Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imwejjed u siġġijiet — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Artijiet fuq imwejjed u siġġijiet mill-ewwel ta’ Novembru 2022 sal-aħħar ta’ Jannar 2024, indikati xahar b’xahar u skont il-lokalità?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-ispezzjonijiet dwar encroachments isiru regolarment kull xahar f’żoni sħaħ u dawn ivarjaw skont iż-żmien tas-sena. Kull fejn ikun meħtieġ jingħataw direttivi biex sidien jiġu konformi mal-permess li jkollhom. L-ispezzjonijiet isiru skont il-ħtieġa minn żmien għal żmien.

Artijiet li ġew esproprijati – Każijiet miftuħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għad baqa' każijiet miftuħa dwar artijiet li ġew esproprijati bejn l-1990 u l-1995? Jista’ wkoll jelenka lista li turi kemm hemm minn dawn il-każijiet lokalità b’lokalità?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista aġġornata tal-konsulenti li hemm fil-Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13990.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konsulent hemm fil-Ministeru tiegħu u x’livell ta’ edukazzjoni u esperjenza għandhom, speċjalment fil-qasam li l-Ministeru jirrappreżenta?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-konsulenti ġew impjegati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tal-Artijiet — Kirjiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15295, 15460 u 15886 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14573, jista' l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm daħħlet flus f’kirjiet, l-Awtorità tal-Artijiet minn fuq proprjetajiet immobbli u ċjoè fortijiet u batteriji kostali ta’ wirt nazzjonali li jaqgħu taħt fortifikazzjonijiet għal dawn l-aħħar ħames snin, fosthom Forti San Luċjan, Forti Sant’Anġlu, Forti Ricasoli, Forti Madliena fost oħrajn? Jista’ jgħid ukoll jekk inkrewx ukoll minn terzi persuni jew kumpaniji, jagħti rendikont b'kemm inkrew u jipprovdi lista ta’ rendikonti separati?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat b’dan li ġej: Forti San Luċjan: Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali; Forti Ricasoli – M’hemm l-ebda allokazzjoni; Forti Sant’Anġlu – Ingħata lill-Ordni Sovrana ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm fl-2001 għal 99 sena sas-sena 2100 skont l-Att X tal-2001 li rratifika l-ftehim tal-1998 bejn il-Gvern Malti u l-Ordni. Parti mill-Forti hija suġġetti għal għotja emfitewtika lill-Cottonera Waterfront Group skont riżoluzzjoni Parlamentari tat-13 t’April tal-1999. Parti oħra tal-Forti tinsab f’idejn Heritage Malta. Forti Madliena – Forzi Armati ta’ Malta.

Awtorità tal-Artijiet — Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni rċeviet l-Awtorità tal-Artijiet fis-sena 2023? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn għadhom pendenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Matul l-2023 l-Awtorità tal-Artijiet irċeviet 4,286 applikazzjoni għad-diversi skemi li għandha. Fl-istess perjodu ipproċessat 2,838 u għad fadal 1,448-il applikazzjoni biex il-proċess tagħhom ikun konkluż.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien/kienu d-Deputati tal-Gvern li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu/huma jagħmlu parti min xi kumitati, panels u bordijiet fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qiegħdin iservu, il-kariga li kienu/li qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ngaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, minn Ministru eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju/honoraria tagħhom? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol tagħhom, ta’ kemm-il darba attendew fil-kumitat/bord/panels u kemm tħallsu jekk jitħallsu per sitting u l-ammont li tħallsu annwali?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Membri Parlamentari min-naħa tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni jinħatru fuq il-Bord tal-Awtorita tal-Artijiet skont l-Att li waqqaf din l-Awtorità. Ma kien hemm ebda Deputati tal-Gvern f’pożizzjonijiet imsemmija fil-mistoqsija parlamentari fuq entitajiet oħra ta’ dan il-Ministeru.

Skema — konċessjoni enfitewtika

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14525 dwar proprjetà mogħtija b’enfitwesi, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx applikazzjoni għall-iskema li nieda l-Gvern u li permezz tagħha konċessjoni enfitewtika skaduta, li fil-każ tal-proprjetà inkwistjoni skadiet fl-2017, tista’ tiġi estiża għal ħamsin sena oħra?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jinġabar.

Awtorità tal-Artijiet — Hospitality and Entertainment

Question

B’referenza għar-rapport finanzjarju għas-sena 2022 tal-Awtorità tal-Artijiet, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-ħlasijiet (inklużi l-iskop u isem il-benefiċjarji/kumpaniji) li tħallsu b’konnessjoni man-nefqa fuq il-‘Hospitality and Entertainment’ imsemmija fl-istess rapport?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Awtorità tal-Artijiet — Spezzjonijiet fuq imwejjed u siġġijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Artijiet relatati ma’ imwejjed u siġġijiet mill-ewwel ta’ Jannar tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, indikati xahar b’xahar u skont il-lokalità?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jinġabar.

Awtorità tal-Artijiet — Rapporti imwejjed u siġġijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport sar mill-pubbliku jew minn entitajiet pubbliċi oħrajn lill-Awtorità tal-Artijiet fuq imwejjed u siġġijiet fl-2023?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jinġabar.

Awtorità tal-Artijiet — Skemi miftuħa

Question

Jista' l-Ministru jelenka lista tal-iskemi maħruġa mill-Awtorità tal-Artijiet li huma miftuħa fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u li turi meta fetħet kull skema, kemm kien hemm applikazzjonijiet għal kull skema u kemm-il applikazzjoni ġiet ipproċessata sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll meta ser tagħlaq kull skema?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jinġabar.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu / huma d-Deputati tal-Gvern, li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ingħataw xi kuntratt ta' konsulenza miċ-ċivil, servizz pubbliku, jew minn kumpaniji / banek fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, minn aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat x'tip ta' konsulenza kienu qed jagħtu, fejn kienu qegħdin iservu, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ingaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu ingaġġati (jekk hux b’sejħa pubblika, direct order, eċċ.) u kemm kien il-pakkett finanzjarju tagħhom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif mogħti ma hemm ebda Membru Parlamentari tal-Gvern li għandu impjieg mal-Ministeru jew f’entità taħt dan id-dekasteru.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali — Ħaddiema fuq waiting list għal servizz ta’ child care qrib il-post tax-xogħol tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fis-settur pubbliku jew fis-servizz pubbliku, ma’ dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru li bħalissa qed jistennew (fuq waiting list) biex jieħdu servizz ta’ child care qrib il-post tax-xogħol tagħhom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għażla taċ-childcare hija f’idejn il-ġenituri u t-tagħrif li qed jintalab huwa ta’ tagħrif personali li ma jinżammx mis-settur pubbliku.

Kottonera — Grand Harbour Marina - Upkeep tal-bankini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-upkeep tal-bankini madwar il-Grand Harbour Marina tal-Kottonera, għaliex hemm żoni li qed ikunu ta’ periklu u inkonvenjent għal ħafna persuni li jżuru dawn in-naħat?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

It-tweġiba se tingħata f'seduta oħra.

Home Ownership Scheme — Każijiet mhux solvuti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14962, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar kull wieħed mill-għaxar każijiet ta’ artijiet li kienu nkisbu għall-Home Ownership Scheme li fadal pendenti u jgħid x’qiegħed iżomm lill-Awtorità tal-Artijiet milli tagħmel progress u ssolvihom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li rigward il-każijiet pendenti, qegħdin isiru l-proċessi kollha necessarji sabiex jiġu konklużi. Dawn jinkludu riċerki, verifiki ta’ titoli, u tħejjija ta’ valutazjonijiet ta’ kull proprjetà skont Kapitlu 573 tal-liġijiet ta’ Malta, bl-esklużjoni tal-każ tal-Mosta li dwaru, kien hemm proċeduri fil-Qorti.

Uffiċċju Konġunt — kopja tal-korrezzjonijiet u żidiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-aħħar darba li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrezzjonijiet u żidiet fil-listi ta’ proprjetà tal-ftehim dwar it-trasferiment lill-Istat tal-proprjetà immobbli f’Malta mill-Knisja Kattolika kien fis-sena 2022 meta suppost Artiklu 4(2) tal-Att Dwar Proprjetà ta’ Entijiet Ekklesjastiċi, Kap. 358, jesiġi li din l-informazzjoni għandha titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull tliet xhur?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti li għalihom qed issir referenza tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Avviż Legali — kuntratti antiki

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar l-Avviż Legali li fil-Baġit li għadda l-Gvern semma li kellu jniedi, li permezz tiegħu jkun jista’ jitħallas kumpens f’każijiet fejn ikun hemm xi ksur ta’ kundizzjonijiet li ġejjin minn kuntratti antiki u minħabba dawn ma jkunx jista’ jsir żvilupp ġdid jew trasferiment ta’ proprjetà?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet dwar dan l-Avviż Legali jinsabu fi stadju avvanzat.