Legislature:
Category:
Reset
Active:

Iċ-Ċimiterju tal-Addolorata - Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jieħu ħsieb it-telqa tal-passaġġi, turġien u toroq interni fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi l-konċessjonarju wettaq diversi xogħlijiet fiċ-ċimiterju tal-Addolorata inkluż fuq il-loġġa, il-ħajt diviżorju li jdawwar iċ-ċimiterju, it-turġien prinċipali li jwasslu mill-loġġa sal-kapella, l-entratura prinċipali minn naħa ta’ Raħal Ġdid, l-entratura minn naħa ta’ Santa Luċija u informat ukoll li saru xogħlijiet ta’ ristrutturar tat-toroq fil-parti ta’ quddiem taċ-ċimiterju. Barra minn hekk, infurmat li x-xogħol ta' manutenzjoni għadu qed isir f'partijiet diversi fiċ-ċimterju tal-Addolorata.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Sejħa għal Labourers

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31914 dwar sejħa għal Labourers f’Għawdex fejn ġie mwieġeb li “ma saret l-ebda sejħa esterna għall-ingaġġ ta’ labourers f’Għawdex. Is-sejħa li kien hemm dan l-aħħar kienet għal-labourers biex jimtlew vaganzi fis-servizz kollu tas-saħħa.” u fejn tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-avviż kif ġie ppubblikat, jista’ l-Ministru jgħid: għal kemm żmien damet miftuħa din is-sejħa u x’tip ta’ kwalifiki u esperjenza ried ikollu min japplika, kemm kien hemm persuni li applikaw għal din is-sejħa u kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa, u kemm minnhom għaddew mill-interview?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Diviżjoni għall-Ġestjoni tan-Nies ippubblikat l-avviż fuq il-midja soċjali fit-23 ta’ April 2025 u persuni interessati kellhom sal-23 ta’ Mejju 2025 biex japplikaw. Ir-rekwiżiti kienu li l-applikanti jkunu kapaċi jaqraw u jiktbu bil-Malti u bl-Ingliż. Infurmat ukoll li għal din is-sejħa kien hemm 92 applikant – 68 irġiel u 24 mara. Fir-riżultat hemm 55 irġiel u 20 mara.

L-Isptar Mater Dei – Sala ddedikata lis-saħħa mentali

Question

Fid-dawl li t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30398 kienet li “din is-sala tinfetaħ wara li titlesta s-sala l-ġdida fl-administration block”, jista’ l-Ministru jgħid meta s-sala l-ġdida fl-administration block ser titlesta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Infurmat li x-xogħol preparatorju beda u aktar dettalji jitħabbru meta jkun il-waqt.

Awtorità ta’ Standards ta’ Persuni Anzjani – Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti mal-Awtorità ta’ Standards ta’ Persuni Anzjani (OPSA) tul is-sena 2025? Jista’ jgħid ukoll (f’termini ġenerali) dwar xiex kienu dawn l-ilmenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li  mill-bidu ta’ Jannar 2025 sal-lum, l-Awtorita ta l-Istandards ghall-Anzjani (OPSA) irċeviet total ta’ 210 ilmenti li jaqgħu taħt tliet kategoriji ewlenin:  ħsarat fil-makkinarji bħal lifts u ACs, ambjent u struttura, kwalità, u ikel. Infurmat li fuq kull ilment li jasal għand l-awtorità, tittieħed l-azzjoni neċessarja.

Skart Mediku – proċeduri jew audits regolari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx proċeduri jew audits regolari biex jiġi vverifikat li l-isptarijiet u l-faċilitajiet tas-saħħa huma konformi mar-regolamenti dwar l-iskart mediku?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Skart Mediku – baġit allokat għall-ġestjoni u d-dispożizzjoni sigura

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hu l-baġit allokat għall-ġestjoni u d-dispożizzjoni sigura ta’ skart mediku fis-settur pubbliku għas-sena 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-baġit allokat għall-ġestjoni u d-dispożizzjoni sigura ta’ skart mediku huwa marbut ma’ kuntratt kummerċjali.

Skart Mediku mormi illegalment - Perikolu jew ħsara fuq is-saħħa pubblika jew fuq l-ambjent

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx irreġistrati każijiet fejn rimi ta’ skart mediku illegali wassal għal periklu jew ħsara fuq is-saħħa pubblika jew fuq l-ambjent?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda rapport fuq din il-kwistjoni fl-2025.

Servizz Pubbliku – Servizzi ta’ weight management

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx servizzi ta’ weight management clinics jew programmi ta’ appoġġ multidixxiplinarju għall-pazjenti obeżi fis-servizz pubbliku?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jiġu offruti diversi servizzi relatati mal-ġestjoni tal-piż. Dawn jinkludu Clinic fil-Kura Primarja, fejn pazjenti jiġu evalwati u segwiti mit-tabib tal-familja. Barra minn hekk, il-pazjenti jistgħu jiġu riferuti għad-Dar Kenn Għal Saħħtek għall-appoġġ fuq l-istil ta’ ħajja, kif ukoll għas-servizzi speċjalizzati f’Mater Dei Hospital fejn hemm tobba li jiffukaw fuq kundizzjonijiet relatati mal-obeżità. Proċess kompletament integrat u multidixxiplinari għall-ġestjoni tal-obeżità huwa ppjanat bħala miżura baġitarja għas-sena d-dieħla. Din il-miżura għandha issaħħaħ is-servizzi eżistenti u toħloq mudell aktar koordinat bejn il-Kura Primarja, il-livell sekondarju u l-livell terzjarju sabiex il-pazjenti jingħataw kura aktar komprensiva u konsistenti.

Għoti ta’ injections obbligatorji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi tnaqqis fl-għoti ta’ injections li jkunu jridu jittieħdu minn tfal żgħar u li suppost huma obbligatorji li jittieħdu? Jekk dan hu l-każ, jista’ jgħid jekk hemmx xi indikazzjoni partikolari dwar x’inhi r-raġuni għal tali tnaqqis? Jista’ jgħid ukoll kemm tfal ingħataw il-vaċċini obbligatorji mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-vaċċini obbligatorji—jiġifieri DTaP-Hib-IPV dożi 1, 2, 3, u 4 żammew rata għolja ta’ tilqim matul is-snin riċenti. Dan jirrifletti l-effettività tal-programm ta’ tilqim ta’ Malta u l-impenn lejn is-saħħa pubblika. Nieħu din l-opportunità sabiex inħeġġeġ li kull minn għandu l-kustodja ta’ tfal jara li t-tilqim obbligatorji jingħata fil-ħin, għal ġid ta’ l-istess tfal.

Raħal Ġdid - Problema tal-ħamiem

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 30578, 31455 u 31708, jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-ħamiem li hemm presentement fil- lokalità ta’ Raħal Ġdid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fiż-żmien li ġej id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ser iniedi programm, sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ ħamiem salvaġġ madwar il-lokalitajiet f’Malta u Għawdex.

Negotiated for the provision of Masterplanning Services - St Luke’s Health Village and Gozo General Hospital CfT CA Unique ID: CT5053/20251

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti d-direct order li nħarġet mill-Ministeru tiegħu f’dawn l-aħħar ġranet ‘Negotiated for the provision of Masterplanning Services - St Luke’s Health Village and Gozo General Hospital CfT CA Unique ID: CT5053/2025’? Jista’ jgħid ukoll x’servizzi ser jingħataw permezz ta’ din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-iskop ta’ din in-‘negotiated procedure’ jinkludi l-istudju tal-Masterplans kemm ta’ St Luke’s Health Village kif ukoll tal-isptar Ġenerali t’Għawdex. L-istudju tal-Masterplans se jinkludi li tkun f'konformità mal-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa u ma' strateġiji settorjali oħra. Is-servizzi li se jingħataw permezz ta din in-‘negotiated procedure’ huma l-istudju, it-titjib, l-aġġornament u l-approvazzjoni tal-Masterplans ta’ St Luke’s Health Village kif ukoll tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-fażi tal-ħidma u stima tal-ispejjeż għall-implimentazzjoni, l-ippjanar tal-ispazji kliniċi u tqassim arkitettoniku, l-istrateġija għall-apparat mediku u ppjanar tal-għamara tal-isptar, integrazzjoni ma' studji dwar l-impatt tat-traffiku u infrastruttura, Lifecycle cost modelling u ppjanar tas-sostenibbiltà, konsulenza dwar ir-riskju u l-ispejjeż biex tiġi żgurata l-vjabilità ekonomika, u appoġġ tekniku u servizzi ta’ ‘project management’ matul il-fażi tal-ippjanar.

Żjarat ta’ pets meta s-sid ikun rikoverat fl-Isptar Mount Carmel

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30736, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm drabi fejn annimali domestiċi tħallew jidħlu ħdejn il-pazjenti fl-Isptar Mount Carmel fl-2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2025, tħallew jidħlu l-isptar 15-il annimal domestiku biex iżuru lill-pazjenti. L-annimali kollha kienu klieb.

Djar tal-anzjani – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li bħalissa qed jistennew biex jidħlu ġo dar tal-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li hemm 1,578 persuna, li bħalissa qed jistennew biex jidħlu ġo dar tal-anzjani. Qed isir kull sforz sabiex jinkisbu s-soddod kollha disponibbli fis-suq privat.

Sena 2027 – Appuntamenti għal interventi mediċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hekk hux qed jinħarġu appuntamenti għal interventi mediċi għal wara Jannar 2027, fl-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fl-Isptar Mater Dei mhemmx appuntamenti għall-interventi kirurġiċi ibbukjati għal wara Jannar 2027.

Każi ta’ suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-mistoqsijiet parlamentari 10849 u 12721 ta’ din il-leġiżlatura dwar suwiċidji ġew imwieġba , iżda t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30245 kienet tgħid biex nagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li kif diġa weġibtha verbalment waqt il-ħin tal-Mistoqsijiet fis-Seduta tal-5 ta’ Novembru, din l-istatistika uffiċċjali qed tinġabar mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol.

Skart Mediku – trasport u dispożizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar kif qed jiġi mmonitorjat it-trasport u r-rimi ta’ skart mediku mill-isptarijiet pubbliċi, kliniċi privati u dental practices sabiex jiġi evitat rimi illegali?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-isptarijiet pubbliċi għandhom kuntratt ma’ kuntrattur li għandu permess mill-ERA sabiex jittrasporta materjal mediku perikoluż.  Jinħarġu ‘Consigmnet Notes’ biex jiġi assigurat li materjal kollu perikoluż li joħroġ minn ġo l-isptarijiet jasal fil-faċilitajiet awtorizzati.