienu ġew approvati mill-Bord tal-Ammissjoni biex jidħlu fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul. B’hekk l-applikazzjoni tagħhom tqiegħdet fil-lista ta’ stennija għal din ir-Residenza.

Applikazzjoni ta' Anzjana biex tidħol f'dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ilha seba' snin applikata biex tidħol f'dar tal-anzjani u li hija demeted u li saħansitra qed tkun anke aggressiva, sal-lum għadha ma ddaħletx u dan meta din l-anzjana ġiet irrikmandata li tidħol hemm minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Anzjani kif ukoll mit-tabib tagħha? Jista' jgħid għaliex? Jista' jgħid meta din l-anzjana se jmissha biex tidħol? Jista' jgħid f'liema post tinsab fil-waiting list? Jista' jgħid għaliex il-każ ta' din l-anzjana mhux jitqies b'urġenza minħabba l-għadd ta' ċirkostanzi serji tal-każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li meta l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applikat, is-sitwazzjoni medika tagħha kienet waħda ta’ low priority. Il-każ tal-anzjana reġa ġie rivedut fis-17 ta’ Mejju 2012 u b’hekk qiegħda fil-lista ta’ stennija għad-dar ta’ Bormla.

Servizzi ta' out-patient u in-patient

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti li għandhom ir-residenza tagħhom f’Għawdex irċevew servizzi ta’ out-patients u in-patients separatament kull sena mill-2002 sal-2011? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont in-numru ta’ drabi li ngħataw servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jsemmi l-isptarijiet li dwarhom qed tintalab din l-informazzjoni.

Bormla — ilmenti fuq nemus

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-diversi awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu rċevewx xi ilment jew ilmenti dwar ammont ta' nemus li qed ikun hemm ġewwa Bormla? Jekk fl-affermattiv, saru xi investigazzjonijiet dwar għaliex hemm dan in-nemus kollu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali mill-bidu tax-xahar ta’ Ġunju ta’ din is-sena rċieva erba` ilmenti dwar ammont ta’ nemus minn residenti li joqgħodu fil-viċinanzi tal-Baċir Nru. 1. Mill-ispezzjoni li saret minn uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali dan l-ilment ġie kkonfermat u mill-investigazzjoni li saret instabet ħofra kbira bl-ilma fl-istess baċir li tista` tkun wieħed mis-sorsi għal din l-infestazzjoni tan-nemus u nsetti oħra. Għaldaqstant sar immedjatament kuntatt ma’ uffiċċjali fil-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjonijiet fejn ġew infurmati bil-problema u minn hemm sar kuntatt mall-Project Leader tal-Grand Harbour Regeneration Corporation plc, liema korporazzjoni hija responsabbli għall-proġett ta’ żvilupp tal-Baċir Nru. 1. Fil-5 ta’ Ġunju, 2012 bdiet tittieħed azzjoni sabiex jitbattal l-ilma qiegħed, u sabiex tiġi ndirizzata l-problema tan-nemus u insetti oħra. Sadanittant instab li qed inixxi ilma minn taħt it-triq għal ġol-Baċir, liema problema qed tiġi nvestigata mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma. Saret spezzjoni oħra fuq il-post minn uffiċjali ta’ dan id-Direttorat fl-14 ta’ Ġunju 2012 fejn il-problema tan-nemus u nsetti oħra ġiet innotata li naqset ħafna permezz tal-ippumpjar frekwenti ta’ ilma baħar frisk u riċirkolazzjoni tal-ilma biex ma jiġix qiegħed u ghalhekk jkun lok ta’ fejn ibejtu aktar insetti. Fi żmien qasir parti kbira mill-ħofra se tiġi mirduma iżda parti oħra se tibqa għaliex hija parti mill-proġett bħala ‘ water feature’ , iżda l-ilma se jibqa jiġi ċċirkolat. Is-sitwazzjoni se tibqa tiġi mmonitorjata kontinwament.

pubblikazzjoni Minn Qalbna

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ippublikati u kemm ġew jiswew dawn il-publikazzjonijiet - Minn Qalbna ... Għalik mis-Segretarjat Parliamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 33044.

ingaġġ ta' dental technicians

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu ngaġġati s-sitt dental technicians li ġew innotifikati li għaddew mill-interview matul ix-xahar ta’ Frar 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-proċess huwa fis-seħħ sabiex jiġu maħtura l-ewwel ħames kandidati skont kif approvat mill-Capacity Building Exercise. F’każ li wieħed mill-ewwel kandidati jirrifjuta l-ħatra, il-Ministeru jista’ jikkonsidra li jirrakkomanda s-sitt kandidat.

MEPA — studju fuq Radon, emissjonijiet b'element radjuattiv

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35148 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura u issa qed tiġi riferuta lilu u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra xi studji li segħet għamlet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar Radon, l-emissjonijiet b'element radjuattiv li spiss joħorġu mingħajr ma' wieħed biss jinduna minn basements u attics peress li dan huwa gass bla riħa, kulur jew togħma, minħabba li nifhem li saru diversi studju ambjentali minn għadd ta' esperti f'pajjiżna?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MEPA — studju fuq emissjonijiet tar-radjazzjoni mill-Smart Meters

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35149 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura u issa ġiet rifetua lilu u jgħid jekk qabel iddaħħlu l-ismart meters f'pajjiżna, qattx saru studji mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa, peress li huwa mifhm li l-emmissjonijiet tar-radjazzjoni tagħhom huwa meqjus li jkun ferm aktar frekwenti milli jammettu ċerti kumpaniji tal-enerġija f'għadd ta' pajjiżi? Peress li ħafna għaqdiet konnessi mas-saħħa ambjentali sabu li f'pajjiżi oħrajn ir-radio frequency tal-ismart meters jistgħu jkunu ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem, jista' jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar flimkien mal-Awtortijiet tas-Saħħa għamlitx xi studji dwar dan u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dak li rriżultalha dwar il-frekwenza tar-radjazzjoni li tiġi emitted kif ukoll x'inhuma l-peak power tar-radiation signals minn ċerti distanzi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ma sar l-ebda studju mill-Awtorità tas-Saħħa f’dan ir-rigward iżda minn informazzjoni li għandu d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jidher li l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Kommunikazzjoni evalwat dokumentazzjoni referuta lilha mill-Enemalta qabel ma dawn l-smart meters inxtraw. L- Awtorita` ta’ Malta dwar il-Kommunikazzjoni tqis li dawn jaqgħu taħt il-kategorija ta’ short range device li jikkomparaw ma’ remote controls li jintużaw sabiex jinfetħu l-bibien ta’ garaxxijiet. Mid-dokumentazzjoni pprovduta mill-Enemalta l-Awtorita` ta’ Malta dwar il-Kommunikazzjoni approvat l-installazzjoni ta’ dawn il-meters peress li kienu konformi mal-liġi li taqa` taħt il-ġurisdizzjoni tal-istess Awtorita` peress li l-exposure limits minn dawn l-smart meters huma ta’ livelli baxxi ħafna. Nissuġġerixxi li din il-mistoqsija tiġi refereta ukoll lill-Minsitri responsabbli mill-Enemalta u mill-Awtorita` ta’ Malta dwar il-Kommunikazzjoni fir-rigward ta’ informazzjoni dwar il-peak power radiation signals minn ċerti distanzi.

talba għal helper

Question

Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir biex meta l-helper tal-koppja anzjana qed id-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, tkun bil-leave jew bis-sick, id-dipartiment jara kif jipprovdi helper oħra għalihom peress li dawn huma morda ħafna u ma jistax ikun li jkunu bla reliever?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-preżent ma hemmx servizz ta’ reliever f’Raħal Ġdid. Għaldaqstant, meta Assistenta Soċjali li taħdem fis-Servizz ta’ Għajnuna fid-Dar tkun bil-leave jew sick leave tkun tista’ tintbgħat sostituta biss meta xi Assistenta Soċjali oħra jkollha xi siegħat vakanti. Dawn is-siegħat jiġu allokati skont il-livell ta’ bżonn tal-klijenti. Fuq il-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant is-sezzjoni jirrizultalha li riċentament jiġifieri is-Sibt 2 ta’ Ġunju 2012 dawn il-klijenti ingħataw sagħtejn servizz minn Assistenta Soċjali oħra li kellha sagħtejn vakanti.

San Vinċenz de Paul — qtugħ mill-pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi policy li pazjenti rikoverati fl-Isptar Mater Dei li jkunu nkitbu biex jintbagħtu San Vinċenz de Paul tibda tinqatgħalhom parti mill-pensjoni dakinhar stess li japplikaw għad-dħul f’din id-dar tal-anzjani qabel saħansitra tkun ġiet ipproċessata l-applikazzjoni u/jew ikunu ntbagħtu hemmekk?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li permezz ta’ emendi fl’2011 fuq Avviż Legali 259/04, pazjenti li jibqgħu fl-Isptar Mater Dei wara li jiġu uffiċjalment discharged mill-isptar għax m’għandhomx bżonn aktar kura medika jew riabilitazzjoni, tibda tinqagħtalhom parti mill-pensjoni mid-data tad-discharge uffiċjali. Dan japplika anke meta dan il-pazjent anzjan ikun applika sabiex jidħol f’dar tal-anzjani.

Vaccine kontra is-Cervical Cancer

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-introduzzjoni għal għoti b'xejn tal-vaccine kontra is-cervical cancer se tingħata biss lit-tfal li għalqu t-tnax-il sena u mhux lil aktar adoloxxenti u żgħażagħ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li biex jiġi ottenut l-ogħla benefiċċju mill-programm ta’ tilqim kontra l-HPV, numru sew ta’ bniet iridu jirċievu it-tliet dożi tal-vaċċin qabel ma jibdew kull forma ta’ attivita’ sesswali. Il-vaċċin huwa l-aktar effettiv f’nies ta’ eta’ żgħira li qatt ma ġew f’kuntatt mal-viru tal-HPV u dan ġie kkonfermat fi studji li juru li hemm effett akbar fi tfajliet ta’ età żgħira meta mqabbla ma nies ta’ eta’ ogħla. F’konformità ma’ ħafna pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropeja, Malta se tintroduċi dan il-vaċċin bħala parti mill-Iskeda Nazzjonali tat-Tilqim għall-bniet kollha li twieldu fis-sena 2000 u malli jagħlqu t-tnax-il sena.

Mediċina Betaserc

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pilloli Betaserc (24mg) mhux jingħataw lil dawk li għandhom kundizzjoni kronika u li jinħtieġuhom u wkoll huma eligibbli għall-mediċini b'xejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Betaserc® 24mg mhux fil-formularju tal-Gvern, jiġifieri l-lista ta’ mediċini li jingħataw b’xejn, u l-indikazzjoni liċenzjata li għaliha tingħata l-Betaserc® , is-sindromu ta’ Ménière, mhuwiex imniżżel fil-lista ta’ kundizzjonijiet tal-Ħames Skeda tal-Att tas-Sigurtà Soċjali bħala kundizzjoni li għaliha tingħata l-kura b’xejn.