Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Gudja – Inċidenti u delitti marbuta ma’ ħruq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati inċidenti u delitti marbuta ma’ ħruq fir-raħal tal-Gudja fl-Għassa tal-Pulizija tul dawn l-aħħar ħames snin u jistax jindika jekk fosthom kienx hemm proprjetà tal-Gvern jew korporazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn l-ewwel ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Dicembru 2020, in-numru ta’ kazijiet dwar incidenti u/jew delitti (arson) marbuta ma’ ħruq li seħħew fil-Gudja u ġew irrapportati lill-Pulizija, kienu ta’ tlieta u tletin (33). Ma kien hemm l-ebda kaz fejn propjeta tal-gvern kienet involuta. Year Delitti ta’ ħ ruq (arson) Incidenti ta ħ ruq (fire) Total 2015 0 6 6 2016 0 4 4 2018 0 3 3 2017 2 7 9 2019 1 5 6 2020 1 4 5 Total 4 29 33

Każijiet ta’ Victim Offender Mediation

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta’ Victim Offender Mediation li saru kull sena sa mill-2017 fi ħdan is-Servizz ta’ Appoġġ għall-Vittmi fid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — persuni maħtura bħala membru ta’ bord jew entità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija maħtura mill-Ministeru bħala membru ta’ bord jew entità oħra li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, liema huma dawn il-ħatriet, kemm minnhom huma nisa jew irġiel u jindika l-kariga li għaliha ġew maħtura?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-bordijiet irrespittivi fil-Ministeru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-liġi huma komposti minn mija wieħed u tletin raġel u sittin mara. Sebgħa u għoxrin raġel u għaxar nisa huma fil-kariga ta’chairperson filwaqt li għaxar nisa huma segretarji tal-bordijiet u tmin irġiel huma fl-istess kariga.

Persuna li tinstab ħatja ta’ reat – xufier ma’ operatur fil-qasam tat-trasport

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlment dwar ir-raġuni li persuna li tinsab ħatja ta’ reat titħalla taħdem bħala xufier ma’ operatur fil-qasam tat-trasport, iżda fl-istess ħin tiġi pprojbita milli jkollha hi stess liċenzja biex topera fil-qasam tat-trasport?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Pulizija fil-Komunità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta u liema lokalitajiet madwar il-pajjiż sejrin jibbenefikaw mis-servizz tal-Pulizija fil-Komunità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Fl-aħħar xhur estendejna l-proġett tal-community policing u fil-baġit għal din is-sena ħabbarna li se nkomplu insaħħuħ. Huwa l-impenn tal-Amministrazzjioni tal-Korp tal-Pulizija sabiex sal-aħħar tas-sena 2023, il-lokalitajiet kollha madwar il-pajjiż jkunu jistgħu jibbenfikaw mis-servizz tal-community policing.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — talbiet skont il-Freedom of Information Act

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm talbiet skont il-Freedom of Information Act? Kemm minnhom ġew rifjutati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Filwaqt li nirreferi l-Onorevoli interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 16609, ninfurmaha li minn Ottubru li għadda sal-aħħar ta' Frar daħlu 15-il talba simili. Minbarra hekk jien infurmat li l-ebda talba għall-informazzjoni ma tiġi rrifjutata u kull talba titwieġeb skont kif tgħid il-liġi li ddaħħlet fis-seħħ fis-sena 2012.

Community Policing — lokalitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema huma l-lokalitajiet f’Malta li fihom beda jitħaddem il-kunċett tal-Community Policing?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Fl-aħħar xhur estendejna l-proġett tal-community policing u fil-baġit għal din is-sena ħabbarna li se nkomplu insaħħuħ. Tnax -il lokalità madwar il-pajjiż illum għandhom il-community policing. Il-lokalitajiet li fihom qed jitħaddem il-Community Policing huma: il-Belt Valletta, il-Furjana, il-Mellieha, is-Swieqi, Pembroke, Marsaxlokk, Birzebbuġa, il-Fgura, ir-Rabat, Had-Dingli, l-Imtarfa u l-Imdina.

Ħaż-Żebbuġ — Żona ta’ Ħal Mula/Triq il-Fraxxnu – permessi għat-twessiegħ ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew le jekk meta l-pulizija marru fuq il-post fiż-żona ta’ Triq Ħal Mula/Triq il-Fraxxnu f’Ħaż Żebbuġ nhar l-Erbgħa 17 ta’ Frar 2021, talbux lill-Infrastructure Malta u lill-uffiċjali tagħha, jekk ix-xogħol li kien qed isir fuq twessiegħ ta’ triq fl-istess żona, kellux il-permessi mitluba bil-liġi biex dan seta’ jsir?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurrmat li fid-data riferuta mill-Onor Interpellant, il-pulizija kienu qegħdin jirrispondu għal rapport ta’ emerġenza, dwar argument li seta' kien hemm ġewwa l-post riferut.

Hate Crime and Speech Unit – ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija impjegata fil-Hate Crime and Speech Unit?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li permezz ta’ l-Avviz Legali 418/2020 li waqqaf l-‘Victim Support Agency’ (VSA), l-ħaddiema mpjegati fil-Hate Crime and Speech Unit se jiġu integrati mal-VSA. Dawn jinkludu professjonisti li jipprovdu servizz terapewtiku, u oħrajn fl- amministrazzjoni. B’kollox jammontaw għal disa (9) mpjegati.

Hate Crime and Speech Unit u Victim Support Agency – appoġġ psikoloġiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema tip ta’ appoġġ psikoloġiku jingħata mill-Hate Crime and Speech Unit u l-Victim Support Agency, kemm hemm persuni impjegati biex jagħtu dan l-appoġġ u kemm-il każ ingħata dan l-appoġġ minn kemm ilu li dan il-Unit ġie mwaqqaf?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li hekk kif irreġistrat mill-Hate Crime and Speech Unit li twaqqaf f’ Ottubru 2019, l-ammont ta’ vittmi li kellhom bzonn appoġġ emozzjonali kienu disgħa u tletin (39) minn tlieta u sittin każ (63), filwaqt li ġew referuti tmienja (8) għat-terapija. Il-Hate Crime and Speech Unit kellha erba’ (4) professjonisti jaħdmu f’dan il-qasam full time. Dawn l-istess professjonisti ġew integrati fil-Victim Support Agency, filwaqt li l-istess aġenzija qiegħda tħejji pjanijiet sabiex jkunu ngaġġati aktar professjonisti f’ dan ir-rigward.

Hate Crime and Speech Unit – assistenza legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il-vittma talbet u ngħatat assistenza legali mill-Hate Crime and Speech Unit, u min huwa inkarigat sabiex jagħti din l-assistenza legali u dan minn meta ġie mwaqqaf il-Unit?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Skont l-informazzjoni rreġistrata mill-Hate Crime and Speech Unit sa minn Ottubru 2019, disa’ (9)vittmi talbu l-assistenza legali u dan is-servizz ġie mogħti mill-avukati tal-Hate Crime and Speech Unit.

Hate Crime and Speech Unit – kuntatt fuq l-online chat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntatt kien hemm fuq l-online chat li jipprovdi l-Hate Crime and Speech Unit u dan sa minn meta ġie mwaqqaf dan is-servizz?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li sa mit-twaqqif tas-servizz jiġifieri Ottubru 2019, il-Hate Crime and Speech Unit irreġistrat 328 kuntatt fuq online chat. Dan is-Servizz se jkun integrat fil-Victim Support Agency.

Ftehim mal-għaqdiet tal-Baned u tal-Piroteknika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ladarba l-ftehim li għamel hu, f’isem il-Gvern mal-għaqdiet tal-Baned u tal-Piroteknika li ser ikopri b’vouchers għall-ispejjeż ta’ tariffi tal-pulizija għal skorta ta’ nar fil-festi u li ladarba dan il-ftehim huwa għal tliet snin, jista’ jiddikjara li dan ser jerġa’ jiġġedded awtomatikament u immedjatament għal tliet snin oħra? Din il-mistoqsija qed titressaq sabiex titneħħa l-inċertezza li hemm fil-preżent fost dawk li jaħdmu n-nar li d-deċiżjoni tal-Gvern li jagħmel tajjeb għall-ħlas ta’ tariffi tal-iskorta tal-pulizija huwa biss ta’ tliet snin.

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Gvern hu impenjat li jibqa’ jappoġġja lill-għaqdiet u s-soċjetajiet li tant jagħtu kontribut lill-kultura Maltija. Dan b’konsultazzjoni sħiħa, kif fil-fatt seħħ fil-każ li qed jirreferi għalih hekk kif il-ftehim kien imfassal wara diskussjonijiet mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Baned u l-Għaqda Piroteknika Maltija. Dawn is-soċjetajiet jistgħu jserrħu moħħhom li bħalma l-gvern kien ta’ spalla għalihom fis-snin li għaddew hekk se jibqa’ jkun fiż-żmien li ġej.

Kunsill Lokali tal-Gżira — kontijiet pendenti mal-LESA

Question

Jista' l-ministru jgħid jekk il-LESA għaniex kontijiet pendenti li għadhom ma tħallsux mill-Kunsill Lokali tal-Gżira? Jekk iva, kemm hu l-ammont? Kemm huma antiki dawn il-kontijiet? Jikkonferma li l-LESA mhux qed tipprovdi Uffiċjali tal-Komunità sabeix tassisti waqt li jkunu qed isiru x-xogħlijiet f'tali lokalità minħabba dawn il-pendenzi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-LESA qed tipprovdi s-servizz fil-lokalità tal-Gżira. Hemm diskussjonijiet għaddejin bejn il-LESA u l-Kunsill Lokali dwar il-pendenzi li hemm.

Ex membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — arretrati

Question

Jista' l-Ministru jispjega għala l-ex-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma ngħatawx l-arretrati bħalma ngħataw l-ex membri tal-Korp tal-Pulizija? Ma jaħsibx il-Ministru li dan hu trattament diskriminatorju fil-konfront tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li ma huwix minnu li eks membri tal-Protezzjoni Ċivili ma ngħatawx l-arretrati bħalma ngħataw l-eks membri tal-Korp tal-Pulizija. Għalhekk ma hemmx każ ta’ trattament diskriminatorju fil-konfront tagħhom kif qed jallega l-Onorevoli. L-eks membri tal-Protezzjoni Ċivili li telqu mis-sena 2019 ’il quddiem kollha ħadu arretrati prorata ta’ kemm ħadmu u dan seta’ jsir għax il-ftehim settorali daħal fis-seħħ b’mod retroattiv mis-sena msemmija.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — konsulent

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jaghti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista' jgħid minn huma dawk maħtura, x'tip ta' servizzi, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dawk il-konsulenti s'issa u kemm huwa l-valur ta' dik il-ħatra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 19146, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi il-konsulenti maħtura sabiex jagħtu servizzi lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u lis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum huma elenkati fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — entitajiet li għandhom ftehim kollettiv skadut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li għandhom bħalissa ftehim kollettiv li skada? Jista’ għal kull każ jgħid meta skada?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor interpellant li b’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18469, li fil- Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, l-uniku ftehim kollettiv li skada hu tal-‘Local Enforcement System Agency’ u dan b’seħħ mil-31 ta’ Diċembru tas-sena 2020. Inżid li hi l-prassi li kull fejn ikun hemm ftehim kollettiv skadut, in-negozjati għal ftehim ġdid jesiġu li dan jibda jgħodd proprju minn meta jieqaf ta’ qablu.

Persuni li weħlu l-ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm-il persuna waħlet il-ħabs matul is-sena 2020 u fl-2021 sakemm tiġi mwieġba din id-domanda minħabba li ma żammitx mal-obbligazzjonijiet tagħha li tħallas il-manteniment? Kemm minn dawn kienu rġiel u kemm nisa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor Interpellant li fis-sena 2020 kelna total ta’ 7 persuni li weħlu ħabs fuq manteniment. Minnhom waħda biss kienet mara. F’ 2021, ma kien hemm ebda każ.