Residenza San Vinċenz de Paule – Ħaddiema li jħossuhom ma jifilħux
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-impjegati li jaħdmu f'San Vinċenz de Paule u li jħossuhom ma jifilħux waqt il-ħin tax-xogħol jistgħux jirrikorru għand wieħed mit-tobba li jkunu on duty fir-Residenza?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li meta xi impjegat iħossu ma jiflaħx waqt il-ħin tax-xogħol, sakemm ma jkunx każ urġenti u li jirrikjedi intervent immedjat, tali persuna jiġi riferut għaċ-ċentru tas-saħħa sabiex ukoll jinħareġ ċertifikat mediku lill-impjegat. Ix-xogħol tat-tobba impjegati f’San Vinċenz hu l-kura u l-ħarsien li jirrikjedu r-residenti.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva — persuni li jaħdmu bir-remote working
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
L-Onor. Interpellant għandu jkun jaf li hemm differenza bejn remote working u teleworking. Minkejja dan, ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm 96 ħaddiem fuq telework u 137 fuq remote working fil-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti taħtu.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema djar residenzjali tal-Gvern hemm ukoll librerija ta' kotba? Jista' jgħid jekk hemmx pjan li jiżdiedu dawn il-libreriji?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-djar residenzjali tal-Gvern kollha hemm librerija ta’ kotba.
Djar residenzjali tal-Gvern – Sezzjonijiet ta’ qari ta’ kotba
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru sezzjonijiet ta' qari ta' kotba fid-djar residenzjali tal-Gvern matul is-snin 2020, 2021 u fis-sena 2022 sal-lum? Jista' jgħid f'liema djar tal-anzjani saru? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern biex ikollu aktar sezzjonijiet ta' qari ta' kotba fid-djar residenzjali tiegħu?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sessjonijiet ta’ qari ta’ kotba fid-djar residenzjali tal-Gvern kienu hekk:
Sena 2020 70 sessjoni
Sena 2021 151 sessjoni
Sena 2022 sal-lum 149 sessjoni
Dawn is-sessjonijiet ta’ qari saru ġewwa d-Djar Residenzjali tal-Mosta, tal-Imtarfa, tal-Mellieħa, taż-Żejtun, ta’ Bormla u Żammit Clapp. Qegħdin f’kuntatt ma’ Malta Libraries sabiex isiru wkoll sessjonijiet ta’ qari ġewwa d-Dar Residenzjali tal-Furjana u jekk hu possibbli jiżdiedu s-sessjonijiet fid-djar kollha għalkemm il-figuri juru li kull sena s-sessjonijiet qegħdin jiżdiedu.
Residenza San Vinċenz de Paule – Sezzjonijiet ta’ qari ta’ kotba
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sezzjonijiet ta' qari ta' kotba jiġux organizzati għar-residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Jista' jgħid kemm-il darba jsiru u x'inhuma l-pjanijiet tiegħu biex aktar residenti jkollhom l-opportunità jattendu għal dawn is-sezzjonijiet?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-sezzjoni tal-Active Ageing Unit għandha r-responsabbilità li torganizza attivitajiet soċjali, kulturali, fiżiċi u reliġjużi għar-residenti ta’ SVP. Hemm programm fejn kull sala jkollha attività kuljum. Il-qari huwa wieħed minn dawn l-attivitajiet.
Residenza San Vinċenz de Paule – servizz b’xejn ta’ televiżjoni għar-residenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paule humiex intitolati għas-servizz b'xejn ta' televiżjoni? Jekk le, jista' jgħid x'inhuma r-rati li qed iħallsu l-anzjani sabiex ikun jista’ jkollhom aċċess għas-servizz ta' televiżjoni fil-kmamar li qegħdin jirrisjedu?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-swali kollha joffru s-servizz tat-televiżjoni b’xejn fil-common area ta’ kull sala. Servizz ta’ televiżjoni ħdejn is-sodda huwa suġġett ta’ ftehim bejn ir-resident u l-kumpanija li tipprovdi s-servizz ġewwa SVP.
Residenza San Vinċenz de Paule – kuntrattur inkarigat mit-tindif
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-penali kollha li jimponu fuq il-kuntrattur ta' tindif, li l-isem tal-kumpanija tiegħu qed jintbagħat separatament, fir-Residenza San Vinċenz de Paule f'każ illi l-kuntrattur jonqos mill-obbligi tiegħu kuntrattwali? Jista' jgħid f'liema każijiet il-kuntrattur qiegħed jimponi dawn il-penali fuq l-impjegati tiegħu u jekk humiex qegħdin jitnaqqsu direttament mis-salarji ta' dawn l-impjegati?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-penali li jistgħu jiġu imponuti f'każ illi l-kuntrattur jonqos mill-obbligi tiegħu kuntrattwali huma skont it-tender CT 2374/2018 Artiklu 19 li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Is-servizz li jingħata minn din il-kumpanija hija ta’ livell għoli u qatt ma ngħataw penali. San Vinċenz għandu kuntratt ma’ min jipprovdi s -servizz iżda ma jidħolx fuq is-salarji tax-xogħol tal-ħaddiema tiegħu.
Residenza San Vinċenz de Paule – kuntrattur inkarigat mit-tindif
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kuntrattur, li l-isem tal-kumpanija tiegħu qed jintbagħat separatament, reċentement żammx laqgħa fir-Residenza San Vinċenz de Paule għall-impjegati tiegħu sabiex jgħarrafhom dwar it-tnaqqis li se jkun qed isir direttament mis-salarji tagħhom għall-penali li jistgħu jiġu imposti fuqhom? Jista' jagħti aktar dettalji dwar din il-laqgħa u jekk l-impjegati tal-kuntrattur għandhomx ukoll l-istess proċedura ta' dixxiplina li teżisti għall-impjegati li jaħdmu mal-Gvern?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li San Vinċenz joffri l-faċilità biex kuntrattur ikun jista jiltaqa’ mal-ħaddiema tiegħu. San Vinċenz għandu kuntratt ma’ min jipprovdi s-servizz iżda ma jidħolx fuq il-ftehim u l-kundizzjonjiet tax-xogħol tal-ħaddiema tiegħu.
Anzjani li jgħixu fil-komunità – servizz ta’ internet b’xejn
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex qed jiġi offrut internet b'xejn lill-anzjani li jgħixu fil-komunità? Jekk iva, jista' jgħid kemm hawn anzjani jibbenefikaw minn dan is-servizz?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed tipprovdi faċilità ta’ internet b’xejn ġewwa ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Anzjanità Attiva. Sadanittant l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qeda taħdem mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni biex jagħmlu parti mill-iskema “Skontijiet għall-Anzjani” sabiex persuni li għandhom ‘il fuq min 60 sena jkunu jistgħu jibbenefikaw minn offerti fuq pakketti li jinkludu wkoll l-internet. Bħalissa hemm żewġ operaturi ewlenin, li huma l-GO u l-EPIC, li joffru pakketti mraħħsa ta’ internet fuq mobile lill-anzjani.
L-informazzjoni mingħand l-operaturi għadhom qed jgħadduha lill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u tingħata f’seduta oħra.
Residenza San Vinċenz de Paule – Wi-Fi bla ħlas fis-swali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jipprovdix Wi-Fi bla ħlas fis-swali tar-Residenza San Vinċenz de Paule apparti fiż-żoni komuni u fid-day-room tas-swali u l-btieħi tar-Residenza? Jekk le, jista' jgħid meta se jkun qed jipprovdi Wi-Fi bla ħlas?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minbarra s-servizz ta’ wifi li diġa’ jeżisti fl-ispazji miftuħin ta’ San Vinċenz de Paul, kif ukoll fiż-żoni ta’ fejn jieklu r-residenti u ż-żoni komuni, riċentament is-servizz ġie estiż ukoll f’aktar postijiet.
Dan wara li sar proġett pilota fejn iddaħħal is-servizz tal-wifi ġewwa l-kmamar tas-sodda f’żewġt iswali fuq perjodu ta’ sitt xhur.
Dan il-proġett pilota kien suċċess u issa qed isir l-ippjanar biex il-wifi b’xejn jiġi estiż fis-swali kollha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jipprovdix Wi-Fi bla ħlas fid-djar residenzjali tal-anzjani tiegħu? Jekk iva, jista' jikkonferma li l-Wi-Fi bla ħlas jiġi pprovdut ukoll fil-kmamar tal-anzjani?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jipprovdi Wi-Fi bla ħlas fid-djar residenzjali tal-anzjani tal-gvern kollha. Dan is-servizz qed jiġi pprovdut ukoll fil-kmamar tal-anzjani.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm carers jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Jista' jgħid kemm minnhom huma impjegati tal-Gvern u kemm minnhom huma impjegati mal-kuntrattur? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom huma barranin?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li n-numru ta’ carers li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paule huwa 223 li jinkludu Health Carer I, Health Carer II u Senior Health Carer. Dawn huma impjegati tal-Gvern u kollha Maltin. Il-carers tal-kuntrattur jammontaw għal 493. Minnhom, hemm 380 li huma barranin.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva – proġetti kapitali
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proġetti kapitali li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew taħt xi entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu li għaddejjin bħalissa u wkoll dawk li se jkunu qed jinbdew f'din is-sena?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni ser titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paule fil-preżent? Jista' jgħid kemm minnhom huma residenti rġiel u kemm minnhom huma residenti nisa?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li n-numru ta’ residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paul huwa ta’ 1,338 resident. Minn dawn, 445 huma rġiel waqt li 893 huma nisa.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva – uffiċjali li ħadu sehem fi programm televiżiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar ħlas, u d-data, mill-Ministeru u lil min, inkluż One TV u One Productions, mill-2017 sal-lum biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1296 u 1518 u jgħid minn min hu kompost il-Foundation for Senior Citizen Services Board? Jista' jgħid x'inhuma r-remunerazzjoni, ħlas u benefiċċju li qed jirċievu dawn il-membri, jekk inhu l-każ?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpelanta li l-‘Foundation for Senior Citizen Services Board’ huwa kompost kif ġej:
Chair: Sa Joyce Debono
Membri: Is-Sur Julian Fearne
Is-Sur Frank Masini Vento
Sa Karen Schembri
Is-Sur David Degiorgio
Segretarju: Is-Sur Saviour Galea
Ir-remunerazzjoni taċ-Chairperson hi € 2,366.42 fis-sena u tal-membri/segretarju hi €1,014.18 fis-sena. Dan hu skont il-‘Manual for Setting the Categorization and Remuneration of Government-Appointed Boards and Committees’.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva – Chairpersons, membri tal-bordijiet u entitajiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 172 u 1517 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista taċ-Chairpersons, membri tal-bordijiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari 1871, 1872, 1873, 1874, 1875 li ngħataw fis-seduti 22 u 23.
Għar-rigward tal-entità ‘Social Care Standards Authority, il-Bord hu kompost kif ġej:
Chair: Dr Charles Gauci
Viċi Chair: Is-Sur Joseph Calleja
Membri: Is-Sur Jorgen Souness
Is- Sur Matthew Vella
Sa Philomena Meli
Is-Sur Robert Mallia
Dr Svetlana Sammut
Segretarja: Sa Lisa Cassar
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna Dementia Activity Centres f'pajjiżna? Jista' jgħid liema huma dawn iċ-ċentri u kemm hemm persuni jattendu f'kull ċentru?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Malta u Għawdex hemm erba’ Dementia Activity Centres li huma:
Ċentru għall-persuni bid-dimensja Ħal Safi – jattendu 22 persuna li jgħixu bid-dimensja.
Ċentru għall-persuni bid-dimensja Mtarfa – jattendu 30 persuna li jgħixu bid-dimensja.
Ċentru għall-persuni bid-dimensja Dar Padova, Għajnsielem – jattendu 8 persuni li jgħixu bid-dimensja.
Ċentru għall-persuni bid-dimensja San Vinċenz de Paul – jattendu 23 persuna li jgħixu bid-dimensja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm carers jaħdmu f'kull Dementia Activity Centre f'pajjiżna? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn il-carers għandhom kwalifiki fid-Dementia u tal-anqas għandhom l-Awards in Dementia Studies MQL4? Jista' jgħid f'liema ċentri jaħdmu dawn il-carers?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’kull ċentru għall-persuni bid-dimensja jkun hemm numru għoli ta’ carers. Dawn jeħtieġu kwalifiki u esperjenza sabiex tingħata l-aħjar kura lil dawk li jattendu. Saru numru ta’ korsijiet fuq id-dimensja matul is-snin u l-carers kollha huma imħeġġa biex jibqgħu jistudjaw fil-qasam.
Ċentru għall-persuni bid-dimensja Ħal Safi: 10 Carers
5 għandhom Award in Dementia Care Level 4
4 għandhom Introduction to Dementia Care Course
1 għandha Dementia Knowledge Course li kien parti mill-programm tal-Capacity Building – ESF 4.24 .
Ċentru għall-persuni bid-dimensja Mtarfa: 8 carers
8 għandhom Introduction to Dementia Care Course u Mental Health First Aide course.
Ċentru għall-persuni bid-dimensja Dar Padova: 9 Carers
9 għandhom Award in Dementia Care Level 4.
Ċentru għall-persuni bid-dimensja San Vinċenz de Paul: 12-il Carer
5 għandhom Dementia Care Practise Course LAS 1102
7 għandhom Dementia Knowledge Course li kien parti mill-programm tal- Capacity Building – ESF 4.24
Residenza San Vincenz de Paule – Anzjani fuq il-waiting list
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew fuq il-waiting list biex jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Jista' jgħid jekk hemmx aktar minn waiting list waħda u jekk iva, jista' jgħid kemm hemm fuq il-waiting list f'kull kategorija?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk meqjusa mill-ispeċjalisti li huma ta’ Kategorija 1 (urġenti) fil-mument hemm 9 persuni fuq il-waiting list biex jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paule. F’kategorija 2 (inqas urġenti), jirriżulta li hemm 20 persuna jistennew.
Fiż-żewġ ċirkostanzi jsir kull sforz biex jiġu akkomodati kemm jista’ jkun malajr, perjodu li jista’ jvarja minn ftit jiem sa ftit ġimgħat. Dejjem jiddependi minn ħafna ċirkostanzi, inkluż id-disponibilità tas-sodod.