Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Gżira — Triq San Albert – Xogħlijiet

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li saru minn kuntrattur imqabbad mill-Enemalta fi Triq San Albert (upper), il-Gżira, tista’ l-Ministru tgħid meta se jitlestew dawn ix-xogħlijiet, peress li minkejja li l-Ministru qalet li se jitlestew fil-jiem li ġejjin, dawn għadhom ma tlestewx?

Response (DALLI, MIRIAM)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17739 għedt li x-xogħol fit-triq indikata mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin u hekk għadu mmirat li jsir.

Water table — Testijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk f'dawn l-aħħar sitt xhur, u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, sarux testijiet tal-ilma li jinsab fil-water table? Jekk fl-affermattiv, tista’ tissottometti lista ta' fejn saru dawn it-testijiet, f'liema fond saru u jekk instabux xi kontaminazzjonijiet f'dan l-ilma? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati ta' dawn it-testijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwalità tal-ilma tal-pjan (water table) tiġi analizzata permezz ta’ kampanja ta’ monitoraġġ li ssir darbtejn fis-sena. L-aħħar kampanja ta’ monitoraġġ saret fit-tieni nofs tas-sena 2023, waqt li dik għall-ewwel nofs tas-sena 2024 tinsab għaddejja f’dawn il-ġimgħat. Il-moniteraġġ isir fi 43 sit f’Malta u Għawdex li jkopru l-korpi tal-ilma tal-pjan kollha fil-gżejjer Maltin. Il-fond li fih jittieħdu l-kampjuni jvarja u jirrifletti l-fond taż-żona ta’ saturazzjoni (wiċċ tal-water table) taħt l-art. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella għat-tieni nofs tas-sena 2023.

Kontravenzjoniet ambjentali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm kontravenzjoniet ambjentali mill-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-24 ta’ April 2024, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet 981 multa amministrattiva fuq ksur ta’ liġijiet ambjentali li ġew investigati minnha u l-valur tagħhom ivarja bejn €150 u €37,500. Inħarġu wkoll ħames (5) Ordnijiet ta’ Waqfien u Konformità fuq illegalitajiet ambjentali matul is-sena 2023 u ġew riferuti seba’ (7) każijiet lill-Pulizija Eżekuttiva għal proċeduri legali quddiem il-Qrati ta’ Malta.

Ix-Xlendi – Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Parkeġġ

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12419 dwar il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi, tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-preparamenti dwar il-pumping station adekwata u jinbidlu wkoll il-pajpijiet li jwasslu għas-sentina? Tista’ tgħid ukoll meta (xahar u sena) hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li min-naħa tagħha, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet il-preparamenti kollha relatati mal-bini tal-pumping station. Il-Korporazzjoni, li mhix responsabbli mill-proġett fit-totalità tiegħu, qed tistenna l-pjanti finali tal-parkeġġ biex tkun tista’ tgħaddi għall-fażi li jmiss fejn jidħlu x-xogħlijiet li jridu jsiru minnha.

Il-Qrendi — Upgrade tas-sistema tad-distribuzzjoni TAL-ELETTRIKU - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan li juri liema xogħlijiet ta’ upgrade tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku se jsiru fil-Qrendi u meta? Tista’ tgħid ukoll liema toroq se jkunu magħluqin minħabba dawn ix-xogħlijiet, u minn meta sa meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Qrendi, bħala parti mit-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, l-Enemalta kumissjonat żewġ cables ġodda ta’ 11-kilvolt fuq livell ta’ vultaġġ medju kif ukoll sar investiment ta’ switchgear ġdid f’substation fl-istess lokalità. S’issa, din is-sena, għadu mhux ippjanat li se jingħalqu toroq f’din il-lokalità minħabba xi xogħlijiet.

Ħal Kirkop — Upgrade tas-sistema tad-distribuzzjoni - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan li juri liema xogħlijiet ta' upgrade tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku se jsiru f'Ħal Kirkop u meta? Tista’ tgħid ukoll liema toroq se jkunu magħluqin minħabba dawn ix-xogħlijiet u minn meta sa meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Ħal Kirkop, bħala parti mit-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elttriku, Enemalta poġġiet 4 cables ġodda fuq livell ta’ vultaġġ medju u 3 feeder cables ġodda fuq livell ta’ vultaġġ baxx. Barra minn hekk, sar switchgear ġdid ta’ 11-kilovolt ġewwa waħda mis-substations fl-istess lokalità. Bħalissa għaddej xogħol ta’ skavar fi Triq il-Fieres u Triq L-imdina biex jitqiegħdu żewġ cables fuq livell ta’ vultaġġ baxx minn substation fil-viċin. Ix-xogħol ta’ skavar u tat-tqegħid tal-cables huwa previst li jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin. Kif jintemmu dawn ix-xogħlijiet, il-cables il-ġodda jiġu enerġizzati.

Enemalta — Tenders

Question

Tista' l-Ministru telenka t-tenders li l-Enemalta ppubblikat bejn l-24 ta’ Diċembru 2023 u t-2 ta’ Jannar 2024? Tista’ tgħid ukoll meta għalqu u min kienu l-bidders għal kull waħda, inkluż tat-tender ippubblikat fis-26 ta’ Diċembru 2023?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li Enemalta ma ppublikat l-ebda tender bejn id-dati indikati (iż-żewġ dati inklużi).

Għawdex — Second class water għall-bdiewa

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tas-second class water għall-bdiewa ġewwa Għawdex u tgħid meta hu ppjanat (xahar u sena) li jibda jintuża mill-bdiewa ta' diversi nħawi differenti f'Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-installazzjoni tal-pedestalli u smart dispensers f’Għawdex hi ppjanata li tkun kompluta fil-ġimgħat li ġejjin. Bħalissa qed isir ukoll it-tqegħid tal-fibre optic cable taħt l-art li jifforma parti integrali minn dan il-proġett. Huwa mmirat li s-sistema l-ġdida tan-new water f’Għawdex għandha tibda tiġi ttestjata u kummissjonata fit-tielet kwart ta’ din is-sena.

San Pawl tat-Tarġa — Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tassigura li x-xogħol għas-servizzi li qed isir fiż-żona ta' San Pawl tat-Tarġa jimxi b'pass imgħaġġel u li x-xogħol joħloq l-inqas inkonvenjent possibli għar-residenti? Tista’ tgħid ukoll x'passi qegħdin jittieħdu biex tiġi mħarsa s-saħħa tar-residenti u tgħid meta hu ppjanat li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fin-Naxxar, l-Enemalta qed tqiegħed cables ġodda biex tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Ninsab infurmata li dan ix-xogħol ta’ rinfurzar f’din iż-żona jinsab fl-istadji finali tiegħu u t-toroq li diġà tlesta x-xogħol fihom qed jiġu asfaltati. F’toroq oħrajn qed jinbena culvert taħt l-art u kif jitlesta, dawn it-toroq ukoll se jingħataw l-asfalt skont il-permessi maħruġin minn Transport Malta. F’kull xogħlijiet li jsiru, l-Enemalta tara li jittieħdu u jiġu mħarsa l-miżuri kollha ta’ saħħa u sigurtà.

Laqgħat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema laqgħat attendiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistennija tattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7206, ninfurmah li f’Marzu ta’ din is-sena attendejt għal-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali tal-Enerġija.

Iż-Żurrieq – Applikazzjonijiet għal spazji miftuħa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17166 dwar spazji miftuħa fiż-Żurrieq, peress li l-applikanti konċernati huma Kunsilli Lokali u ċjoè entitajiet governattivi ffinanzjati mit-taxxi tal-poplu, tista’ l-Ministru tara li tali informazzjoni tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għaldaqstant tirrikonsidra d-deċiżjoni tagħha u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-photo montages / 3D visuals, inkluż il-pjanti u stimi ta' kull proġett sottomess, kemm dawk approvati u kemm ta' dawk li ma kenux approvati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Fid-dawl tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17166, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Il-Magħtab — Kumpless tal-WasteServ - Miżuri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri hemm fis-seħħ bħalissa biex il-plastik u skart ieħor mill-konfini tal-kumpless tal-WasteServ fil-Maghtab ma jinxteridx fl-għelieqi fil-qrib, mal-kosta u fil-baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-WasteServ timplimenta diversi miżuri biex tnaqqas it-tixrid ta’ materjal waqt irjiħ kbar. Madankollu l-iktar element importanti f’din il-ħaġa hija s-separazzjoni tal-iskart b’mod korett sabiex ikompli jitnaqqas l-ammont ta’ plastik li jispiċċa fil-miżbla. Il-miżuri jinkludu tindif kontinwu tal-kumpless, li l-miżbla tinżamm mgħottija b’saff ta’ ġebel gradat apparti ċ-ċellolla li tkun qed tintuża, użu ta’ xbieki tal-ħadid biex jilqgħu materjal li jkun qed itir, kif ukoll it-twaqqif tal-operat waqt kundizzjonijiet estremi.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000, li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Ottubru 2023?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W92.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Programmi tar-radju - Nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq programmi tar-radju mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn il-programmi, kif ukoll tipprovdi l-isem tal-programmi u l-istazzjon tar-radju li l-Ministeru xtara airtime? Tista' tindika wkoll liema minn dawn il-programmi kienu intervisti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bejn Jannar u Marzu 2024, ARMS Ltd. xtrat airtime waqt il-breakfast show ta’ One Radio sabiex tipparteċipa f’sensiela ta’ intervisti edukattivi. Dawn swew €330.45 (VAT eskluża).

Awtorità tal-Ippjanar — Applikazzjonijiet li jinħtieġu Environmental Impact Assessment

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm u liema huma l-applikazzjonijiet li jinħtieġu Environmental Impact Assessment għand l-Awtorità tal-Ippjanar fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari li għadhom ma ġewx deċiżi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hija r-regolatur tal-Valutazzjoni Ambjenatali skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti dwar il-Valutezzjoni tal-Impatti Ambjentali (LS 549.46), fejn proġetti ta’ skala jew natura li hi regolata mill-imsemmijin Regolamenti huma suġġetti għall-istudji skont dawn ir-regolamenti li jinizjaw b’Deskrizzjoni tal-Proġett (Project Description Statement) li fih isir skrutinju inizjali li jista’ jirriżulta fi studju iktar dettaljat pemezz ta’ Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (Environment Impact Assessment). Fil-preżent għand l-ERA hemm erbatax (14) -il istudju li għadhom mhumiex konklużi. Il-każijiet għandhom dawn in-numri ta’ referenza PA/05908/23, PA/05665/18, PA/00437/23, PA/04375/19-PA/04647/20-PA/04648/20, PA/02897/16, PA/08471/19-PA/04783/20, PA/01123/20, PA/04863/22, PA/08809/19, PA/00060/20, PA/02106/21, PA/07254/22, PA/06096/23, PA/04576/19.

Ħal Kirkop – Substation

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18102, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan ta’ fejn se tinbena s-substation f’Ħal Kirkop?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi kopja tas-site plan fuq il-Mejda tal-Kamra.

ERA — Siġar protetti

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17700 u tgħid x’inhu l-ammont totali ta’ siġar protetti li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tat l-approvazzjoni tagħha biex jinqalgħu, mill-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inklużi dawk li sussegwentement ġew trapjantati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tħaddem prassi stretta u metikoluża meta tintalab tagħti l-approvazzjoni tagħha fuq tali interventi, bil-prijorità assoluta li kull fejn possibbli ma tintmiss ebda siġra protetta. Id-direzzjoni ċara hija li jiżdiedu s-siġar madwar il-pajjiż kollu, mhux li jitneħħew mingħajr raġuni. Hemm sitwazzjonijiet fejn l-ERA tintalab tagħti l-approvazzjoni fuq siġar li ma jkunux jistgħu jiġu kollha inkorporati fi proġett, fuq siġar li jkunu qed jagħmlu ħsara fi proprjetà ta’ terzi u joħolqu periklu għan-nies, u fuq siġar li jkunu mimsusa minn mard. F’dawn il-każijiet, l-ERA trid tiċċertifika li l-ġustifikazzjoni hija valida, permezz tal-arboristi kwalifikati li jistudjaw is-sitwazzjoni. Meta dan il-proċess jirriżulta f’approvazzjoni, l-ERA tinsisti fuq numru minimu ta’ siġar milquta. L-ERA tagħmel ukoll l-almu tagħha biex is-siġar li jintmissu jkunu salvati u għalhekk tesiġi li dawn jerġgħu jitħawlu malli jkun possibbli. Fejn ma jkunx fattibbli li jinżammu fl-istess post jew fil-viċinanzi, is-siġar jiġu trapjantati x’imkien ieħor. Fil-fatt, fl-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tat l-approvazzjoni biex jiġu trapjantati 3,371 siġra protetta. Iżda n-natura ta’ ċerti speċi ta’ siġar, iż-żmien li jkollhom jew saħansitra l-post fejn ikunu mħawlin ġieli jagħmluha diffiċli ħafna biex isalvaw la darba jintmissu minn fejn ikunu. F’każijiet bħal dawn, fejn ma jkunx jista’ jsir mod ieħor, l-ERA tobbliga biex bħala kumpens jitħawlu għadd ta’ siġar għal kull waħda li titneħħa, kif stipulat fil-liġijiet ambjentali. Fil-fatt, fis-seba’ snin li għaddew, bħala kumpens għal 3,714-il siġra ta’ dan it-tip, l-Awtorità talbet li flokhom jitħawlu total ta’ 18,404 siġra protetta. Dan ifisser li bħala medja, għal kull siġra li ntilfet, l-ERA imponiet li jitħawlu 5 siġriet protetti ġodda.

Statistika ta' kemm vetturi qalbu għal gass taħt l-iskema offruta mill-Gvern

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18250 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika ta' kemm-il vettura għamlet il-qalba għal gass taħt l-iskema offruta mill-Gvern minn meta bdiet topera l-iskema sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18250.

Tender għal ‘lease and operation of 60MW power generation plant 2023’

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18094, u fid-dawl tal-fatt li ż-żmien għall-appell skada, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni li turi l-esperjenza fil-kiri ta’ power stations li ddikjara kull offerent b’rabta mad-dokument tat-tender bir-referenza GN/DPS/T/4036/PC3/2023 bit-titlu ‘Lease and operation of 60MW power generation plant 2023’?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Artiklu 2.5 tar-Regoli Ġenerali li Jirregolaw Offerti (General Rules Governing Tenders) tad-Dipartiment tal-Kuntratti, li jirriflettu l-pożizzjoni skont il-liġi applikabbli, jgħid hekk: An economic operator may, where appropriate and for a particular contract, with regard to criteria relating to economic and financial standing and to criteria relating to technical and professional ability, rely on the capacities of other entities, regardless of the legal nature of the links which it has with them. With regard to criteria regarding educational and professional qualifications, or to relevant professional experience, economic operators may however only rely on the capacities of other entities where the latter will perform the works or services for which these capacities are required. Where an economic operator wants to rely on the capacities of other entities, it must in that case prove to the contracting authority that it will have at its disposal the resources necessary, for example, by producing an undertaking by those entities to that effect. Fir-rigward tat-tender li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, l-offerenti kienu mitluba jissottomettu lista ta’ kuntratti li jinvolvu l-kiri t’impjanti għal ġenerezzjoni tal-elettriku mwettqa b'mod sodisfaċenti matul l-aħħar tliet snin – jiġifieri 2021, 2022, u 2023 – u li għandhom valur totali minimu ta’ €10 miljun, b’wieħed minn dawn il-kuntratti jrid ikollu valur minimu ta’ €5 miljun. L-informazzjoni mogħtija mill-Offerenti tista’ tkun kummerċjalment sensittiva, kif ukoll tappartjeni lil entitajiet terzi li m’humiex involuti direttament f’dan il-proġett. Għaldaqstant, qed tingħata biss informazzjoni dwar l-Offerenti, min wettaq il-proġetti ndikati minnhom, kif ukoll il-valur totali tal-proġetti matul it-tliet snin indikati: 1. L-Offerent MPDV ippreżenta l-esperjenza minn proġetti relatati kuntrattati mill-impriża konġunta VPower Holdings Ltd li jammontaw għal madwar €386 miljun. 2. L-Offerent UNEC ippreżenta l-esperjenza minn proġetti relatati kuntrattati mis-sottokuntrattur Altaaqa Alternative Solutions Global FZE li jammontaw għal madwar €100 miljun. 3. L-Offerent APR ippreżenta l-esperjenza minn proġetti relatati kuntrattati minn APR stess li jammontaw għal madwar €112-il miljun. 4. L-Offerent Aggreko ppreżenta l-esperjenza minn proġetti relatati kuntrattati minn Aggreko stess li jammontaw għal madwar €46 miljun. B’hekk l-offerenti kollha ssodisfaw il-kriterji ta’ esperjenza rigwardanti kuntratti li jinvolvu l-kiri t’impjanti għal ġenerezzjoni tal-elettriku.

Miżuri ta’ protezzjoni — Armier

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk itteħdux miżuri biex tiġi protetta ż-żona fuq ir-ramel tal-bajja tal-Armier fejn ftit tal-ġimgħat ilu tgħaffġet speċi protetta ta’ fjura waqt li saru xi xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħadmet flimkien m’Ambjent Malta biex ġew installati numru t’arbli, ħbula u tabelli biex tiġi iżolata żona fejn hemm speċi importanti u/jew protetti fil-bajja tal-Armier.