Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mosta – nefqa fuq triq u roundabout

Question

Jista’ l Ministru jgħid kemm ġiet tiswa r-roundabout ta’ quddiem il-Lidl fil Mosta? Jista’ jgħid ukoll fiex kienet tikkonsisti n-nefqa tat-triq, inkluż ir-roundabout?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor Iterpellant li x-xogħol ta’ Triq id-Difiża Civili ġie jiswa madwar €1.7 miljuni. Ix-xogħol ikkonsista fi bdil ta’servizzi, xogħol ta’ tqegħid ta’ cables tad-dawl, xogħol ta’ ilma tax-xorb, kostruzzjoni mill-ġdid tal-pedamenti tat-triq, asphalt u introduzzjoni ta’ bankini w cycle lane tul it-triq.

Ħal Qormi — Triq San Bartolomew - miżuri minħabba sewqan perikoluż

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se tiġi installata speed camera jew inkella hux se jittieħdu xi miżuri oħra minħabba sewqan perikoluż fi Triq San Bartolomew, f'Ħal Qormi, fil-parti quddiem il-Knisja parrokkjali ta' San Sebastjan?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tipproċessa kull talba għal speed camera li tirċievi, fl-istess waqt li tlabt reviżjoni tal-proċess biex dan isir b’mod iktar spedit. TM tkun trid tistabilixxi jekk hemmx lok li ssir speed camera, kif issuġġerit, jew jekk hemmx soluzzjonijiet alternattivi biex tiġi indirizzata l-kawża inkwistjoni.

Diskussjonijiet bejn il-Ministeru għal Għawdex u Transport Malta dwar l-immaniġġar tal-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7570 u jgħid meta bdew id-diskussjonijiet u fiex waslu biex bejn il-Ministeru għal Għawdex u Transport Malta jiġi konkluż l-abbozz ta’ ftehim bil-kondizzjonijiet/responsabbiltajiet rispettivi għall-immaniġġar tal-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri biex il-binja storika tkun imħarsa u miżmuma tajjeb?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt bejn l-Awtorità għat-Trasport f’Malta u l-Ministeru għal Għawdex sabiex il-Fanal tal-Ġordan, li jinsab ġewwa l-Għasri Għawdex, ikun immaniġġjat, imħaddem u miżmum fi stat tajjeb, inkluż ir-restawr u t-tiswijiet neċessarji, ġie ffirmat fid-29 ta’ Marzu tal-2023.

Belt Valleta — lift - kuntatt f'każ ta' emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9160, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u jgħid liema hi l-awtorità responsabbli mill-manutenzjoni tal-lift ta' Bieb il-Belt? Jista' jgħid ukoll xi jrid isir u ma' min irid isir kuntatt f'każ ta' emerġenza?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Naxxar – rikostruzzjoni ta’ Triq Leli Falzon

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti l-ġodda tar-rikostruzzjoni ta' Triq Leli Falzon, fin-Naxxar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninfrorma lill-Onor. Interpellant li għadhom qed jiġu diskussi proposti ġodda li ressaq il-Kunsill fir-rigward ta’ xogħol fi Triq Leli Falzon, fin-Naxxar, bejn il-Kunsill Lokali u Transport Malta, liema proposti għadhom ma ġewx approvati.

Transport Malta – vetturi irkantati u scrapped

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irkantati u scrapped vetturi mill-compound ta' Transport Malta fejn jinżammu karozzi li jinġabru mit-triq minħabba ksur ta' liġi, minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid jekk dan il-compound illum għandux spazju fejn jinżammu iżjed vetturi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab fit-tabella ta’ hawn taħt, ukoll ninfurmah li iva hemm spazju limitat ħafna fil-compounds li Transport Malta qed tuża għal dawk il-vetturi li Transport Malta qed tikkonfiska meta ma jkunux konformi mal-liġi. Xahar u Sena Irkantati Distrutti Jannar - 2022 0 0 Frar - 2022 0 0 Marzu -2022 27 0 April - 2022 0 24 Mejju - 2022 0 0 Ġunju - 2022 17 0 Lulju - 2022 9 16 Awwissu - 2022 0 0 Settembru - 2022 13 0 Ottubru - 2022 22 17 Novembru - 2022 33 0 Diċembru - 2022 14 0 Jannar - 2023 28 14 Frar - 2023 0 21 Marzu - 2023 0 25 April - 2023 23 0 Mejju - 2023 0 8

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Impjegati fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati mill-Ministeru tiegħu li jmorru jiftħu u jaħdmu fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegati tas-segretarjat privat huma ingaġġati u jaħdmu b’rispett sħiħ u konsistenti mal-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-2012. Dawn il-linji gwida għadhom fis-seħħ u fil-preżent dawn huma aċċessibbli fil-Manual on Resourcing Policies and Procedures li jikkumplimenta l-Public Service Management Code.

Permessi ta’ parkeġġ riservat (kaxxa blu)

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8814, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, u jgħid kemm kien hemm permessi ġodda għal post ta' parkeġġ riservat (kaxxa blu) maħruġa sena b'sena fl-aħħar għaxar snin u maqsuma lokalità b'lokalità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni tinkludi t-total ta’ permessi maħruġa matul l-aħħar għaxar snin, iżda ma tinkludix dawk il-permessi li ġew irtirati matul l-istess żmien u dan peress li huwa proċess kontinwu li jsir ma’ entitajiet oħrajn.

Postijiet ta’ parkeġġ riservat (kaxxa blu)

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8815, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, u jgħid kemm hemm postijiet ta' parkeġġ riservat (kaxxa blu) f'kull lokalità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed ngħaddiha fit-tabella t’hawn taħt. Locality Communal Personalised Valletta 53 31 Mdina 0 0 Birgu 43 15 Isla 22 10 Bormla 20 28 Qormi 84 90 Zebbug 52 35 Zabbar 83 51 Siggiewi 34 13 Zejtun 81 28 Victoria 53 14 Attard 21 18 Balzan 25 8 Birkirkara 169 99 Birzebbuga 73 23 Dingli 9 4 Fgura 70 50 Floriana 13 5 Fontana 2 1 Gudja 7 7 Gzira 72 43 Ghajnsielem 10 1 Gharb 6 4 Gharghur 8 10 Ghasri 0 0 Ghaxaq 12 10 Hamrun 130 55 Iklin 13 7 Kalkara 9 8 Kercem 6 1 Kirkop 7 4 Lija 24 3 Luqa 22 13 Marsa 37 36 Marsaskala 78 41 Marsaxlokk 19 11 Mellieha 43 13 Mgarr 8 1 Mosta 54 69 Mqabba 11 5 Msida 31 45 Munxar/Xlendi 6 3 Nadur 18 0 Naxxar 41 26 Paola 88 69 Pembroke 9 5 Pieta 35 12 Qala 3 0 Qrendi 9 1 Rabat 44 31 Safi 12 3 San Giljan 68 16 San Gwann 5 37 San Lawrenz 0 1 San Pawl 79 88 Sannat 7 4 St Lucija 19 3 St Venera 63 33 Sliema 59 79 Swieqi 27 4 Ta Xbiex 20 6 Tarxien 40 32 Xaghra 18 2 Xewkija 7 3 Xghajra 9 8 M'Forn/Zebbug 22 4 Zurrieq 42 22 Mtarfa 4 2

Il-Belt Valletta – Triq San Ġwann– tiswijiet taċ-ċangatura

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7954, jista’ l-Ministru jgħid jekk itteħdux passi biex Triq San Ġwann, fil-Belt Valletta, tiġi rranġata fil-parti indikata fl-istess mistoqsija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq San Ġwann, fil-Belt Valletta fil-parti li tibda minn Triq ir-Repubblika sa Strada Stretta, hija waħda mit-toroq li l-Kunsill Lokali ppropona li għandha tiġi rranġata, madanakollu d-diskussjonijiet mal-kunsill rigward il-prijoritajiet tax-xogħol għadhom ma ġewx konklużi.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – Donazzjonijiet lil Fondazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien il-valur finanzjarju ta’ donazzjonijiet li l-Ministeru u/jew l-entitajiet (fosthom awtoritajiet) li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, taw lill-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista' jispeċifika meta donazzjoni kienet waħda finanzjarja u meta kienet għoti ta' servizz b'xejn jew makkinarju eċċ. u l-valur ta' tali għotja?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Infrastructure Malta tat donazzjoni ta’ €10,000 fis-sena 2021, il-Malta Air Traffic Services tat donazzjoni ta’ €107 fis-sena 2022 u Transport Malta tat donazzjoni ta’ €5000 fis-sena 2019 u donazzjoni oħra ta’ €1000 fis-sena 2020, lill-Fondazzjoni msemmija.

Messaġġi fuq l-iscreens elettroniċi tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi tabella bil-messaġġi li ntwerew fuq l-iscreens elettroniċi tat-traffiku li hawn installati madwar pajjiżna għal dawn l-aħħar tliet xhur?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Screens elettroniċi tat-traffiku – nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm swew l-iscreens elettroniċi tat-traffiku li hawn installati madwar pajjiżna biex inxtraw? Jista’ jgħid ukoll kemm swiet it-tiswija jew iċ-ċaqliq tagħhom, kif ukoll kemm jiswew biex jibqgħu jaħdmu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Santa Venera – Triq il-Kbira San Ġużepp – proġetti ta’ tisbiħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk intilfux parkeġġi fi Triq il-Kbira San Ġużepp, f’Santa Venera, fil-proġett ta’ tisbiħ li qiegħed isir? Jekk iva, jista’ jgħid kemm-il parkeġġ intilef u jekk hemmx pjanijiet biex il-parkeġġi li ntilfu, jiġu rkuprati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fi Triq il-Kbira San Ġużepp f’Santa Venera, liema proġett sar wara ħafna snin u liema infrastruttura kienet - kif jgħid il-Malti - ruħ ommha fi snienha, ħa ħsieb kif iżid is-sigurtà ta’ min juża t-triq bil-mixi u anke bil-vetturi, permezz ta’ miżuri li jneħħu l-parkeġġ illegali, miżuri li jnaqqsu l-veloċità tal-vetturi, tisbiħ fiż-żoni urbani u twessigħ ta’ bankini fejn dan kien possibbli fuq pariri tal-esperti u fuq talbiet mill-komunità f’żoni partikolari, fejn il-wisa’ tat-triq kienet kemxejn ristretta, kellhom jitneħħew xi parkeġġi biex jinżammu l-istandards tal-wisa’ tal-kareġġjati. F’dan ir-rigward, il-Ministeru flimkien ma’ Transport Malta u Infrastructure Malta qegħdin f’diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera biex nassiguraw is-sigurtà fit-triq, liema sigurtà persważ tiġi l-ewwel anke għall-Onor. Interpellanta u fejn hu possibbli jiġu esplorati żoni biex iservu ta’ parkeġġ.

Proġett tal-Pont bejn il-Marsa u Ħal Qormi — ħsarat fil-lifts

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9000, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid kemm-il darba l-lifts tal-pont ta' bejn il-Marsa u Ħal Qormi kellhom il-ħsara u/jew ma kenux qegħdin joperaw matul din l-aħħar sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew irrappurtati ħames ħsarat minn Frar ta’ din is-sena, li kif diġà spjegajna fil-Mistoqsija Parlamentari numru 9000, ittieħdet azzjoni immedjata sabiex il-ħsara ġiet irrimedjata fl-inqas ħin possibbli.

Port tal-Imġarr – dgħajjes reġistrati MFA & MFB li ngħataw irmiġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8920, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex, u jgħid kemm dgħajjes li huma reġistrati MFA u MFB ingħataw irmiġġ fil-Port tal-Imġarr bejn: Jannar 2022 - April 2022; Mejju 2022 -Awwissu 2022; Settembru 2022 - Diċembru 2022; u Jannar 2023 - April 2023?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal Mistoqsija Parlamentari bin- numru 9301. Ebda dgħajsa irreġistrata MFA jew MFB ma’ ngħatat irmiġġ fil-Port tal-Imġarr fiż-żmien imsemmi. Fl-2022, kull min kellu irmiġġ ħadu lura wara li tlesta l-proġett.