Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – kuntratti ma’ influencers
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru u/jew kwalunkwe awtoritajiet/aġenziji li jaqgħu taħtha għandhomx kuntratti ma’ influencers biex jippromwovu l-ħidma tal-istess Ministeru u/jew aġenziji lill-udjenza tagħhom fuq pjattaformi tal-media soċjali? Jekk iva, tista’ għal kull kuntratt tgħid kemm intefqu flus fi promozzjonijiet sa mill-bidu tal-ftehim?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, l-unika entità li għandha kuntratt ma’ influencer hija l-Aġenzija Project Green. L-iskop ta' dan il-kuntratt hu li titqajjem kuxjenza dwar is-siti ħodor li tamministra l-aġenzija u anke l-avvenimenti li jsiru fihom. S’issa għadu ma sar l-ebda ħlas.
WSC – xogħlijiet mir-roundabout tas-Salini lejn in-Naxxar
Question
B'referenza għax-xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li għaddejjin bħalissa mir-roundabout tas-Salini, Naxxar, lejn in-Naxxar, tista' l-Ministru tikkonsidra li tinfetaħ għat-traffiku karreġġjata waħda sakemm ix-xogħlijiet li jkunu qegħdin isiru jippermettu dan u dan sabiex possibbilment titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku li qiegħed ikun hemm fiż-żona speċjalment fil-ħinijiet ta' filgħodu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-arranġament suġġerit minnha kien ġie kkunsidrat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma imma rriżulta li ma setax jiġi attwat, primarjament minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Dan ġie stabbilit fi studji li l-Korporazzjoni għamlet flimkien m’entitajiet oħra responsabbli mill-immaniġġjar tat-traffiku kif ukoll bl-użu ta’ trial pits qabel ma nbdew ix-xogħlijiet fuq is-sit.
It-trinka li hija fonda 1.2 metri tinsab kważi f’nofs it-triq u minħabba li hemm servizzi oħrajn għaddejjin taħt il-wiċċ tat-triq il-pożizzjoni tat-trinka mhijiex dejjem fid-dritt. Barra minn hekk, il-parti tat-triq li mhix imħaffra qiegħda tintuża mill-inġenji u l-makkinarju sabiex isir xogħol ta’ tħaffir, ġarr, kif ukoll jitniżżlu l-pajpijiet u jingħata l-konkos fuq il-partijiet li jkunu lesti. Il-Korporazzjoni qiegħda taħdem id f’id mal-kuntrattur sabiex ir-rata tax-xogħol tkun massimizzata. Dan jixhdu l-fatt li s’issa diġà tqiegħdu aktar minn 800 metru ta’ mejnijiet tal-ilma ġodda f’din it-triq.
Il-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma qed tagħmel dan il-proġett b’investiment ta’ €3.5 miljun biex ittejjeb sostanzjalment in-netwerk ewlieni tad-distribuzzjoni tal-ilma għax-xorb li jforni eluf ta’ klijenti f’lokalitajiet differenti fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Dan il-proġett huwa meħtieġ biex jissodisfa t-talbiet attwali u futuri tal-ekonomija u l-popolazzjoni li qed tikber ta' dan ir-reġjun, u biex jindirizza t-tħassib dwar pressjoni baxxa tal-ilma.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6369 dwar xogħol marbut man-new water fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, fejn intqal li x-xogħlijiet relatati mal-proġett fi Triq Għajn Tuffieħa kienu mistennija jitlestew sal-aħħar ta' Marzu, tista' l-Ministru tgħid fiex waslu dawn ix-xogħlijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba li tajt lill-Onor. Interpellanta għall-mistoqsija parlamentari 8377, ninsab infurmata li t-tqegħid tal-mejnijiet relatati mal-ewwel fażi huwa lest. Għalkemm il-pjan oriġinali kien li wara li jsiru l-mejnijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kellu jingħata l-asfalt lill-wiċċ tat-triq b’mod komplut minn entità oħra, dan ix-xogħol ġie pospost għal iktar tard matul din is-sena. Għaldaqstant, il-Korporazzjoni ddeċidiet li fil-jiem li ġejjin jingħata l-asfalt fuq il-wiċċ tat-trinka li saret.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6369 dwar xogħol marbut man-new water fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, fejn intqal li l-proġett fi Triq Għajn Tuffieħa kellu jitlesta sal-aħħar ta' Marzu, u peress li dan għadu mhux lest u s-sitwazzjoni preżenti f’din it-triq hija ta’ periklu kbir minħabba li għad hemm partijiet miksijin bil-konkos u minħabba fihom sewwieqa qed ikollhom imorru n-naħa l-oħra tat-triq, tista’ l-Ministru tieħu l-azzjoni neċessarja sabiex il-periklu kontinwu li sseħħ xi treġedja f’din it-triq jitneħħa?
B'referenza għall-arblu li jidher fir-ritratt li qed jintbagħat separatament u li jinsab fi Triq il-Konz, San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tara x’inhi l-possibilità li dan l-arblu jitneħħa u li s-servizzi, inkluż tad-dawl, li qegħdin jgħaddu permezz ta' dan l-arblu jsiru taħt it-triq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li l-arblu li jidher fir-ritratt qed jipprovdi l-provvista tad-dawl lil numru ta’ residenti fi Triq il-Konz. Biex isir dak li qed tipproponi l-Onor. Interpellanta, l-Enemalta jkollha tidħol fi proprjetà privata biex twaħħal il-brackets u l-wires mal-faċċati tad-djar.
Kif isir f’kull każ simili, l-Enemalta tkun lesta tgħaddi l-cables u l-linji f’culvert taħt l-art jekk dan jiġi provdut mill-proprjetarji tul il-medda tat-triq u anke fil-parapetti tagħhom. Anke jekk isir hekk, teknikament xorta jkun jinħtieġ li jkun hemm feeder pillar (kaxxa tad-dawl) għat-terminazzjoni tal-cables u tkun trid tinstab soluzzjoni kif il-cables għall-meters tad-dawl jidħlu fid-djar tan-nies minn taħt l-art.
San Ġiljan – Spinola – xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8567, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet b’rabta mar-riġenerazzjoni tal-pjazza/ġnien ta’ Spinola?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li, fir-rigward taż-żona li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, preċiżament fi Triq Paceville San Ġiljan, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġiet ikkonsultata dwar bdil ta’ servizzi li ried isir waqt xogħlijiet oħra li se tagħmel Infrastructure Malta. Min-naħa tagħha l-Korporazzjoni identifikat il-ħtieġa li jinbidel il-main tad-drenaġġ u għal dan il-għan qed tħejji method statement li se jiġi sottomess lil Infrastructure Malta fil-jiem li ġejjin. Ix-xogħlijiet infushom imbagħad se jitwettqu minn Infrastructure Malta.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet li ssir latrina pubblika fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġnien imsemmi Project Green tipprovdi biss assistenza fil-manutenzjoni tas-soft areas u għaldaqstant nitolbu sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont ta' kull bidla fis-software u/jew firmware, kemm upgrade u/jew downgrade, li saret b'mod remot fuq il-meters tal-elettriku tal-konsumaturi minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ f'kull każ tgħid meta ġiet "pushed" din il-bidla, x'kien l-għan (security fix, patch, new features eċċ.), kemm kienu l-meters li fuqhom saret din il-bidla, u minn liema version għal liema version kien it-tibdil?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta m’għamlet l-ebda bidla fis-software u/jew firmware, la upgrade u lanqas downgrade fuq il-meters tal-elettriku, kemm lokali u lanqas b’mod remot.
Tista’ l-Ministru tagħti update fuq il-mistoqsija parlamentari 23751 li ġiet mistoqsija fit-Tlettax-il Leġiżlatura u tgħid jekk huwiex possibbli ssir zebra crossing biswit ix-showroom tal-Harley-Davidson fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard fejn it-triq tranġat minħabba l-proġett tas-Central Link?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid liema studji dwar il-wind farms ġewwa Malta saru f’isem il-Gvern ta’ Malta, jew mill-Gvern ta’ Malta, matul is-snin? Meta saru dawn l-istudji? X’kienu r-riżultati ta' dawn l-istudji? Tista’ tqiegħed kopja ta' dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ikkummissjonatx rapporti dwar ‘land reclamation’? Jekk ma kkummissjonatx tali studji, tista’ tgħid jekk l-ERA ddiskutietx rapporti dwar dan is-suġġett li ġew ikkummissjonati minn entitajiet oħra? Jekk iva, liema kienu tali rapporti? Jekk le, meta hu mistenni li l-ERA tikkummissjona rapporti bħal dawn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 12729 u 12730 tat-XIII-il leġiżlatura, u 8212 ta’ din il-leġiżlatura. Fil-frattemp, fir-rigward ta’ kwalunkwe żviluppi fuq is-suġġett imsemmi, għandha tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Sliema – promenade – istallar u tiswija ta’ arbli tad-dawl
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3005 dwar l-istallar ta’ arbli tad-dawl fil-Promenade ta’ Tas-Sliema, issa li għaddew seba’ xhur oħra mill-aħħar mistoqsija parlamentari tiegħi dwar dan is-suġġett, tista’ l-Ministru tgħid meta se jiġu installati l-arbli tad-dawl li huma neqsin tul din il-Promenade u li ritratti tagħhom qed jintbagħtu separatament? Tista’ tgħid ukoll meta l-arbli tad-dawl, tul l-istess promenade, li ilhom bil-ħsara għal ħafna xhur, ser jiġu sostitwiti b'oħrajn ġodda?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ġaladarba l-Onor. Interpellant din id-darba kien aktar speċifiku dwar liema arbli qed jirreferi għalihom, nitolbu biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat għaliex l-arbli u dwal dekorattivi li jidhru fir-ritratti li ppreżenta ma’ din il-mistoqsija mhumiex fir-responsabbiltà tal-Enemalta.
San Pawl il-Baħar – proġett propost għat-titjieb tal-infrastruttura tad-drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru tipprovdi dettalji dwar il-proġett propost biex itejjeb l-infrastruttura tad-drenaġġ ta' San Pawl il-Baħar; investiment li huwa essenzjali għal din iż-żona minħabba l-mod kif żdiedet il-popolazzjoni f'din il-lokalità? Kif ser ikun qed jgħin liż-żona dan l-investiment? Kif ser ikun qed isir ix-xogħol f'din il-lokalità biex jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed tagħmel investiment ta’ €6.4 miljun biex ittejjeb sostanzjalment l-infrastruttura tad-drenaġġ f’San il-Pawl il-Baħar u l-inħawi tas-Salina. Dan l-investiment huwa meħtieġ biex jindirizza t-tkabbir fil-popolazzjoni ta’ din iż-żona u għalhekk irridu nassiguraw li jkun hemm infrastruttura adegwata li kapaċi tilqa’ għad-domanda li dejjem tiżdied.
F’dan il-proġett ser tintuża teknoloġija avvanzata magħrufa bħala micro-tunnellling li tippermetti l-kostruzzjoni ta’ gallerija tad-drenaġġ ta’ 1.9km mingħajr l-użu tat-trinek u l-bżonn ta’ ħafna tħaffir. Din il-gallerija ser tiġbor il-parti l-kbira tad-drenaġġ ta’ San Pawl il-Baħar u Kennedy Grove u b’hekk jittaffa l-piż fuq l-infrastruttura eżistenti.
Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett, immirati li jibdew b’mod imminenti, se jkunu maqsuma f’żewġ fażijiet, li flimkien mistennija li jieħdu madwar 50 ġimgħa biex jitwettqu. Ix-xogħol taż-żewġ fażijiet se jsir fl-istess ħin biex b’hekk jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti u jitlesta bl-iktar mod effiċjenti.
Dan il-proġett huwa biss wieħed mill-ħafna li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed taħdem fuqhom fil-futur qrib, b'inizjattivi simili ppjanati għall-Marsa, San Ġiljan, l-Imsida, u Birżebbuġa.
Sadattant, il-Korporazzjoni bħalissa għaddejja bi proġett separat fi Triq is-Salina biex ittejjeb sostanzjalment in-netwerk ewlieni tad-distribuzzjoni tal-ilma għax-xorb li jforni eluf ta’ klijenti f’lokalitajiet differenti fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ €3.5 miljun u mmirat li jitlesta sa nofs Ġunju li ġej, huwa meħtieġ biex jissodisfa t-talbiet attwali u futuri tal-ekonomija u l-popolazzjoni li qed tikber ta' dan ir-reġjun, u biex jindirizza t-tħassib dwar pressjoni baxxa tal-ilma.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk pajjiżna addottax in-’National Energy and Climate Plan’? Jekk fl-affermattiv, meta ġara dan?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Pjan Nazzjonali tal-Energija u l-Klima ta' pajjiżna ġie adottat f'Diċembru 2019, hekk kif kien stipulat fir-regolazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet biex Ġnien Kottoner, f’Bormla, li hu fost l-akbar żoni mħaddra fin-naħa t’isfel ta’ Malta, ikun jista’ jiġi rijabilitat bħala parti mill-pjan li għandu dan il-Ministeru?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nbeda proċess biex jiġi riġenerat Ġnien Kottoner f’Bormla. Minħabba l-kobor tal-ġnien, dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni se jkun maqsum f’diversi fażijiet. Inħareġ il-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar biex il-post isir aktar sigur filwaqt li bħalissa qed jiġi finalizzat id-disinn ħolistiku tiegħu.
Barra minn hekk, għaddejjin ukoll diskussjonijiet ma’ stakeholders differenti, inkluż il-Kunsill Lokali u NGOs, biex ikunu jistgħu jiġu involuti fl-operat ta’ dan il-ġnien.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-pjanijiet biex jinbena adventure park f’Bormla quddiem id-daħla ewlenija tad-De La Salle College, proġett li ssemma fil-Baġit għas-sena 2020?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża kommess biex ikompli jgħin fit-twettiq ta’ proġetti favur spazji miftuħa. Huwa għalhekk li, wara li l-Aġenzija Project Green ġiet avviċinata minn Sports Malta dwar dan l-adventure park f’Bormla, immedjatament bdew diskussjonijiet biex isir ftehim bejn iż-żewġ entitajiet. B’hekk, b’kollaborazzjoni bejniethom dan il-proġett ikun jista’ jitwettaq u r-residenti ta’ Bormla jkollhom spazju rikreattiv ftit passi bogħod minn djarhom.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk itteħdux xi passi tul din is-sena biex Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid jiġi miżmum aħjar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Għalkemm Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid ma jaqax taħt ir-reasponsabbiltà tal-Aġenzija Project Green, ninforma lill-Onor. Interpellant li biex inkomplu nassiguraw li dan il-ġnien jiġi miżmum aħjar se titħabbar inizjattiva ġdida fil-jiem li ġejjin.