Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-Imġarr - Port tal-fast ferry – Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31561, jista’ l-Ministru jgħid meta (xahar u sena) hu maħsub li jinbnew il-faċilitajiet u jsiru x-xogħlijiet neċessarji biex persuni li jkunu qed jistennew biex jirkbu l-fast ferry mill-Port tal-Imġarr ikollhom fejn jistkennu mill-elementi tat-temp? Jista’ jgħid ukoll fiex se jkunu jikkonsistu u kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet, jekk ħarġux il-permessi meħtieġa u jekk ħarġtix is-sejħa għal dawn l-istess xogħlijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-faċilitajiet proposti jikkonsistu f’żewġ canopies b’saqaf magħmul minn pannelli komposti, struttura tal-azzar galvanizzat u sistema integrata għall-ilma tax-xita.  L-istrutturi ser ikunu hemm qabel għall-istaġun tas-Sajf li ġej.

Terminal taċ-Ċirkewwa - Xogħol tar-riġenerazzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31506 dwar ix-xogħol tar-riġenerazzjoni tat-Terminal taċ-Ċirkewwa, fejn ġie mwieġeb  li "x-xogħol li sar dan l-aħħar fuq it-terminal kien jinvolvi xogħol ta’ emerġenza fuq il-lift shafts tat-Terminal, kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-kolonni tal-istess terminal",  jista'  l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat u għal kull każ jgħid: lil min ingħataw; x’kien l-ammont u liema xogħol kien ikopri?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tiġi ppubblikata perjodikament fuq il-Gazzetta tal-Gvern.

Għawdex, Triq l-Imġarr, - Inċidenti tat-traffiku – Miżuri

Question

Fid-dawl tal-inċidenti, anki serji, li seħħew f’dawn l-aħħar xhur, ġimgħat u anki f’dawn l-aħħar ġranet fi Triq l-Imġarr li mill-Port tal-Imġarr twassal sar-Rabat Għawdex, u li tgħaddi minn Għajnsielem u x-Xewkija, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ traffic calming measures qed jittieħdu jew beħsiebhom jittieħdu mill-Gvern jew l-entitajiet tiegħu fl-immedjat sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv f’dawn it-toroq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar xhur Transport Malta ħejjiet studju fuq Triq l-Imġarr Għajnsielem/ Xewkija/Rabat li jinkludi numru ta’ miżuri ta’ traffic calming measures u li ġew mgħoddija lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għall-implimentazzjoni.

Birżebbuġa – Promenade - Project Plan għax-xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31960 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Project Plan, li jinkludi t-timeline u l-ispejjeż mistennija u l-pjanti relatati max-xogħlijiet tal-promenade ta’ Birżebbuġa, li ser jitlestew sal-31 ta’ Diċembru 2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ippjanar meħtieġ għat-twettiq ta’ dan il-proġett, inkluż il-pjanti u t-timelines, qed jiġu rfinuti sabiex b’hekk ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet fl-2026. Dan kien meħtieġ wara diskussjonijiet ma’ xi stakeholders.

Persuni li ġabu l-liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31375, 31538, 31803 u 31972 u jgħid kemm persuni ġabu l-liċenzja tas-sewqan f’dawn l-aħħar erba’ snin maqsuma kategorija b’kategorija u kemm minn dawn il-persuni kienu ċittadini Maltin?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni mitluba qegħda fit-tabella t’hawn taħt: Katergorija 2021 2022 2023 2024 2025 A 884 720 682 993 775 B 7634 6067 6340 6527 5086 C 746 595 683 821 636 D 325 196 429 614 355 Cittadini Maltin 2021 2022 2023 2024 2025 Kategorija A 548 480 432 547 459 Kategorija B 4975 3541 3132 2892 2539 Katergorija C 498 326 326 369 326 Kategorija D 108 69 103 80 49 (2025 - Sa Ottubru)

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Fondi u Programmi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Civil Aviation Policy 2023–2030 – Progress Report u miżuri

Question

B’referenza għas-Civil Aviation Policy 2023–2030, li jirrikjedi li l-ewwel Progress Report jiġi sottomess sal-31 ta’ Diċembru 2024, jista’ l-Ministru: i.    jikkonferma jekk dan ir-rapport sarx u meta ntbagħat lill-Gvern; ii.    jipprovdi kopja sħiħa tar-rapport u l-KPIs għal kull pilastru; u iii.    jindika x’miżuri ġew implimentati mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u x’miżuri jmiss li jiġu implimentati?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Malta u Għawdex – Vetturi elettriċi u vetturi Hybrid reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ vetturi elettriċi li huma reġistrati f’Malta u Għawdex? Kemm hu n-numru ta’ vetturi hybrid li huma reġistrati f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kif inhuma maqsuma dawn l-istess vetturi, lokalità b’lokalità?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 29844, 29845, 29848 u 29849.

Il-Gudja – Triq Pietro Gagliardi – Permessi għal garaxxijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx permessi għal garaxxijiet minn fejn qed jopera car-hire jew car-rental fi Triq Pietro Gagliardi, il-Gudja?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma hemmx permessi ta car-hire fi Triq Pietro Gagliardi, il-Gudja.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi - Direct orders ta' inqas minn €2,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Il-Buskett - Toilets pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdewx ix-xogħlijiet li kellhom isiru fuq it-toilets pubbliċi tal-Buskett? Jekk jirriżulta fin-negattiv, jista’ l-Ministru jgħid ir-raġuni għalfejn ix-xogħol għadu ma bediex minkejja li l-permess għal tiswija ta’ ħsarat strutturali u rikostruzzjoni kien approvat is-sena li għaddiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Tarxien – Triq Giuseppe Calì - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31329 dwar x’xogħlijiet qed jsiru fi Triq Giuseppe Calì, Ħal Tarxien, jista’ l-Ministru jgħid għaliex hemm previst daqshekk dewmien sabiex jiġu eżegwiti x-xogħlijiet neċessarji u jindika jekk ix-xogħlijiet hux qed isiru ta’ kuljum?

Response (BONETT, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31329, ninfurmah li dan huwa timeline realistiku meta jiġi kkunsidrat ix-xogħol li qiegħed isir.

Wied il-Għajn – Triq il-Qaliet – Sewqan eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi jistgħu jittieħdu in vista tal-fatt li qiegħed ikun hemm sewqan eċċessiv fi Triq il-Qaliet, f’Wied il-Għajn?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta qiegħda f’komunikazzjoni mal-kunsill lokali sabiex jiġu installati miżuri ta’ traffic calming.

Applikazzjoni biex issir bankina ġdida fi triq eżistenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni biex issir bankina ġdida fi triq eżistenti, u jgħid jekk ir-responsabbiltà taqax għand entitajiet pubbliċi differenti skont il-kategorija tat-triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont il-Kapitolu 499, Artikolu 7, l-Awtorità tat-Trasport għandha s-setgħa u l-funzjoni li tippjana, tiddisinja, tirregola u tawtorizza faċilitajiet tat-traffiku stradali għall-finijiet tal-immaniġjar tat-traffiku u kontroll. Il-proċedura hi li l-Kunsill Lokali jipproponi l-miżura ta’ ġestjoni tat-traffiku (f’dan il-każ bankina) u l-Awtorità teżamina u tawtorizza skont il-każ.

Il-Pietà u l-Ħamrun - Triq Oscar Zammit, Triq il-Franġiskani u Triq Roger Debattista - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom għaddejjin ix-xogħlijiet fit-toroq Triq Oscar Zammit, il-Pietà, Triq il-Franġiskani u Triq Roger Debattista, il-Ħamrun?  Jista’ jagħti r-raġuni għal dan id-dewmien?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Il-Marsa - Proġett tar-riġenerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-timeframe tal-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Marsa li tħabbar f’Awwissu 2025? Jista’ jgħid ukoll kemm se jiġi jiswa u meta se jkun lest?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Il-Fgura - Triq il-Karmnu - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 31371 u 31749 rigward ix-xogħlijiet li għaddejjin biex tiġi rranġata Triq il-Karmnu, l-Fgura, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-awtorità kkonċernata hijiex qed tieħu ħsieb li tara li jkun hemm qlib tal-ilma tajjeb għal ġol-culverts, peress li bħalissa l-ilma qed jieqaf f’nofs tat-triq ftit qabel il-grada tal-iskola, u dan fid-dawl tal-fatt li f’partijiet tat-triq, speċjalment bejn Triq Buqexrem u Triq l-Iskola, il-qlib tat-triq qiegħed għan-nofs, meta ovvjament il-culverts qegħdin fil-ġenb?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qegħdin jiġu assessjati alternattivi oltre biex inkomplu ntaffu din il-problema.