Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Ingaġġ ta' persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni b'diżabilità fil-Ministeru, jew dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fl-aħħar tliet xhur u f'liema grad?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Skont l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li ntilef ilma tax-xita għax spiċċa l-baħar eċċ. matul Jannar u Frar ta' din is-sena ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32257.
Billi l-fossa tal-Marġa fil-Baħrija qed tissokta tfawwar id-drenaġġ għad-detriment li qed tkun perikolata saħħet il-bdiewa li jiffrekwentaw l-inħawi biex jaħdmu r-raba, jista' l-Ministru jinformani x'passi ħa biex din il-kriżi tiġi rimedjata ħalli tkun imħarsa saħħithom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment li hu responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — kuntratti ta' konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32448 u 32001 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt short u/jew medium/long term ta' konsulenti li ġew imqabbda mill-Ministeru tiegħu matul din il-leġislatura flimkien mad-dettalji sħaħ dwar in-natura tax-xogħol mogħti lilhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li kienu ingħataw matul din il-leġiżlatura rigward din il-materja, fosthom Mistoqsijiet Parlamentari numri 18086, 20210, 24516, 29216, u 31641, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumplament tal-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-tħejjija tal-applikazzjoni tal-WasteServ lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex l-ex Miżbla tal-Magħtab magħrufa bħala ta' Żwejra jkollha l-capping u tippermetti l-estrazzjoni tal-gass? Fiex waslu t-testijiet li qed tagħmel l-istess WasteServ dwar resource recovery biex tistabbilixxi l-optimum use tal-gassijiet li jistgħu jiġu ġġenerati? X’inhi r-raġuni li mis-sena 2007 'l hawn mindu nxtegħlet christmas tree kbira bil-landfill gas ma kien hemm ebda data oħra available on line biex turi l-progress miksub dwar din l-attività? Għalkemm huwa stamt li l-landfill taż-Żwejra tista' twassal biex jiġu ġġenerati xi 750kW gass, jista' jgħid s’issa kemm qed jiġi ġġenerat minn dan u kemm dan kollu jinsab 'il bogħod bħalissa mill-miri tal-gvern? Jista' jikkonferma jekk il-capping huwiex isir b’materjal inert li kien preżenti diġà jew jekk huwiex jiġi depożitat construction and demolition waste ukoll? Jista' jwieġeb din il-mistoqsija peress li żżid fir-rilevanza tagħha għalhiex skont il-media release tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-iskart bid-data ta' 2 ta' Jannar 2012 jintqal li some waste types are also used for engineering works within the landfill?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kif u xi jrid jagħmel individwu jekk irid isir full-time jew part-time farmer? Għadhom ikollhom identification document biex juri dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ndividwi jridu jirreġistraw bħala bdiewa full-time jew part-time għandhom jirrikorru għand l-Employment Training Corporation (ETC) fejn jinħareġ dokument ta’ identifikazzjoni li l-persuna hija bidwi jew raħħal huwa reġistrat full-time jew part-time skont il-każ.
Imtarfa — tindif tal-post li qabel kien l-Isptar tal-Imtarfa
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi program intiż sabiex isir tindif tal-lok li qabel kien l-isptar tal-Imtarfa peress li l-istat ta' abbandun u telqa li jinsab fih il-post huwa dipressanti għall-ġenituri u uliedhom li jattendu l-iskola ta' maġenb?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-sit li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant jagħmel parti mill-kumpless tal-iskola. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Noti Oħra:
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' sajjieda li għandna reġistrati bħala full-time/part-time rispettivament? F'liema portijiet huma reġistrati tali sajjieda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10183.
Bormla — Sur ta' San Pawl - riabilitazzjoni ta' appartamenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex l-area ta' quddiem l-appartamenti tas-Sur San Pawl, Bormla tiġi rijabilitata u jitneħħa kull inkonvenjent li hemm?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa m’hemm ebda pjan iżda s-suġġeriment tiegħu ġie nnutat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-public convenience li hemm fi Ġnien Kottonera tingħalaq?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-latrina kienet il-mira ta’ sensiela ta’ żgassar u vandaliżmu. Ninsab infurmat ukoll li regolarment kienu wkoll jinstabu oġġetti relatati mal-abbuż ta’ droga. Saru numru ta’ rapporti lill-pulizija u finalment b’ dispjaċir kellha ittieħded deċizzjoni li tingħalaq.
Bastimenti tas-sajjieda — Stallazzjoni ta' Electonic Log-book
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32010, 31188 u 29681 u ċioe: B'referenza għar-rapporti li dehru fl-istampa li s-sajjieda u l-għaqdiet tagħhom qed jipprotestaw kontra l-introduzzjoni tal-electronic log-books fuq il-bastimenti tas-sajd tagħhom, jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra x'inhi s-sitwazzjoni attwali? X'inhu n-numru ta' bastimenti li fihom ġie stallat dan l- electronic log-book s'issa? Kemm hu n-numru ta' bastimenti li fihom għadu ma ġiex stallat dan l-apparat? Sa meta hemm żmien biex jiġi stallat dan it-tagħmir? Jaħseb li sa din id-data s-sajjieda jkollhom żmien biżżejjed biex jottempraw ruħhom ma' dawn id-direttivi? Hemm xi penalitajiet li jistgħu jiġu imposti fuq dawk is-sajjieda li ma jistallawx dan l-apparat fil-ħin? X'inhuma dawn il-penalitajiet? Peress li s-sajjieda qed jgħidu li għandhom problemi biex iħaddmu dan l-apparat, x'taħriġ ingħataw jew se jingħataw dawn is-sajjieda biex ikunu f'pożizzjoni li jħaddmu dan l-apparat b'effiċjenza?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta’ Marzu 2012 l-electronic logbook ġew installati fuq il-bastimenti kollha liċenzjati ta’ tul il-fuq minn 12-il metru. Biex ikun iffaċilitat l-użu mis-sajjieda, is-sajjieda kollha ngħataw taħriġ individwali. Qabel ma tfassal dan il-programm ta’ taħriġ għas-sajjieda, sabiex dan it-taħriġ setgħa jkun l-aktar effettiv, ingħata taħriġ speċjali lill-grupp ta’ seba’ sajjieda sabiex jkunu jistgħu jiġu identifikati xi diffikultatjiet li setgħu jiltaqgħu magħhom is-sajjieda fl-użu tal-electronic logbook.
Barraminnhekk is-sajjieda ukoll ingħataw direzzjoni mid-Direttorat tal-Kontroll tas-Sajd sabiex l- electronic logbook jaħdem bi prova sal-aħħar ta’ Ottubru flimkien ma’ dak manwali u fejn ikun hemm xi diskrepanza, id-dettal tal-logbook manwali jkun meqjus li jgħodd.
Din is-sistema tissalvagwardja lis-sajjieda kontra il-ftit li jabbużaw u għalhekk tipprovdi benefiċji għalihom.
Minsiteru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fil-Ministeru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtu? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — impjegati self employed
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33236 u 32408 u jgħid kemm hemm persuni li huma self-employed u li qed jaħdmu fil-Ministeru jew fid-dipartiment jew f'xi entità oħra li taqa' taħt ir-responsabbiltà politika tiegħu? X’inhu x-xogħol li dawn il-persuni qed jagħmlu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba, ninfurmah ukoll li n-numru ta’ persuni li huma self-employed fuq Contract for Service fuq bażi ta’ żmien definit u li jissarraf bħala x-xogħol prinċipali tagħhom huwa ta’sitta u għoxrin. Tlieta u għoxrin minn dawn il-persuna ngħataw dan il-kuntratt għal servizz speċjalizzat u/jew professjonali filwaqt li t-tlieta l-oħra huma ta’ natura klerikali amministrattiv. Ta’ min jgħid li dan it-tip ta’ impjieg isir rikors għalih fejn u meta l-vakanza ma tkunx meqjusa konfermata bħala permanentement meħtieġa jew tkun purament waħda temporanja tant li numru ta’ kuntratti huma għal numru qasir ta’ xhur.
Jista' l-Ministru jgħid kif inbidlet il-produzzjoni tat-tiġieġ għal-laħam għas-suq lokali fis-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011 sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26630 sa sena 2010, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għas-sena 2011 it-tjur maqtula kienu 2,304,963 bil-piż tat-tjur ħajjin ta’ 5,734,557kgs
Jista' l-Ministru jgħid kif inbidlet il-produzzjoni tal-bajd lokali fis-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011 sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21344, ninfurmah li l-informazzjoni għas-sena 2011 għadha qed tkun kompilata.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — tqassim ta' fuljetti u materjal ieħor fid-djar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu fuljetti u materjal ieħor fid-djar matul l-aħħar sitt xhur? Jista' jagħti d-dettalji tal-materjal imqassam fid-djar, x'tip ta' karta intużat, fejn ġie stampat il-materjal, kemm sewa kull fuljett jew materjal li ntbagħat u jekk tqassamx bil-posta jew xi mezz ieħor? Jekk b'mezz ieħor, min qassamhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għaliex il-mistoqsijiet bil-miktub W269 (datata 8 ta' Awwissu 2011), W272 (datata 8 ta' Awwissu 2011), W503 (datata 21 ta' Diċembru 2011) u W512 (datata 21 ta' Diċembru 2011) għadhom ma’ ġewx imwieġba?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni li l- informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant rigward mistoqsijiet W269 u W272 diġa ingħatat partikolarment dik għal W269 ingħatat għall-mistoqsija numru 30710 imressqa mill-istess interpellant u għal W272 nirreferih għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 33258.
Rigward mistoqsijiet W503 u W512, fid-dawl tad-dettal mitlub u li mhux dejjem jaqbel ma kif jista’ joħroġ minn sistemi eletroniċi, kien meħtieg li l-informazzjoni tkun elaborata manwalment u allura kienet waħda li tieħu ż-żmien. Barraminhekk fid-dawl tal-fatt li l-parti l-kbira minn l-ispejjeż jgawdu minn rifussjoni tal-Unjoni Ewropea, preżentement il-figuri finali għadhom qed ikunu ivverifikati.
Peress li għall-mistoqsijiet parlamentari li għamilt, ngħatat risposta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra, jista' l-Ministru jagħti raġuni għaliex l-informazzjoni għadha ma ngħatatx? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għal dawn il-mistoqsijiet parlamentari: 6445 (datata 18 ta' Frar 2009), 16065 (datata 25 ta' Marzu 2010), 25806 (datata 4 ta' Mejju 2011), 23222 (datata 31 ta' Jannar 2011), 28680 (datata 5 ta' Ottubru 2011), 29659 (datata 28 ta' Ottubru 2011), 29840 (datata 3 ta' Novembru 2011) u 30992 (datata 6 ta' Diċembru 2011)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat tweġba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33387, ninfurmah li l-informazzjoni mitluba għall-mistoqsijiet 6445 u 29840 ingħatat fit-tweġbiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 25917 u 29840 imressqa mill-istess Interpellant.
Ninfurmaħ ukoll li t-tweġibiet għall-mistoqsija l-oħra msemmija ngħataw illum
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi li seħħew għal dak li jikkonċerna t-tkabbir tal-ħut tal-fish farms? X'tip ta' studju qed isir bħalissa mill-uffiċjal tad-dipartiment ikkonċernat, dwar ħut differenti li jista' jitkabbar fil-magħluq? Meta nbdew l-istudji differenti u x'riżultati inkisbu s'issa, naturalment, fil-limitu ta' informazzjoni li tista' tiġi ppubblikata minħabba l-istess studji?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern reċentement ħareg abbozz ta’ strategijja għall konsultazzjoni pubblika li għandha sal-bidu ta’ Mejju. Din l-istrategijja tniedi f’liema direzzjoni għandha timxi Malta fil-qasam tal-akwakultura. Ġew ikkunsidrati diversi fatturi li jinfluwenzaw jew jiġu influwenzati mill-akwakultura. L-impatt socjo-ekonomiku jiġi kkunsidrat ukoll. Bħalissa ser tibda l-iStrategic Environment Assessment (SEA) biex tiġi ffinalizzata din l-istrateġija.
Preżentement iċ-Ċentru Malti għar-Riċerka tal-Akwakultura qed jagħmel riċerka fuq diversi speċji bħall-aċċjol u t-tonn, fejn qegħdin fuq quddiem fl-Ewropa. Fil-każ tal-aċċjol, din ir-riċerka imxiet hafna ‘l-quddiem u qiegħdin jitrabbew il-hut kull sena. Wieħed jispera li fi dan il-process jilħaq il-livell meħtieġ billi jipproduċi numri ikbar ta’ ħut biex jkun jista’ jiġi kummercjalizzat. Fil każ tat-tonn, sar faqqis b’suċċess imma imma jirid jikomplew l-istudji biex prodotti iz-zgħar għat-tkabbir. Qed jsiru studji oħra ukoll fuq is-sargi, iċ-ċeren u l-gurbell.