Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Kalkara - Bajja ta’ Rinella - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi xogħol fuq il-Bajja ta’ Rinella, il-Kalkara, matul din is-sena u jekk iva, x’xogħol sar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara li qabel il-bidu tal-istaġun tas-sajf, saru xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ f’diversi partijiet madwar il-bajja. Dawn jinkludu tikħil u żebgħa mal-ħitan u ċ-ċint li jdawru l-bajja, kif ukoll tiswijiet fuq in-naħa tax-xellug tal-istess bajja. B’kollaborazzjoni ma’ Clean Malta, saru tliet interventi konsekuttivi, biex jitneħħa ġebel ġoff mis-sit tar-ramla. Barra minn hekk, il-Kunsill kompla jsaħħaħ l-aċċessibbiltà għall-bajja billi tejjeb l-infrastruttura għal persuni b’diffikultajiet fil-mobilità u żied parkeġġ ġdid fil-qrib għall-persuni b’diżabilità.

Cat feeders - Benefiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm skemi biex ‘cat feeders’ jieħdu benefiċċji, kemm dawk li jingħataw mill-Kunsill Lokali kif ukoll dawk li jieħdu direttament peress li huma reġistrati bħala cat feeders?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif inġabret mill-Kunsilli Lokali rispettivi.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Għasri Għawdex - Triq Wied Sara - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12697, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew u jkunu ffinalizzati x-xogħlijiet kollha fi Triq Wied Sara, fir-Rabat Għawdex, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u ta’ periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq? Jista’ jgħid ukoll jekk ingħatawx fondi lill-Kunsill Lokali għal dan ix-xogħol u jekk iva, għal kemm jammontaw dawn il-fondi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Għasri li x-xogħol se jitlesta fil gimghat jew xhur li gejjin.  Sal-lum ingħataw €354,827 lill-Kunsill ta’ l-Għasri għal dan il-proġett.

Ta’ Sannat - Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29497 li ngħatat fit-2 ta’ Lulju 2025 fejn ġie mwieġeb li “x-xogħlijiet mistennija jkomplu fil-jiem li ġejjin.”, u tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31026 fejn intqal li x-xogħlijiet “huma skedati li jitkomplew f’Jannar 2026.”, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħlijiet ser jitkomplew iktar minn tliet xhur u nofs oħra? Jista’ jgħid ukoll x’hemm maħsub li jsir fl-immedjat biex l-inkonvenjent kbir li hemm għar-residenti u kull min juża dawn it-toroq jitnaqqas kemm jista’ jkun?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li m'għandix xi nżid mat-tweġibiet li tajt għad-domandi parlamentari 29497 u 31026.

Kunsilli lokali - Ġonna

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31204 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid liema huma l-ġonna li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif miġbura mill-Kunsilli Lokali rispettivi.

Kunsilli lokali - Ambaxxaturi taż-Żgħażagħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31203, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet li għandhom Ambaxxatur taż-Żgħażagħ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li skont l-informazzjoni li ġabret mill-Kunsilli Lokali, l-lokalitajiet li għandhom Ambaxxatur taż-Żgħażagħ huma Ħal Qormi, Ħad Dingli, l-Għarb, In-Nadur, Tal-Pieta’ u x-Xewkija.

Kunsilli Lokali - Ġbir ta’ skart - Ilmenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30794, jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu ilmenti relatati ma’ ġbir ta’ skart, maqsuma għal kull kunsill lokali individwalment matul is-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

M'għandix xi nżid mat-tweġiba li tajt għal domanda parlamentari 30794.

Esportaturi Maltin tal-patata - Skema biex jingħataw titolu validu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentarI 31181, u jgħid jekk fil-qasam tal-esportaturi Maltin tal-patata li ilhom joperaw minn ‘sheds’ f’Ta’ Qali għal għexieren ta’ snin, l-Awtorità tal-Artijiet hijiex fi proċess li toħroġ skema jew xort’oħra sabiex dawn jingħataw titolu validu fil-liġi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi għalkemm ma hemm l-ebda skema partikolari għal esportaturi tal-patata,  l-Awotrità tal-Artijiet qiegħda tevalwa tliet applikazzjonijiet sottomessi minn esportaturi tal-patata sabiex jiksbu titolu fuq imħazen sabiex jissalvagwardjaw il-futur ta’ l-attivita` tagħhom.

Għawdex - Batterija tal-Qbajjar - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31363, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi xogħlijiet fuq is-sit tal-Batterija tal-Qbajjar fiż-Żebbuġ, Għawdex, mill-bidu tas-sena 2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li dan hu sit proprjetà tal-poplu Malti u Għawdxi. Nifhem li hemm pressjonijiet sabiex dan jgħaddi għand terzi iżda nitlob lill-Onor Interpellanta tifhem ukoll li l-Awtorità tal-Artijiet għandha obbligu li f'kull stadju tqis l-interess pubbliku. Dan billi twieġeb id-domanda: x'inhu fl-aħjar interess pubbliku li dan jibqa' fil-pussess tal-Awtorità tal-Artijiet u kwalunkwe proċess sussegwenti jsir mill-Gvern stess jew inkella li dan is-sit jgħaddi f'idejn terzi partikolarment meta wieħed iqis il-potenzjal kbir li dan is-sit għandu? Nitlob l-Onor Interpellant tifhem li jien għandi dover li nieħu dak li nemmen li huma l-aħjar deċiżjonijiet fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Fl-istess waqt wieħed jifhem ukoll il-ħtieġa li dan is-sit jiġi restawrat. Biss tali restawr ikun nofs sajran jekk miegħu ma jkunx hemm ċar l-użu eventwali tal-istess sit. Dwar dan il-punt l-Awtorità tal-Artijiet qed tagħmel l-analiżi tagħha u se tkun qed tħabbar dak li se jsir fiż-żmien li ġej.

Santa Luċija - Triq Bice Mizzi Vassallo - Parking Bays

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 30209 u 30210, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31327 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30209, jista’ l-Ministru jara li d-direzzjoni li jitneħħew it-tliet parking bays fi Triq Bice Mizzi Vassallo, f’Santa Luċija u jinġieb kollox kif kien qabel, tiġi effettwata billi sa issa tneħħiet waħda biss u dan b’diffikultajiet varji għar-residenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li l-Parking Bays fi Triq Bice Mizzi Vassallo li qed issir riferenza għalihom, ġew imneħħija fis-6 ta’ Ottubru 2025.

Awtorità tal-Artijiet – Proprjetajiet meħuda “by Public Tenure”

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb illi jħallas lis-sidien tal-proprjetajiet meħuda minn għandhom “by Public Tenure” bejn is-sena 1960 u s-sena 1970 u li għalihom qed jirċievu r-Recognition Rent mill-Awtorità tal-Artijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmal li l-iskop tal-Gvern huwa li jakkwista tali fondi ġaladarba dawn il-fondi intużaw għal skop pubbliku.

Obbligu tal-Patrimonju

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentaru 31499 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista kif mitluba fit-tabella annessa li telenka: is-sena meta nħarġet il-fattura; in-numru ta’ referenza tal-applikazzjoni/permess; it-tip u n-numru ta’ features jew strutturi ta’ valur kulturali li ġew approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH) biex jinqerdu jew jinħattu; suġġett li jitħallas obbligu tal-patrimonju (heritage obligation) u l-ammont tal-obbligu tal-patrimonju (heritage obligation) impost, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif taf l-Onor Interpllanta fuq dan is-suġġett weġibt id-domandi kollha li gew interposti lili.  Madanakollu f'dan il-każ il-kisba ta' tali informazzjoni tirrikjedi ħafna xogħol, liema siegħat ta' xogħol tal-ħaddiema tas-Sovraintendenza nemmen li jistgħu jintużaw aħjar għall-protezzjoni finali tal-wirt storiku.

Libreriji pubbliċi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li jinfetħu xi libreriji pubbliċi ġodda u f’liema lokalitajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li matul din is-sena infetħu dawn il-libreriji ġodda: Ħal Tarxien infetħet librerija flimkien ma’ Rise Foundation bl-isem ta San Gorg Preca bl-għan li sservi għal komunita kollha u tnaqqas l-istigma filwaqt li nsaħħu l-inklużjoni;  F’Raħal Ġdid fil-Ħabs flimkien ma CSA fis-sezzjoni tal-irġiel bil-għan li tgħin fl-iżvilupp edukattiv. Fil-ġimgħat li ġejjien ser terġa tiftaħ il-fergħa ġewwa tas-Sliema ġo post ġdid u iżjed aċċessibli.

Kumpens

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31414 u jgħid meta ser ikun qed jingħata l-kumpens mistħoqq lis-sidien tal-proprjetajiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?  Jista’ jgħid ukoll x’qiegħed iżomm milli jingħata dan il-kumpens?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellanta li ghaddejja korrispondenza bejn it-tim legali tal-Lands Authority u l-Avukat tas-sinjuri. Ma nħossx li hu prudenti li nippubblika jew nagħti dettalji dwar il-mertu tal-korrispondenza.

Forti Ricasoli - Restawr

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30775, jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm biex isir iktar xogħol ta’ restawr fil-Forti Ricasoli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellanta li l-interventi li se jsiru fiż-żmien li ġej se jsiru abbażi tal-pariri tekniċi mogħtija mid-Diviżjoni tar-Restawr u l-Preservazzjoni.

Ħaż-Żabbar - St.Peter’s - Bandli - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-bandli ta’ St Peter’s, f’Ħaż-Żabbar u meta ser jitlesta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħaż-Żabbar li qed jitlestew il-proċeduri finali mitluba mill-Awtorità tal-Ippjanar, meħtieġa qabel jibda x-xogħol fuq il-bandli ta’ St Peter’s, li qed jiġi ffinanzjat minn fondi tal-istess Awtorità tal-Ippjanar. Il-kuntratt tax-xogħlijiet diġà ġie ffirmat u l-proġett hu mistenni jitlesta sa April 2026.

Kunsilli lokali - Cat feeders - Sussidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ sussidju ngħata mill-kunsilli lokali lill-cat feeders f’kull kunsill lokali ta’ Malta u Għawdex individwalment?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif miġbura mill-Kunsilli Lokali rispettivi.

Arts Council - Ħaddiema li rriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema li fl-aħħar sena rriżenjaw mill-Arts Council?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li fil-Kunsill Malti għall-Arti hemm b'kollox 48-il ħaddiem.  Fl-aħħar sena ngħaqdu 4 ħaddiema u rriżenjaw 4.  Minn dawn l-4, persuna maret taħdem f’entita’ oħra Governattiva u t-3 l-oħra marru lura mas-Servizz Pubbliku.

Obbligu tal-Patrimonju

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista kif mitluba fit-tabella annessa li telenka: is-sena meta nħarġet il-fattura; in-numru ta’ referenza tal-applikazzjoni/permess; it-tip u n-numru ta’ features jew strutturi ta’ valur kulturali li ġew approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH) biex jinqerdu jew jinħattu; suġġett li jitħallas obbligu tal-patrimonju (heritage obligation) u l-ammont tal-obbligu tal-patrimonju (heritage obligation) impost, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.