Persuni nieqsa mis-smigħ, muti jew nieqsa mid-dawl li qed jirċievu edukazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma nieqsa mis-smiegħ, muti jew nieqsa mid-dawl li qegħdin jirċievu xi edukazzjoni? Jista’ jindika kemm persuni li huma nieqsa mis-smigħ u li ma jistgħux jitkellmu? Jista’ jindika kemm huma dawk il-persuni li huma nieqsa mis-smigħ u mid-dawl? Kif ukoll jista’ jgħid kemm huma dawk il-persuni li huma nieqsa mid-dawl u ma jistgħux jitkellmu? Jista’ jindika kemm għandhom it-tliet diffikultajiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti hemm 80 student li għandhom problema tal-vista u 132 student li neqsin mis-smigħ.
Hemm 16-il student li huma neqsin mis-smigħ u ma jikkomunikawx iżda minn dawn hemm min għadu kemm kellhom il-cochlear implant jew hearing aid u għadhom fil-fażi li qed jitgħallmu jikkomunikaw. Fl-iskejjel mainstream m’hemmx studenti li għandhom problema tal-vista u neqsin mis-smigħ ukoll. Fiċ-Ċentri ta’ Riżorsa (Resource Centres) hemm numru ta’ studenti bi bżonnijiet kumplessi li jista’ jkollhom nuqqas ta’ vista, smigħ u komunikazzjoni.
In-numri ta’ studenti fi ħdan l-MCAST għas-sena akkademika 2019-2020 li huma neqsin mis-smigħ jew mid-dawl jew muti, huma kif preżentati fit-tabella hawn taħt:
Nieqsa mis-smigħ
13
Muti
4
Nieqsa mid-dawl
5
Nieqsa mis-smigħ u muti
3
Nieqsa mis-smigħ u mid-dawl
0
Nieqsa mid-dawl u muti
0
Nieqsa mis-smigħ, muti u nieqsa mid-dawl
0
L-informazzjoni dwar studenti fl-Università ta' Malta għas-sena 2019/2020 hija kif se nsemmi:
· Persuni nieqsa, anke parzjalment, mis-smigħ – 23
· Persuni muti – 0
· Persuni nieqsa, anke parzjalment, mid-dawl – 20
· Persuni nieqsa mis-smigħ u li ma jistgħux jitkellmu – 0
· Persuni nieqsa mis-smigħ u mid-dawl – 0
· Persuni nieqsa mid-dawl u ma jistgħux jitkellmu – 0
· Persuni li għandhom it-tliet diffikultajiet – 0
Programm Sheltered Employment Training – persuni b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11005, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol permezz tal-programm Sheltered Employment Training?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus in-numru ta’ persuni b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol permezz tal-programm Sheltered Employment Training kien ta’ 72.
Ta’ min jinnota li n-numru ta’ persuni indikat taħt dan il-programm kif ukoll in-numri kwotati fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 11545, 11546 u 11547, li jirreferu għal Pre-Employment Training, Bridging the Gap u Aċċess għall-Impjiegi (A2E) rispettivament, mhumiex uniċi. Dan għaliex persuna tista’ tkun ipparteċipat f’iżjed minn skema waħda. Minn total ta' 740 (total magħdud tal-erba' tweġibiet inkluża l-preżenti), in-numru ta’ persuni uniċi li pparteċipaw f’xi waħda jew iktar minn dawn l-iskemi u li daħlu fid-dinja tax-xogħol jammonta għal 473.
Programm Pre-Employment Training — persuni b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11005, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol permezz tal-programm Pre-Employment Training?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus in-numru ta’ persuni b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol permezz tal-programm Pre-Employment Training kien ta’ 147.
Ta’ min jinnota li n-numru ta’ persuni indikat taħt dan il-programm kif ukoll in-numri kwotati fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 11544, 11546 u 11547, li jirreferu għal Sheltered Employment Training, Bridging the Gap u Aċċess għall-Impjiegi (A2E) rispettivament, mhumiex uniċi. Peress li persuna tista’ tkun ipparteċipat f’iżjed minn skema waħda, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-figuri mogħtija fl-aħħar parti tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11544.
Skema Bridging the Gap — persuni b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11005, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b’diżabiltà li daħlu fid-dinja tax-xogħol permezz tal-iskema Bridging the Gap (BTG)?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus in-numru ta’ persuni b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol permezz tal-iskema Bridging the Gap (BTG) kien ta’ 219.
Ta’ min jinnota li n-numru ta’ persuni indikat taħt din l-iskema kif ukoll in-numri kwotati fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 11544, 11545 u 11547, li jirreferu għal Sheltered Employment Training, Pre-Employment Training u Aċċess għall-Impjiegi (A2E) rispettivament, mhumiex uniċi. Peress li persuna tista’ tkun ipparteċipat f’izjed minn skema waħda, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-figuri mogħtija fl-aħħar parti tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11544.
Skema Aċċess għall-Impjiegi — persuni b’diżabilità li daħlu fid-dinja tax-xogħol
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11005, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b’diżabiltà li daħlu fid-dinja tax-xogħol permezz tal-iskema t’Aċċess għall-Impjiegi (A2E)?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta` Ġunju 2015, minn meta ġiet imnedija l-Iskema t`Aċċess għall-Impjiegi (A2E), daħlu fid-dinja tax-xogħol total ta` 302 persuni b'diżabilità.
Ta’ min jinnota li n-numru ta’ persuni indikat taħt din l-iskema kif ukoll in-numri kwotati fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 11544, 11545 u 11546, li jirreferu għal Sheltered Employment Training, Pre-Employment Training u Bridging the Gap rispettivament, mhumiex uniċi. Peress li persuna tista’ tkun ipparteċipat f’iżjed minn skema waħda, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-figuri mogħtija fl-aħħar parti tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11544.
Jobsplus – Taħriġ għax-Xogħol lil persuni b’diżabilità
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11711, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità li qed jieħdu taħriġ fl-IT jew biex ikollhom aċċess għal xogħol diġitali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus fil-preżent hemm seba’ (7) persuni b’diżabilità li qed jieħdu taħriġ fl-IT.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11705, jista’ l-Minsitru jgħid jekk fil-fatt l-għalliema mħarrġa fil-first aid humiex awtorizzati li jamministraw mediċina f’każ ta’ emerġenza bħal Epipen jew il-Glucagon f’każijiet ta’ tfal li għandhom allerġiji severi għal-lewż jew għandhom id-dijabete rispettivament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-First Aiders fl-iskejjel huma kollha mħarrġin għall-Epipen. Fil-każ tal-Glucagon, jingħataw taħriġ jekk fl-iskola partikulari jkun hemm dan il-bżonn.
B’referenza għad-diversi mistoqsijiet parlamentari li għamilt lill-Ministru fuq is-servizz ta’ nurses jew professjonisti mediċi oħra fl-iskejjel, u wara li nhar l-Erbgħa 13 ta’ Novembru 2019, iltaqa’ l-Kumitat Parlamentari fuq id-Dijabete, jista’ l-Ministru jgħid, jekk il-Gvern hux biħsiebu li jdaħħal is-servizz ta’ infermiera jew professjonisti mediċi (mhux biss first aiders) f’KULL skola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
B'referenza għal din il-mistoqsija, ta’ min wieħed jinnota li fl-iskejjel kollha tal-Istat mainstream hemm is-servizz tal-infermieri biex tingħata l-mediċina neċessarja lil studenti li jeħtiġuha matul il-ġurnata skolastika. Dan iseħħ wara li l-ġenituri jimlew applikazzjoni neċessarja li tingħata lill-Kap tal-iskola biex hekk isiru l-proċessi neċessarji mal-kuntrattur li jipprovdi dan is-servizz. Sadanittant, fiċ-Ċentri ta’ Riżorsa fejn hemm tfal u żgħażagħ b’diżabbiltà, diġà hemm is-servizz t’infermiera li tagħti proviżjon għall-ġurnata sħiħa tal-iskola.
Qiegħed ukoll jiġi studjat kif dan is-servizz u anke l-assistenza tal-First Aiders fl-iskejjel jiġi estiż u msaħħaħ.
B’referenza għad-diversi mistoqsijiet parlamentari li għamilt lill-Ministru fuq is-servizz ta’ nurses jew professjonisti mediċi oħra fl-iskejjel, u wara li nhar l-Erbgħa 13 ta’ Novembru 2019, iltaqa’ l-Kumitat Parlamentari fuq id-Dijabete, jista’ l-Ministru jgħid, jekk il-Gvern hux qed jiddiskuti mal-iskejjel tal-Knisja u dawk privati u indipendenti biex jassigura li dan l-istess servizz ikun f’dawn l-iskejjel ukoll?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, dakinhar tal-laqgħa indikata, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol ippreżenta s-sitwazzjoni tal-inċidenza ta’ studenti bid-dijabete fl-iskejjel tal-Istat u se jkun qiegħed jara x’assistenza hi meħtieġa aktar għal dawn l-istudenti.
Sadanittant, il-Ministeru se jkun qiegħed jitkellem mas-setturi tal-Knisja u Indipendenti biex jifhem din is-sitwazzjoni f’dawn is-setturi wkoll.
Għaliema li qatt ma ġew infurmati bi tfal bid-dijabete
Question
B’referenza għad-diversi mistoqsijiet parlamentari li għamilt lill-Ministru fuq is-servizz ta’ nurses jew professjonisti mediċi oħra fl-iskejjel, u wara li nhar l-Erbgħa 13 ta’ Novembru 2019, iltaqa’ l-Kumitat Parlamentari fuq id-Dijabete, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux konxju li hemm każijiet ta’ tfal bid-dijabete li ġew irreġistrati mal-amministrazzjoni tal-iskola imma l-għalliema qatt ma ġew infurmati b’dan?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-Kulleġġ San Benedittu kellu każ wieħed li kien fl-iskola Primarja taż-Żurrieq fejn tifla saru jafu li għandha d-dijabete waqt il-parents' afternoon. Oħt it-tifla qalet lill-għalliema, iżda l-iskola ma kellha xejn bil-miktub.
Infurmat ukoll li fil-Kulleġġi l-oħra ma kien hemm l-ebda każ fejn l-għalliema ma ġewx infurmati.
B’referenza għad-diversi mistoqsijiet parlamentari li għamilt lill-Ministru fuq is-servizz ta’ nurses jew professjonisti mediċi oħra fl-iskejjel, u wara li nhar l-Erbgħa 13 ta’ Novembru 2019, iltaqa’ l-Kumitat Parlamentari fuq id-Dijabete, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi kkunsidrat li l-kwestjonarju li jsir meta tfal jidħlu l-ewwel darba fi skola, jibda jirrepeti ruħu kull sena għaliex hemm tfal li tkun ħarġitilhom kundizzjoni fi snin ta’ wara li jkunu bdew l-iskola u dawn jispiċċaw ma jkunux irreġistrati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-kwestjonarju li jsir fil-bidu tal-mixja skolastika tal-istudent jiġi rivedut kull sena mill-għalliem li jieħu l-klassi dik is-sena. Hija responsabbiltà tal-ġenituri/kustodji li javżaw lill-iskola b’tibdil fl-informazzjoni personali bħal indirizz residenzjali, numru/i tat-telefon, kundizzjoni medika u kull tagħrif ieħor relevanti.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti mqabbda minn SportMalta u jgħid kemm tħallsu mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif muri fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 12181 - Konsulenti mqabbda minn SportMalta .pdf
Malta Sports Scholarships – sportivi li ngħataw scholarship
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-isportivi li ngħataw scholarship taħt il-Malta Sports Scholarships? Jista’ jgħidilna kemm-il sportiv ma kwalifikax għal din l-assistenza?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mill-2012 sal-2019 ibbenefikaw 31 atleta fuq Training Programme u 85 applikant fuq korsijiet akkademiċi. Infurmat ukoll li għal dawn l-aħħar snin kull min applika taħt din l-iskema u kien eliġibbli, ibbenefika mill-Malta Sports Scholarships.
Ġenituri mressqa l-Qorti fuq assenteiżmu mingħajr raġuni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ġenituri li tressqu l-Qorti għaliex naqsu li jibagħtu lil uliedhom l-iskola mingħajr raġuni valida fil-perjodu 2017 – 2018?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-perjodu 2017-2018 kien hemm 1,880 ġenitur li tressaq it-Tribunal Reġjonali għaliex naqas li jibgħat lil uliedu l-iskola mingħajr raġuni valida.
Dawn il-ġenituri jkunu ġew irreferuti lis-sistema legali minħabba li ma jkunux taw raġuni valida lill-amministrazzjoni tal-iskejjel rispettivi meta t-tfal tagħhom fallew mill-iskola għal aktar minn tliet (3) ijiem konsekuttivi. Dan jimplika li l-ġenituri ma kkoperawx mal-iskejjel.
Aġenzija Żgħażagħ – tmexxija ta’ skate park f’Birżebbuġa
Question
Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x’inhu l-involviment tal-Aġenzija Żgħażagħ fit-tmexxija ta’ Skate Park fil-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa partikolarment dwar attivitajiet u manutenzjoni tal-istess?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li, skont il-Kuntratt li l-Aġenzija iffirmat mal-Malta Trust Foundation u l-Kunsill Lokali Birżebbuġa fil-25 ta' April 2019, l-aġenzija hija obbligata li twaqqaf core group ta' żgħażagħ responsabbli għat-tfassil tal-programm ta' empowerment taż-żgħażagħ għall-użu tal-ispazju ta' fejn hemm l-iskate park sabiex tippromwovi l-parteċipazzjoni kontinwa taż-żgħażagħ, u dan għandu jsir waqt is-servizz ta’ detached youth work li l-Aġenzija Żgħażagħ qed tagħti ġo Birżebbuġa darbtejn fil-ġimgħa. Fl-istess kuntratt huwa mniżżel ċar li t-tiswijiet u manutenzjoni se jkunu jibqgħu responsabbiltà fl-interità tagħhom tal-Kunsill Lokali Birżebbuġa, waqt li wkoll l-istess kunsill hu esklussivament responsabbli sabiex jassigura dan l-iskate park ma’ kumpanija ta' assigurazzjoni għal kwalukwe riskju ta' persuni u oġġetti u għalhekk il-Kunsill lokali huwa vestit b'kull responsabbiltà għal dan ir-rigward.
Ir-Rabat Għawdex – Skola Primarja tal-Vajringa – sadd tad-drenaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li f'dawn l-aħħar ġimgħat waqt il-ħinijiet tal-iskola ġewwa l-Iskola Primarja tal-Vajringa fir-Rabat Għawdex, qed ikun hemm sadd tad-drenaġġ u saħansitra qed kull darba jissejjaħ bowser tad-drenaġġ biex jinfetaħ is-sadd fid-drenaġġ? X'miżuri ttieħdu biex din is-sitwazzjoni ma terġax tirrepeti ruħha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mgħoddija lili, il-problema fid-drenaġġ fl-iskola tar-Rabat qed tkun ikkawżata mill-użu ta’ wet wipes li mhumiex bio degradable u għalhekk jikkawżaw sadd kontinwu. L-Iskola min-naħa tagħha qiegħdha tipprovdi kontenituri f’kull tojlit iżda mhux dejjem jiġu wżati mit-tfal.
Ġenituri li ttellgħu l-Qorti minħabba assenteiżmu ta’ uliedhom
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm ġenituri li ttellgħu l-Qorti minħabba assenteiżmu ta' uliedhom mill-iskola obbligatorja fis-sena skolastika 2018-2019 ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li n-numru ta’ studenti li l-ġenituri tagħhom ittellgħu t-Tribunali rispettivi minħabba assenteiżmu mill-iskola matul is-sena skolastika 2018-19 kien ta’ 1,283.
Il-ġenituri jkunu ġew irreferuti lis-sistema legali minħabba li ma jkunux taw raġuni valida lill-amministrazzjoni tal-iskejjel rispettivi meta t-tfal tagħhom ifallu mill-iskola għal aktar minn tlett (3) ijiem konsekuttivi. Dan jimplika li l-ġenituri ma kkoperawx mal-iskejjel.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li f’dawn l-aħħar ġimgħat, il-car park tal-karozzi li jinsab taħt l-Iskola Sekondarja u l-ground tal-istess skola ġewwa r-Rabat Għawdex, m’għadux jinfetaħ b’mod regolari għall-użu tal-pubbliku?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-car park li jinsab taħt l-Iskola Sekondarja u l-ground tal-istess skola ġewwa r-Rabat Għawdex, huwa għall-użu tal-istaff ta’ tliet skejjel (Skola Medja, Sekondarja u Sixth Form). Jinfetaħ għall-pubbliku matul il-vaganzi tal-iskola (sajf, Milied u Għid). Jinfetaħ ukoll għal xi okkażjonijiet meta jsir xi avveniment fil-belt Victoria (eż Karnival). Kull nhar ta’ Sibt jinfetaħ biex jakkomoda l-Farmer’s Market fejn l-aċċess ikun minn Triq Fortunato Mizzi; l-aċċess minn Triq l-Ewropa jinżamm magħluq biex ma jkunx hemm periklu għall-istudenti li jattendu SkolaSport kull nhar ta’ Sibt. F’dawn l-okkażjonijiet u oħrajn simili dejjem jinfetaħ fuq talba tal-Ministeru għal Għawdex.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — nefqa fuq reklamar
Question
Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar, minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li rigward in-nefqa għall-perjodu minn Ġunju 2017 sa Ottubru 2018 jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7524. Ninfurmah ukoll li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kumplament tal-informazzjoni mitluba, kif se nsemmi:
Dokument ‘A’ – Ministeru/Direttorati/Dipartimenti
Dokument ‘B’ – Entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol
Infurmat ukoll li l-entitajiet l-oħra fi ħdan il-Ministeru ma kellhomx reklamar fuq Facebook.
Attachments:PQ 11984 - Dok. 'A' - MEDE - Nefqa f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook.pdfPQ 11984 - Dok. 'B' - Entitajiet fi ħdan il-MEDE.pdf