Legislature:
Category:
Reset
Active:

MTA – baġit għal marketing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għandhiex pjanijiet sabiex tistabbilixxi kriterji oġġettivi u trasparenti li jiġu ppubblikati sabiex jindikaw kif u min jista’ jibbenefika mill-baġit tagħha għal marketing?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

MTA – applikazzjonijiet għal lukandi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet għal lukandi ġodda lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fis-snin 2022 u 2023 u kemm minnhom ġew approvati? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kamra u sodda fihom u f’liema lokalità jinsabu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Tourism Zones Regeneration Agency – xogħol fin-naħa t’isfel ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħol sar fin-naha t’isfel ta’ Malta mit-Tourism Zones Regeneration Agency matul l-aħħar sena? Jista’ jgħid x’xogħol hemm programmat għall-istess żona mill-istess aġenzija għas-sitt xhur li ġejjin?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn huma x-xogħlijiet li TZRA wettqet u għandha programmati fin-naħa t’isfel ta’ Malta: Xgħajra – tisbiħ tal-kosta kif ukoll issuplixxiet lill-Kunsill Lokali b’numru ta’ bins li twaħħlu tul l-istess promenade. Marsaxlokk – qed isir restawr tal-bankijiet tul il-kosta ta’ M’Xlokk. TZRA se tkun qed toffri l-assistenza tagħha biex jitjieb l-aċċess għall-Bajja tal-Għar l-Aħmar. Marsaskala – se jsir tisbiħ taż-żona madwar il-Bajja tal-Fajtata. Sar installazzjoni ta’ aċċess aktar sigur għaż-żona ta’ għawm wara Villa Sant’Anna, ġiet kompluta il-walkway ġdida fil-Bajja ta’ San Tumas, kif ukoll ġew provduti mobile toilets għall-istaġun tas-sajf. Kalkara – għaddej ix-xogħol ta’ tisbiħ fil-bajja tar-Rinella. Wied iż-Żurrieq – ġew installati interpretation signs fil-belvedere ta’ Wied iż-Żurrieq. Bormla – saru laqgħat bl-iskop li l-Aġenzija tibda’ tipprovdi sapport fil-manteniment tal-proġett tal-Baċir. Isla – qed isiru diskussjonijiet biex l-Aġenzija tibda’ tipprovdi sapport fil-manteniment ta’ żona miftuħa għal skopijiet soċjali u kulturali. Raħal Ġdid – ingħata sapport fit-tisbiħ ta’ Ġnien Duminku Mintoff, kif ukoll ġew upgraded il-poles tad-dawl, bankijiet u bins. L-Aġenzija bħalissa qed tagħti wkoll is-sapport tagħha fit-tisbiħ ta’ Tony Bezzina Football Stadium bi preparazzjoni għal European U19 Championship li se jsir f’Malta fix-xahar ta’ Lulju. Birżebbuġa – TZRA se tkun qed tmexxi l- upgrading u t-tisbiħ li se jsir fil-kosta tul Triq San Patrizju, u se jsir upgrading tac-central strip u r-roundabout li jagħtu għal pjazza prinċipali tar-raħal. TZRA qed tagħmel ukoll xogħlijiet ta’ qabel is-sajf fuq il-ħajt tul il-kosta li jibda mill-Bajja ta’ San Ġorg sa ħdejn il-monument ta’ Bush u Gorbachev, kif ukoll trimming tal-ħaxix u manutenzjoni tal-Bajja s-Sabiħa. L-Aġenzija hija f’kuntatt kontinwu mal-Kunsilli Lokali rispettivi.

Twaqqif ta’ twaqqigħ u tqattigħ ta’ trinek

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji fejn jintgħażlu liema toroq f'lokalitajiet turistiċi jintgħażlu u oħrajn le fejn ma jitħalliex isir it-twaqqigħ u t-tqattigħ ta' trinek wara l-15 ta' Ġunju?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-lista tat-toroq għal fini tal-avviz legali 295 tat-2007 li jikkontrolla ix-xogħlijiet fis-sajf, saret għall-ewwel darba fis-sena 2007. Il-lista tat-toroq kienet ġeneralment tiffoka fuq postijiet ċentrali fejn jikkongregaw turisti u fejn hemm stabbilimenti ta’ akkommodazzjoni. Kull sena imbagħad isir aġġustament skont talbiet li jsiru mill-Kunsilli Lokali rispettivi, fejn l-MTA tikkunsidra jekk it-talba tkunx ġustifikata jew le.

Ministeru għat-Turiżmu — persuni li għandhom mobile allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-Ministeru mmexxi minnu, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom mobile allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9554, ninformah li hemm 10 persuni li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti jew jaħdmu mas-Segretarjat tiegħi.

Ministeru għat-Turiżmu — Promozzjoni ta’ CEOs – spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus minn fondi pubbliċi fuq advertisement packages li jinkludu kontenut diġitali u kwalunkwe promozzjonijiet ta’ kull xorta, li ttellgħu fuq il-pjattaformi soċjali tal-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, bl-iskop li jippromwovu b’mod personali lis-CEO tal-Malta Tourism Authority?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma ntefqu l-ebda fondi pubbliċi mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bi skop li jippromwovu b’mod personali lis-CEO tal-entità. L-Awtorità għandha kuntratt ta’ €4,950 għal 12 month banner + logo as media partner on portal at 100% occupancy + replication of same banner at 10% occupancy fuq is-sit imsemmi.

Kemmuna – Blue Lagoon — Encroachments

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8239, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-encroachments ġodda li nħarġu għall-bajja tal-Blue Lagoon, f’Kemmuna?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tista’ tippreġudika l-interessi kummerċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Mandanakollu, l-Onor. Interpellanta se tingħata l-opportunità li tara hi personalment id-dokumenti mitluba.

MCC — infiq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm kienu l-ispejjeż u l-infiq tal-Mediterranean Conference Centre (MCC), sena b'sena, mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda fit-tabella t’hawn taħt: Sena Spejjeż rikorrenti qabel id-deprezzament € Spejjeż kapitali – Investimenti € Perċentwal Spejjeż Rikorrenti vs Dħul Totali 2013 1,129,083 99,091 99.2% 2014 1,081,527 57,769 91.4% 2015 1,392,055 1,234,411 76.4% 2016 1,764,623 714,519 81.5% 2017 2,579,409 602,727 79.9% 2018 2,199,001 349,881 68.8% 2019 2,500,453 289,351 86.1% 2020 1,701,065 4,047,048 73.4% 2021 1,726,747 567,957 77.4% 2022 2,441,294 640,284 60.0% Dawn il-figuri huma turija ċara tal-għaqal tal-amministrazzjoni tal-MCC fejn sar investiment illi kabbar l-opportunitajiet offruti ġewwa l-MCC bir-riżultat li żdied ir-rikav.

Wied il-Għajn – pjan għat-turiżmu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4462, jista’ l-Ministru jgħid fiex jinsab il-pjan ghat-turiżmu f’Wied il-Għajn issa li dieħel l-istaġun tas-sajf?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità kompetenti għadha qed tagħmel l-istudji neċessarji u għaldaqstant tkun tista’ tingħata aktar informazzjoni aktar 'il quddiem.

Kalkara – Bajja tar-Rinella — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8316 jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu esegwiti x-xogħlijiet indikati fil-Bajja tar-Rinella, fil-Kalkara, aktar u aktar issa li dieħel l-istaġun tas-sajf?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-intervent li kellu jsir mid-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni diġà sar, filwaqt li x-xogħol min-naħa tat-TZRA mistenni li jsir din il-ġimgħa.

Ministeru għat-Turiżmu — Impjegati fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati mill-Ministeru tiegħu li jmorru jiftħu u jaħdmu fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegati tas-Segretarjat Privat huma ingaġġati u jaħdmu b’rispett sħiħ u konsistenti mal-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-2012. Dawn il-linji gwida għadhom fis-seħħ u fil-preżent dawn huma aċċessibbli fil-Manual of Resourcing Policies and Procedures li jikkumplimenta l-Public Service Management Code.

Il-Belt Valletta – Triq San Ġwann– tiswijiet taċ-ċangatura

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7954, jista’ l-Ministru jgħid jekk itteħdux passi biex Triq San Ġwann, fil-Belt Valletta, tiġi rranġata fil-parti indikata fl-istess mistoqsija?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni hija biss responsabbli minn ħsarat żgħar li jinqalgħu fiċ-ċangaturi. Għaldaqstant nitolbu biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ix-Xgħajra – Triq ix-Xatt (Żona tal-Milord) — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru jew huma previsti li jsiru fi Triq ix-Xatt, fix-Xgħajra, fil-parti magħrufa aħjar bħala Tal-Milord?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għat-Turiżmu – Donazzjonijiet lil Fondazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien il-valur finanzjarju ta’ donazzjonijiet li l-Ministeru u/jew l-entitajiet (fosthom awtoritajiet) li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, taw lill-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista' jispeċifika meta donazzjoni kienet waħda finanzjarja u meta kienet għoti ta' servizz b'xejn jew makkinarju eċċ. u l-valur ta' tali għotja?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 16465 u 24055 tal-Leġiżlatura XIII.

MTA – proġetti f’Wied il-Għajn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti se jsiru mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn matul din is-sena?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tipprovdi servizz ta’ lifeguards u beach supervisors fil-Bajja tal-Fajtata bħala parti mill-immaniġġar tal-bajjiet. Infakkru wkoll fil-ħidma li l-Awtorita’ qed tagħmel mal-Fondazzjoni Wirt Artna biex jiġi restawrat it-Torri ta’ San Tumas. L-Awtorita’ tagħti wkoll għajnuna għal tiżjin tal-Milied.

Ministeru għat-Turiżmu — Ħaddiema tal-Kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema mal-kuntrattur fid-dekasteru tiegħu, u f’liema rwoli?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 39 ħaddiem tal-kuntrattur li jaħdmu fid-dekasteru ta’ dan il-Ministeru.

Raħal Ġdid – Pjazza Antoine de Paule — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8952, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u ċjoè: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1390, 1657, 2056, 2928, 4461, 5066, 5165 u 6362 jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi forma ta’ żvilupp fuq ix-xogħol neċessarju fil-Pjazza Antoine de Paule f’Raħal Ġdid fid-dawl li din is-sitwazzjoni issa ilha pendenti s-snin u jindika meta se jibda jsir ix-xogħol neċessarju f’din il-pjazza?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Bini tal-ITS – direct orders għal xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu direct orders għal xogħlijiet fil-bini l-ġdid tal-ITS fi Smart City? Jista' jgħid għal kemm jammontaw dawn id-direct orders, u lil min ingħataw?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ngħataw żewġ direct orders għal xogħlijiet fil-bini tal-kampus il-ġdid tal-ITS. Dawn ingħataw skont ir-regolamenti tal-procurement tal-Gvern. Maniera Periti Supervise excavation Works €9,000 Terracore Coring Services €6,984

Bini tal-ITS – Project Manager responsabbli mix-xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-Project Manager responsabbli mix-xogħlijiet fuq il-bini l-ġdid tal-ITS fi Smart City, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-checks and balances użati biex ikun żgurat li x-xogħlijiet mitluba ngħataw, u ngħataw fil-ħin?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Lulju 2022, l-ITS ħarġet tender għal servizzi professjonali għal numru wiesa' ta’ esperti li se jkunu qed joffru konsulenza dwar il-preparazzjoni u l-aġġudikazzjoni tad-diversi tenders tal-bini u l-finishings tal-kampus, kif ukoll jassumu r-responsabbiltà tal-immaniġġar tal-proġett. Dan it-tender issa huwa aġġudikat bil-kumpanija QPM tieħu r-responsabbiltà u l-immaniġġar ta dan il-proġett. L-ITS għandha wkoll tim intern li waqt li kien qed jiġi evalwat it-tender, kienu jaħdmu mal-perit oriġinali tal-proġett. Bħalma hija l-prassi, kull xogħol li jsir jgħaddi minn proċess rigoruż ta’ verifikazzjoni qabel ma dan jgħaddi għal ipproċessar tal-pagament.

Ministeru għat-Turiżmu – entitajiet li joperaw minn binjiet bil-kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li joperaw minn binjiet li huma mikrija? Jista’ jgħid ukoll liema binjiet huma, meta bdew jinkrew, kemm hi l-kirja kull sena u meta tagħlaq tali kirja?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7447.