Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — ħaddiema li ħarġu bil-kwarantina
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li ħarġu bi kwarantina minħabba kuntatt ma’ persuni bil-COVID-19?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-1 ta’ Marzu 2020, in-numru ta’ ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u li ħarġu bi kwarantina minħabba kuntatt ma’ persuni bil-COVID-19 kien ta’ 104.
Awtorità tal-Ippjanar – permessi maħruġa għall-żvilupp f’Outside Development Zone f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jippreżenta lista ta' kemm l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet permessi ta' żvilupp f'żoni li mhux ta’ żvilupp jew kif magħrufa aħjar bħala 'Outside Development Zone' f'Għawdex mill-14 ta' Lulju 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jindika wkoll il-lokalitajiet u x'tip ta’ żvilupp ġie approvat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet pendenti għall-żvilupp fuq Outside Development Zone f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jippreżenta lista ta' kemm l-Awtorità tal-Ippjanar għandha applikazzjonijiet pendenti ta' żvilupp fiż-żona li mhux ta’ żvilupp jew kif magħrufa aħjar bħala 'Outside Development Zone' f'Għawdex? Jista' jindika wkoll il-lokalitajiet u x'tip ta’ żvilupp qed jiġi propost?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il uffiċjal tal-infurzar għandha l-Awtorità dwar l-Ambjent fil-jum li fih qed issir din l-interpellanza?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l--Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi għandha 45 impjegat fid-direttorat tal-Konformità u Infurzar u li xogħolhom huwa li jassiguraw konformità mar-regoli ambjentali u jgħamlu l-infurzar li jkun hemm meħtieġ. L-Awtorità imbagħad għandha 20 uffiċċjal tal-infuzar ieħor li huma ingaġġati mill-Awtorità fuq bażi ta’ kuntratt biex jagħmlu biss spezzjonijiet u jagħtu ċitazzjonijiet fuq skart domestiku.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx ġie studjat l-impatt ambjentali tal-junk mail f’pajjiżna? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tali studju/i?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżuri li jindirizzaw il-junk mail fl-isfond ta’ l-ammont ta’ skart li jiġi ġġenerat u kif dan jintrema’ jinsabu fil-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġjar ta’ l-Iskart 2014-2020.
Filwaqt li mhuwiex rikjest li jsir studju ta’ l-impatt ambjentali fuq miżuri speċifiċi jekk dawn ma’ jkunux ta’ natura infrastruturali, il- Pjan sħiħ kien suġġett għal
Strategic Environment Assessment
skont ir-Regolamenti SL 549.61 li jittrataw dan.
Park Nazzjonali tal-Inwadar – ġbir ta’ skart u radam illegali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabar skart u radam illegali fil-konfini tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar fuq inizjattiva li ħa l-Bord tal-Governanza flimkien mad-Dipartiment tat-Tindif?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-iskart miġbur mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar kien fil-parti assoluta iġġenerat tul għexieren ta' snin ta' telqa u għalhekk kien qadim. Inġabar mal-1000 tunnellata ta' skart mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar u dan bl-ghajnuna ta’ Ambjent Malta kif ukoll tad-Dipartiment tad-Tindif. Dan l-iskart jinqasam f'diversi kategoriji: muniċipali, li kien jinkludi boroż suwed taż-żibel li jarmu n-nies; (dumping) white goods li jinkludu fridges, cookers, washing machines, bramel tal-plastik, roti ta' karozzi etc;skart iġġenerat minn rinovaturi ta' kmamar tal-banju, li jinkludi madum tal-art u l-ħajt imkisser, biċċiet taċ-ċeramika u pajpijiet qodma; skart tal-kostruzzjoni (fly tipping) li kien ikun mormi fuq ix-xagħri jew fuq il-ħamrija ta' masġar pubbliku. L-akbar interventi ta' tneħħija ta' skart u radam illegali kienu fil-masġar ta' San Anard u fil-Ġolf il-Kbir, fejn fiż-żewġ imkejjen hemm proġetti ta' restawr ekoloġiku.
Parks Nazzjonali – pjanijiet biex jissaħħaħ l-immaniġġar tal-kampanja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet biex jissaħħaħ l-immaniġġar tal-kampanja u l-parks nazzjonali biex dawn jitgawdew aktar mis-soċjetà?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ministeru permezz ta’ Ambjent Malta qiegħed jimplimenta numru ta’ proġetti ambjentali li kienu ppjanati u identifikati fil-management plans tas-siti Natura 2000 u siti oħra simili fil-kampanja. Pjanijiet bħal ma huma tisħieħ fil-biodiversità tagħna billi jitneħħew siġar u pjanti aljeni li jagħmlu impatt fuq speċi indiġena qed ikunu mneħħija u minflokhom jitħawwlu speċi indiġena. Dawn l-interventi saru ġewwa l-Aħrax tal-Mellieħa, Gżejjer ta’ San Pawl, Buskett, Għadira s-Safra u l-inħawi tal-madwar. Il-pjanijiet huwa li jitkompla dan ix-xogħol u jitwaħħlu numru ta’ sinjali informattivi gġewwa dawn is-siti, fejn jagħtu informazzjoni edukattiva lil min iżur dawn l-postijiet.
L-programm ta’ aktar tħawwil ta’ siġar u pjanti indiġeni ħa jkompli jsir skond il-management plans approvati kif ukoll skond abitat ambjentali ta’ kull sit. Eżempju ta' dan huwa s-sitt mitt (600) siġra u arbuxell indiġenu li tħawwlu ġewwa l-Park tal-Majjistral. Il-proġett għal dan is-sit huwa li jitkompla t-taħwwil ta’ iktar speċi skond il-programm tax-xogħlijiet għal din iż-żona.
Ambjent Malta laħqet ukoll ftehiem ma' Heritage Malta biex isiru interventi ġewwa l-Ġgantija f’Għawdex fejn numru ta' pjanti klassifikati bħala pollinators ser ikunu qed jitħawwlu f’din iż-żona.
Interventi oħra relatat ma' restawr ekoloġiku qed isir fil-parti magħrufa bħala l-Golf l-Kbir ġewwa l-Park tal-Majjistral fejn ġew mneħħija tunellati ta’ materjal mormi legalment. Permezz ta’ hekk ingħata iktar aċċessibilita lill-pubbliku u tħawwlu 'l fuq minn mitejn (200) siġra u arbuxell indiġenu.
Dawn jikkomplimentaw mal-ammont li tħawwel is-sena l-oħra fejn żiedna l-abitat naturali ta’ dan is-sit kif ukoll kabbarna l-potenzjal tal-ekosistema f’din iż-żona. Dan qed isir skond il-pjan mfassal għal Park tal-Nwadar. F’parti oħra ta’ dan il-Park, imsejjħa San Anard, saru interventi ta’ tindif ta’ rimi llegali ta’ skart u materjal tal-kostruzzjoni u kmieni s-sena d-dieħla ser ikunu qegħdin jitħawwlu madwar elf (1000) siġra u arbuxell indiġeni sabiex jiġi rikrejat abitat ta’ masġar. Erba mitt siġra indiġena ser ikunu qegħdin jitħawwlu f’siti oħra madwar il-Park. Dawn l-interventi qegħdin isiru biex dan l-park jitgawda aktar mill-pubbliku li jżuru.
Se jitnieda l-proġett pilota tal-Environmental Rangers. Rangers ġew ingaġġati ma’ Ambjent Malta f’Ottubru u bħalissa qiegħdin ikunu imħarġa. Dawn ir-Rangers se jkunu preżenti fil-kampanja u se jkollhom ir-rwol li jinfurmaw u jeddukaw il-publiku fuq l-attivitajiet permissibli f’żoni protetti u fl-ambjent naturali. Ir-Rangers se jkollhom ukoll ir-rwol li jirrapurtaw attivitajiet illegali bħal rimi ta’ skart u vandaliżmu.
Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qegħdin jitwaħħlu numru ta’ CCTV cameras ġewwa diversi siti biex jgħinu fil-monitoraġġ ta’ siti protetti kif ukoll, flimkien mal-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi, ser jitwaħħlu numru ta’ tabelli informattivi ġewwa żoni rurali bħala parti mill-kampanja edukattiva mill-ministeru tagħna.
Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsibijiet hemm biex l-ekonomija Maltija tkun tiddependi inqas fuq il-karbonju (low-carbon economy)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll permezz tar-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni għat-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta’ Pariġi, hija kommessa għall-ħidma sfiqa kontra t-tibdil fil-klima. Dan billi jitwettqu miżuri skont strateġiji fl-oqsma diversi li jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tal-Ministeri rispettivi.
Kif ga ghidt pubblikament Il-Ministeru tiegħi qiegħed fil-fażi finali tal-iżvillup tal-Low Carbon Development Strategy biex l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna jindirizza l-isfida tat-tibdil fil-klima.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — ħaddiema infettati bil-Covid-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għandna, mill-1 ta’ marzu 2020 kien hemm 13 il-ħaddiem tas-settur pubbliku fi ħdan il-Ministeru tiegħi li rriżultaw pożittivi għall-COVID-19.
Awtorità dwar l-Ambjent – standards fuq siti ta’ kostruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità dwar l-Ambjent għandhiex xi standards partikulari li għandhom jiġu osservati meta jkun ser isir bini, fis-sens ta' jekk għandhiex regoli li japplikaw biex persuni li jkunu qed jibnu, ma jħallux imbarazz ta' kostruzzjoni barra, jiġri fit-toroq? Jekk le, jista' jara li din l-awtorità tikkordina ma' awtoritajiet oħra governattivi, biex dan it-tip ta' materjal ma jkunx jista' jibqa' jitwaddab ma kullimkien bla ebda kontroll, b'detriment għad-dehra ġenerali tal-lokalità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interellant li l-kompetenza dwar il-materja ma’ taqax taħt l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u għalhekk nitolbu jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Soluzzjoni għal każijiet ta’ abbuż ta’ rimi ta’ skart
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex tinstab soluzzjoni, flimkien ma' ministeri u awtoritajiet oħra, biex każi ta' abbuż ta' rimi ta' skart ta' kull tip ikunu jistgħu jiġu kkontrollati b'mod aħjar, u li jiġu wkoll osservati xi regoli li diġà jeżistu, jekk jeżistu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għall-Ambjent ur-Riżorsi (ERA) flimkien mal-LESA u l-Pulizija hija inkarigata mill-infurzar dwar rimi ta’ skart b’mod illegali. Għal dan il-għan, b’konformità mal-Avviż Legali SL549.40, uffiċjali tal-ERA jagħmlu spezzjonijiet madwar Malta u Għawdex biex jiġi kkontrollat l-abbuż tar-rimi ta’ skart b’mod illegali. Dawn l-ispezzjonijiet jiġu ppjanati fuq informazzjoni miġbura mill-ERA u minn informazzjoni li jgħaddulna l-Kunsilli Lokali ta Malta u Għawdex. B’hekk dawn l-ispezzjonijiet ikunu iffokati aktar fuq fejn il-problema tkun l-aktar persistenti. L-ERA tużha wkoll filmati meħuda minn CCTVs hdejn Bring-In-Sites biex jiġu identifikati nies u vetturi li qed jabbuzaw minn din is-sistema u joħolqu miżbliet zgħar ħdejhom. Dan ukoll qed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali u entitajiet privati.
Kummissjoni għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data — talbiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum, rigward l-operat tal-Ministeru, tal-korporazzjonijiet u tad-dekasteru kollu li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima? Jista’ jindika l-eżitu ta’ dawn it-talbiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nifhem li t-talbiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma dawk li jiġu sottomessi lill-Kummissarju ai termini tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Kap. 496). F’dan il-kuntest l-informazzjoni mitluba ngħatat diġà fir-risposti mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2538, 11390 u 16608. Fir-rigward tal-Awtorità tal-Ippjanar, l-informazzjoni mitluba kienet inkluża fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2540 u 11392.
Uffiċċju tal-Ombudsman – talbiet dwar l-operat tal-Ministeru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman mill-1 ta’ Ottubru 2015 sal-lum rigward l-operat tal-Ministeru, tal-korporazzjonijiet, u tad-dekasteru li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima? Jista’ jindika l-eżitu ta’ dawn it-talbiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward tat-talbiet li qed jirreferi għalihom fil-mistoqsija tiegħu, l-istatistika tkun ippubblikata fir-rapport annwali li joħroġ l-Ombudsman Parlamentari. Dawn ir-rapporti huma kollha disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-istess uffiċċju. Barra minn hekk, fuq inizjattiva tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u fi sforz sabiex ikomplu jissaħħu l-governanza u l-kontabilità fl-Amministrazzjoni Pubblika, s-Servizz Pubbliku ilu, sa mir-Rapport Annwali tal-2017, jippubblika rapport dettaljat dwar in-natura, is-sejbiet, l-konklużjonijiet u l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu fuq kull każ li jkun issemma fir-rapport annwali tal-Ombudsman. Dawn ir-rapporti jistgħu jiġu aċċessati fit-taqsima tal-pubblikazzjonijiet tas-sit elettroniku tas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il appell sar jew ġie ppreżentat mill-Awtorità dwar l-Ambjent minn deċiżjonijiet ta' ippjanar minn kemm ilha mwaqqfa din l-Awtorità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn kemm ilha mwaqfa l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi din intavolat seba’ appelli minn deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar.
Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – PR u media events organizzati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-2017 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-miri li għandu pajjiżna għar-riċiklaġġ għas-snin, 2020 u 2022?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miri li Malta għandha ta’ riċiklagg huma dawk stipulati fid-Direttivi tal-Unjoni Ewropea u li ġew transposti fil-liġi nazzjonali permezz ta’ legislazzjoni sussidjarja 549.63, L.S. 549.43, L.S. 549.89, L.S. 549.54 u L.S. 549.36.
Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – tħawwil ta’ siġar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħawlu siġar ġodda mill-Ministeru mmexxi minnu fl-ewwel ħames xhur tal-2020? Jista' l-Ministru jgħid dawn fejn tħawlu u min hu responsabbli għalihom?