Awtorità tal-Ippjanar – Infurzar tal-liġi li kull żvilupp irid ikollu bir
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7840 dwar spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar biex tara li verament inbnew il-bjar kif ikunu approvati, peress li f’din it-tweġiba jingħad li “l-Awtorità tal-Ippjanar m’għandhiex l-informazzjoni mitluba”, jista’ l-Ministru jgħid kif din l-Awtorità qed tara li l-liġi li titlob li kull żvilupp irid ikollu bir qed tkun infurzata?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm avukati in-house impjegati mal-Awtorità tal-Ippjanar? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx avukati fuq bażi ta’ retainer mal-Awtorità tal-Ippjanar u jekk hemm, kemm jitħallas kull siegħa kull wieħed minnhom?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, l-Awtorità tal-Ippjanar timpjega magħha żewġ avukati in-house. L-Awtorità tagħmel ukoll użu mis-servizzi ta’ ditta t’avukati fuq bażi ta’ retainer. Il-ħlas relattiv hu ta’ €69.23 fis-siegħa, VAT eskluża.
Individwi/ditti li jipprovdu servizzi professjonali lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7044, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-individwi u/jew ditti li jipprovdu s-servizzi professjonali kollha lill-Awtorità tal-Ippjanar u/jew iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-segwenti kuntratti:
a. termini ta’ riferiment għal reviżjoni tas-servizzi;
b. ftehim /jew kuntratti; u
ċ. invoices u riċevuti in konnessjoni mas-servizzi mogħtija?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7417, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm fuq din il-materja?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadhom għaddejjin diskussjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-intervent meħtieġ. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi intalab biex issir parti mix-xogħolijiet meħtieġa.
Dipartiment tax-Xogħlijiet – spazji miftuħa eżistenti
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7516, jista' l-Ministru jgħid meta bdew, meta ser ikunu kompluti u kemm se jiswew ix-xogħlijiet fuq Ġnien Bir l-Iljun fir-Rabat, Ġnien il-Kunsill f’Birżebbuġa u Ġnien Ġorġ Zarb f’San Ġwann? Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ser ikun hemm kuntratturi ingaġġati u jekk iva x'xogħol se jkun qed jagħmlu u fuq liema proġett?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Kummissjoni tal-Ippjanar – konsiderazzjoni mill-ġdid ta’ applikazzjoni
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7502 u b'referenza għall-applikazzjoni numru PA/03040/16, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni tal-Ippjanar hijiex qed tikkunsidra mill-ġdid l-applikazzjoni fid-dawl ta’ dak li kien espliċitament deċiż u ordnat mit-Tribunal fid-deċiżjoni tal-appell 343/16, ġaladarba t-Tribunal ħassar il-permess PA/3040/16 fl-appell nru 382/18 JB?
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7497, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid kemm miċ-ċertifikati li skadew reġgħu ġew imġedda u kemm minn dawk li skadew għadhom skaduti? Jista' jgħid kemm mir-rakkomandazzjonijiet li saru fiċ-ċertifikati tal-ewwel ċertifikazzjoni ġew implimentati sakemm saret iċ-ċertifikazzjoni sussegwenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-validità ta’ EPC hija għal 10 snin u r-rakkomandazzjonijiet huma indirizzati lis-sidien li għandom jaraw li jsegwu dawn l-istess rakkomandazzjonijiet.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7828, jista' l-Ministru jgħid jekk hux informat li biex l-iżvilupp mill-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, iseħħ, l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet il-mina ta' taħt l-art mis-Swieqi/Pembroke għal Paceville bħala kundizzjoni?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar m’għamlitx kundizzjoni fuq il-mina mal-kundizzjonijiet maħruġa mal-permess għal dan l-iżvilupp inkwistjoni, li l-istess Awtorità hija obbligata li tosserva.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order saret mid-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Awtorità tal-Ippjanar – ċertifikat ibbażat fuq design rating tal-bini
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6762 u b’referenza għall-Avviż Legali 47 tal-2018, li jittrasponi d-Direttiva tal-UE 2010/31/EU dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u li jdaħħal fis-seħħ it-tali dispożizzjoni, peress li l-Artikolu II tad-Direttiva tal-UE jagħmilha ċara li għal kull binja ġdida li tinbena huwa meħtieġ ċertifikat fl-użu tal-enerġija, u peress li l-artikolu 14(3) tal-Avviż Legali 47 tal-2018 ikompli jelabora dwar ir-rekwiżiti, u peress li l-ebda wieħed mill-Avviżi Legali msemmija fit-tweġiba tal-Ministru ma jidhru li jemendaw id-dispożizzjoni li titlob ċertifikat fl-użu tal-enerġija, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6762 u jgħid għaliex it-tali ċertifikat mhuwiex qiegħed jintalab mill-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
San Ġiljan u Tas-Sliema – ħruġ ta’ enforcment notices
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu enforcement notices ġewwa San Ġiljan u Tas-Sliema mill-2013 sal-lum u kemm minn dawn l-enforcement notices għadhom pendenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2013 sal-lum inħarġu 67 enforcement notice ġewwa San Ġiljan u 62 enforcement notice ġewwa Tas-Sliema, li minnhom 18 għadhom pendenti ġewwa San Ġiljan u 22 għadhom pendenti ġewwa Tas-Sliema.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7051, jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar biex tara li verament inbnew il-bjar kif ikunu approvati mill-2013 sal-lum u jgħid f’liema lokalitajiet saru u kemm instabu li mhumiex konformi mal-liġi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm isiru spezzjonijiet b’mod regolari fuq diversi siti kuljum, l-Awtorità tal-Ippjanar m’għandhiex l-informazzjoni mitluba peress li spezzjonijiet fuq siti ma jsirux esklussivament rigward bjar, iżda l-iżvilupp jiġi spezzjonat b’mod ħolistiku.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — persuni reġistrati bħala self-employed
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni rreġistrati bħala self-employed mal-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru ma jkunux irreġistrati persuni self-employed. Meta jkun hemm contracts for service dawn jingħataw skont regolamenti tax-xiri pubbliku (public procurement).
Jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li l-bankina mkissra u li minħabba fiha waqgħu numru ta’ anzjani f’High Street, Sliema, ħdejn il-Wembley, tiġi rranġata?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu s’issa mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) il-konsulenti li qed joffru konsulenza dwar il-building codes u jipprovdi lista ta' dawn il-konsulenti u għal kull każ jgħid jekk dan kienx direct order jew ingħatax permezz ta' tender?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-rata li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) qed tħallas għal kull Method Statement Review u jelenka lista tal-persuni jew entitajiet li qed jipprovdu dan is-servizz lill-istess Awtorità? Il-BCA kemm qed tħallas għal kull review?
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-lista tal-benejja liċenzjati m’għadhiex fuq is-sit tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA)? Jista' jgħid kemm mill-benejja liċenzjati għandhom taħt l-40 sena, kemm għandhom bejn 40 u 61 sena, kemm għandhom bejn 61 u 65 sena u kemm għandhom 'il fuq minn 65 sena?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tal-bennejja liċenzjati li kienet tinsab fuq is-sit tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni kellha tinbidel għal sistema ta’ verifika elettronika alternattiva, wara konsultazzjoni mal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-data.
Din hija l-lista ta’ n-numru ta’ bennejja liċenzjati u l-età tagħhom:
Taħt l-40 sena: 551
Bejn 41 u 60 sena: 848
Bejn 61 u 65 sena: 130
'Il fuq minn 65 sena: 312
Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx enforcement notice rigward il-permess bin-numru PA867/20 u x'qed titlob din l-enforcement notice?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar ħadet konjizzjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell. L-Awtorità għandha tipproċedi skont il-proċedura stabbilita f’każijiet fejn jinstab żvilupp li mhux kopert b’permess ta’ żvilupp.