Tista’ l-Ministru tgħid x’kien l-investiment li sar fil-qasam tal-konservazzjoni tal-ilma matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Matul dawn l-aħħar ħames snin, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma kienet qiegħda tikkonkludi l-proġett finanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fondi ta’ Koeżjoni dwar il-kampanja nazzjonali għall-konservazzjoni tal-ilma. Bħala parti minn dan il-proġett tqassmu water saving kits lir-residenti fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex, kif ukoll proġetti pilota biex jiġu murija prattiċi differenti kif l-ilma jista’ jiġi konservat u jintuża b’mod aktar sostenibbli. L-investiment li sar fil-proġett tal-kampanja nazzjonali dwar il-konservazzjoni tal-ilma kien ta’ €704,023.45 (eskluża l-VAT) fis-sena 2021, €704,023.45 (eskluża l-VAT) fis-sena 2022, u €1,898,316.37 (esekluża l-VAT) fis-sena 2023.
Min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hemm investiment kontinwu f’dak li jissejjaħ ‘active leakage control’ fejn ħsarat fis-sistema tal-ilma jiġu intraċċati fl-iqsar ħin possibbli u jissewwew immedjatament. Dan wassal biex meta mqabbel mal-2019, il-Korporazzjoni qed tiffranka mal-miljun metru kubu ta’ ilma fis-sena. Apparti hekk, kontinwament tara li fejn ikun hemm partijiet min-network li jkunu antiki u fi stat ħażin, dawn jinbidlu wkoll.
Il-Korporazzjoni tieħu ħsieb ukoll li timmonitorja kontinwament il-konsum tal-ilma tal-konsumaturi kollha, u fejn tinnota li hemm possibbiltà ta’ leakage, tinforma lill-individwi konċernatli ħalli titrażżan il-ħela.
Raħal Ġdid u l-inħawi – Irwejjaħ ikkawżati minn high-sulphur marine fuel
Question
B’referenza għall-irwejjaħ li kienu qed jinxtammu f'Raħal Ġdid u l-inħawi, u li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kkonfermat li kienu kkawżati minn high-sulphur marine fuel, tista' l-Ministru tgħid:
i. b’liema kriterji kienu qed joperaw u taħt liema direttiva jew permess;
ii. kemm kienu l-emissjonijiet u kemm kien hemm PPM ta’ sulphur f’dan il-fuel;
iii. jekk sarux testijiet fuq il-fuel għal-livell ta’ sulphur qabel inħatt u jekk saru, għalfejn inħatt xorta;
iv. jekk dan il-fuel intużax jew inbigħx f’Malta; u
v. x’riskji ġab miegħu għall-ħaddiema u għar-residenti f’dawn l-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Fir-rigward tal-każ li qed issir riferenza għalih, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-operat tat-terminal huwa suġġett għall-qafas regolatorju applikabbli, inkluż id-Direttiva 2012/18/UE dwar il-kontroll tal-perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi, kif trasposta fil-leġiżlazzjoni sussidjarja 646.12. Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u l-Awtorita ghal-Ambjent u Rizorsi joħorġu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa fil-kuntest tar-responsabbiltajiet taghhom.
Ninsab infurmata li fir-rigward tal-kontenut ta’ sulphur, iċ-ċertifikat ta’ kwalità tal-kunsinna jindika kontenut ta’ sulphur ta’ 0.275%. Il-kunsinna ġiet ittestjata minn kumpanija indipendenti ta’ spezzjonar qabel l-operazzjonijiet kummerċjali tagħha. Apparti livelli elevati ta’ sulphur, iċ-ċertifikat ta’ kwalità indika li l-prodott kien konformi mal-ispeċifikazzjonijiet applikabbli għall-prodott inkwistjoni u għalhekk ma kien hemm xejn li jimpedixxi l-ħatt tiegħu.
Infurmata wkoll li l-kunsinna ntużat bħala parti minn operazzjoni ta’ taħlit ma’ fjuwil ieħor, bil-prodott finali mqiegħed fis-suq ikollu kontenut ta’ sulphur li ma jaqbiżx iż-0.1%.
Infurmata li matul il-perjodu inkwistjoni ma ġewx reġistrati qbiż tal-parametri operattivi li jiġu mmonitorjati għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fis-sit.
Fir-rigward tas-saħħa pubblika, il-Ministeru qed jistrieħ fuq il-valutazzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti.
L-Imtarfa – Ġnien 27 t’April – Żbir u interventi fuq siġar indiġeni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kienx hemm permess għaż-żbir u l-interventi li saru fuq siġar indiġeni, inkluż ħarrub, waqt ix-xogħlijiet li saru fi Ġnien 27 ta’ April fl-Imtarfa? Jekk iva, tista’ tgħid ukoll meta nħareġ dan il-permess?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħol sar għal skop ta’ manutenzjoni skont il-permess ambjentali b’referenza EP1344/23, li jkopri xogħlijiet u interventi fuq siġar f’dan il-ġnien, li nħareġ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) lil Project Green fid-9 ta’ Lulju 2024 u li għadu validu.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta u l-method statement ta’ Ġnien 27 t’ April fl-Imtarfa li qed isir ix-xogħol fuqu minn Project Green? Tista’ tgħid ukoll fiex ser ikun jikkonsisti x-xogħol kollu u kemm hi stmata l-ispiża?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li dwar il-proġett ta’ Ġnien 27 t'April qed jiġu finalizzati l-pjanti tad-disinn flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa, biex wara jibda l-proċess għall-ksib tal-permessi neċessarji.
Il-proġett jinkludi l-formazzjoni ta' passaġġi naturali, ir-riġenerazzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ eżistenti, tħawwil ta' veġetazzjoni, u l-installazzjoni ta' għamara urbana biex il-pubbliku jkun jista' jgawdi aħjar l-ispazju miftuħ, filwaqt li tissaħħaħ ukoll is-sigurtà tas-sit.
Il-Bidnija – Triq il-Girna – Tqegħid tas-sistema tad-drenaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar it-tqegħid tas-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi ta’ Triq il-Girna fil-Bidnija? Jekk iva, tista’ tgħid x’kienu dawn l-iżviluppi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tinstalla sistema tad-drenaġġ, billi se jitpoġġew katusi fid-dawra tat-triq indikata u sentina biex tiġbor is-sistema b’mod kollettiv.
Tista’ l-Ministru tgħid x’qed iwassal biex l-ammont ta’ ilma li qed jingħataw il-bdiewa, minn New Water, qed ikun f’ammonti ferm inqas minn dak li jkollhom bżonn? Tista’ tgħid ukoll x’qed iwassal biex minkejja ż-żieda fid-drenaġġ li jmur fit-treatment plant taċ-Ċumnija, l-ilma disponibbli qed ikun ftit?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma tiddeterminax hi l-ammont ta’ New Water li jingħata lill-bdiewa individwali. Tajjeb jiġi ċċarat li l-ammont ta’ New Water prodott mhux relattiv mal-ammont tad-drenaġġ trattat. Dan għaliex il-produzzjoni tan-New Water issir ġewwa mpjant dedikat apposta għalhekk, u għaldaqstant il-kapaċità hija waħda definita. Fl-2025 il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma produċiet ammont rekord ta’ 1.6 miljun metru kubu ta’ New Water.
ERA – Dispożizzjoni ta' skart ta' kostruzzjoni fil-baħar – Permessi
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk bħalissa hemmx permessi fis-seħħ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għal dispożizzjoni ta' skart ta' kostruzzjoni fil-baħar, u jekk iva, liema huma?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-preżent hemm ħames (5) permessi ambjentali validi għal rimi ta’ skart ta’ kostruzzjoni fil-baħar. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni relatata.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-proċess jew proċessi f'pajjiżna biex wieħed jiddisponi/jiskrappja vettura elettrika? Tista’ tgħid ukoll xi ħlasijiet tinvolvi, liema awtoritajiet huma konċernati u jekk hemmx xi forma ta' riċiklar/esportazzjoni tal-partijiet li jikkomponuha?
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm meter readers impjegati mal-ARMS, kemm minnhom huma stabbiliti f’Malta u kemm minnhom huma stabbiliti f'Għawdex?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħalissa hemm 34 impjegat li jagħmlu xogħol ta’ meter readers, b’wieħed stabbilit f’Għawdex. Infurmata wkoll li meta jkun hemm il-ħtieġa, jintbagħtu meter readers minn Malta biex jassistu fil-ġbir tal-qari f’Għawdex.
Raħal Ġdid – Triq tal-Borg u t-toroq tal-madwar – Qtugħ ta’ dawl
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 577 fejn intqal li “fil-perjodu indikat fil-mistoqsija ma kien hemm l-ebda ħsara reġistrata, imma kien hemm tliet okkażjonijiet fejn kellu jsir xogħol ta’ manutenzjoni li kien ippjanat u l-konsumaturi ġew notifikati minn qabel”, apparti kemm-il darba sar xogħol ta’ manutenzjoni, tista' l-Ministru tgħid kemm-il darba nqata' s-servizz lill-konsumaturi fi Triq tal-Borg, f’Raħal Ġdid u t-toroq tal-madwar, fil-perjodu msemmi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif spjegajt fit-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 577, ninsab infurmata li kien hemm tliet okkażjonijiet fejn s-servizz ġie sospiż minħabba xogħol ta’ manutenzjoni li kien ippjanat minn qabel.
Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali – KPIs
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk ġewx stabbiliti indikaturi ta' prestazzjoni (KPIs) sabiex jitkejjel l-impatt tal-użu ta' sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tagħha, u jekk iva, telenkahom u tindika kif qed jitkejlu?
Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn il-main dispenser tan-New Water f’Kerċem, Għawdex, aktar ma jkunx qed jaħdem milli jkun operattiv, b’mod partikolari matul l-eqqel tal-istaġun tas-sajf? Tista’ tgħid ukoll għalfejn qed iseħħu ħsarat kontinwi f’dan id-dispenser u għalfejn, minkejja li jiġu rranġati, jerġa’ jinqala’ l-istess difett ftit taż-żmien wara?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-ħsara li kien hemm fid-dispenser issewwiet u qed jopera b’mod normali.
Kerċem – Akkwati tal-Għadira – Installazzjoni ta’ dispensers tan-New Water
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li jsir investiment fl-installazzjoni ta’ dispensers addizzjonali tan-New Water fl-akkwati tal-Għadira, ġewwa Kerċem, Għawdex u jekk iva, tista’ tagħti timelines speċifiċi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’investiment kontinwu biex tkompli tkabbar u tifrex aktar is-sistema tan-New Water, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Bħalissa għaddejja bil-ħidma biex jitkabbar l-impjant ta’ produzzjoni, li sussegwentament għandu jwassal biex l-ammont ta’ New Water jirdoppja fi żmien tliet snin. Għaddejja wkoll b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex biex jitħejja pjan għal tkabbir fin-network u d-dispensers relatati man-New Water matul dan l-istess perjodu.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba nqata’ d-dawl mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma lokalità b’lokalità u jekk kienx skedat jew le?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-qtugħ fil-provvista kien minħabba ħsarat lokalizzati li jinqalgħu minn żmien għal żmien, jew sospensjonijiet tas-servizz pjanati biex issir manutenzjoni li tkun meħtieġa perjodikament u li jitħabbru minn qabel. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 448, tista’ l-Ministru twieġeb din il-mistoqsija fl-intier tagħha u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-project plan relatat max-xogħlijiet li qed isiru u li għad baqa’ jsiru f’diversi toroq fl-inħawi tan-Nigret fiż-Żurrieq li jkun jinkludi d-dati tal-bidu u tlestija ta’ kull waħda mill-fażijiet tal-proġett għal kull triq fosthom Triq il-Parit, Triq il-Veduta, Triq il-Mitħna tal-Qaret, Triq il-Barrieri, Triq id-Dejqa, Triq il-Benedittina, u Triq Żondadari u oħrajn li għadu ma bediex xogħol fuqhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx aktar x’inżid mat-tweġiba li diġà tajt.
Il-Qawra – Triq l-Isturjun u Dawret il-Qawra – Qtugħ tad-dawl tat-triq
Question
Tista’ l-Ministru tara li d-dawl tat-triq fi Triq l-Isturjun u parti minn Dawret il-Qawra fil-Qawra jkunu mixgħula kuljum matul il-lejl, hekk kif dan id-dawl kien jinsab mitfi matul l-aħħar jiem? Tista’ tgħid ukoll meta ssewwiet (jekk issewwiet) din il-ħsara?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li fiż-żewġ toroq indikati kien hemm żewġ lampi maqtugħin u dawn inbidlu fil-ġranet li għaddew.
Ħal Qormi – Triq il-Kbira – Akkwist tal-proprjetà u l-ġnien tat-Tabib Maempel
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern hux lest jevalwa l-possibbiltà li jakkwista l-proprjetà storika magħrufa bħala tat-Tabib Maempel fi Triq il-Kbira, f'Ħal Qormi, inkluż il-ġnien storiku tagħha, sabiex din tiġi restawrata u mħarsa għall-ġid komuni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Ambjent Malta, Project Green u entitajiet oħra – Uffiċjali tas-sigurtà
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 922 u tgħid kif joperaw l-uffiċjali tas-sigurtà impjegati taħt Ambjent Malta, Project Green u entitajiet oħra li jaqgħu taħtha li huma responsabbli mis-sigurtà u l-manutenzjoni ta' parks, ġonna u soft areas? Tista' tgħid ukoll x'tip ta' shift joperaw, kemm ikun hemm uffiċjali tas-sigurtà f'kull shift, u jekk dan japplikax għax-shifts kollha u għal parks u l-areas kollha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ħal Qormi/Ħ’Attard - Trejqa Wied is-Sewda - CCTV cameras
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-CCTV cameras fi Trejqa Wied is-Sewda, bejn Ħal Qormi u Ħ’Attard (ritratti annessi), partikolarment CCTV b’kodiċi ERA-23 u b’kodiċi ERA-05 jaħdmux? Tista’ tgħid ukoll min jagħmel sorveljanza tagħhom u jekk ingħatawx multi jew ċitazzjonijiet relatati ma’ xi ksur ta’ liġi li nqabdu minn dawn is-CCTVs minn meta ġew installati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li s-CCTV kameras identifikati bil-kodiċi ERA 23 u ERA 05, li jinstabu rispettivament fi Trejqa ta’ Wied is-Sewda u fi Triq il-Wied, fil-limiti ta’ Ħal Qormi, huma t-tnejn funzjonanti u jsir moniteraġġ fuqhom mill-Compliance & Enforcement Unit tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Infurmata wkoll li matul il-perjodu tal-operat ta’ dawn il-kameras, inħarġu erba’ multi minħabba rimi ta skart illegali permezz ta’ vetturi.
Ħal Qormi/Ħ’Attard - Trejqa Wied is-Sewda - Diżlivellar
Question
Tista’ l-Ministru tara li jsir xi tip ta’ lqugħ tul it-triq pubblika bejn it-triq u l-wied fi Trejqa Wied is-Sewda, bejn Ħal Qormi u Ħ’Attard (ritratti annessi), minħabba periklu ta’ diżlivell għal min ikun għaddej f’dik iż-żona?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.