Xagħra Għawdex – Park tal-Familja fil-Qortin – xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-Park tal-Familja fil-Qortin fix-Xagħra Għawdex fejn qabel kien hemm il-miżbla u li din ġiet magħluqa u rijabilitata? Jista' jgħid jekk inħarġux il-permessi mill-PA u jekk inħarġux it-tenders, biex isir ix-xogħol fuq dan il-Park tal-Familja? Jista' jgħid jekk dan il-park hux ser ikun aċċessibbli u lest għall-familji Għawdxin matul is-sena 2018?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-permessi meħtieġa mill-PA riesaq lejn it-tmiem tiegħu, dan wara diversi konsultazzjonijiet mal-ERA. It-tenders qegħdin għall-vetting id-DoC u maħsuba li jkunu fuq is-suq f’Lulju 2018. Il-pjan għadu li l-park jinfetaħ għall-pubbliku sal-aħħar ta' 2018.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – event organisation for promotional and communications realted events — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal event organisation for promotional and communications related events, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif speċifiku mitlub, diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati.
L-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintużaw aktar minn darba f’attivitajiet simili, bħal pereżempju kif inhu l-każ f’kampanji li jtulu.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal it-twaqqif tal-aġenzija ‘Ambjent Malta’ li t-twaqqif tagħha ġie mħabbar f’Lulju 2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-twaqqif ta’ Ambjent Malta jinsab fi stadju avvanzat. Ħarġu sejħiet għal Direttur Ġenerali kif ukoll għal żewġ Diretturi oħra. Malli jingħalaq il-proċess tal-għażla tkun tista’ tiġi varata Ambjent Malta. Sadanittant qiegħed jinħoloq ukoll Bord ta’ Governanza biex jissorvelja l-operat ta’ Ambjent Malta kif ukoll qed jitħejjew il-business plans għal dan id-Direttorat Ġenerali ġdid.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħtu li għandhom il-jedd li jimponu xi forma ta’ penali amministrattiva (administrative fine)? Jista' jgħid kemm hu l-massimu tal-ammont li jista’ jiġi impost inkluż anke penalitajiet li jistgħu jiġu imposti għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi fil-liġi? Jista' jgħid a tenur ta’ liema liġi dik l-awtorità jew entità għandha dawk it-tali poteri?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – promotional material — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq promotional material (brochures, websites, flyers, mailshots eċċ) minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid hemmx xi pjanijiet mill-Ministeru tiegħu għall-ġnien magħruf bħala l-Ġnien tal-Foss ta' Ħaż-Żabbar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor Interpellant li l-Ministeru tiegħi ssotometta applikazzjoni mal-Awtorita tal-Ippjanar biex ġewwa l-Foss ta Haz-Zabbar isir ġnien pubbliku, armat b’ faċilitajiet sanitarji, logħob għat-tfal u jitwaħħlu numru ta’ għamra għal-ġonna (bankijiet, gazebo, dwal etc). Il-permessi nħarrgu u beda l-proċess għal sejħiet biex tinbena l-binja li ser tkun qed toffri faċilitajiet sanitarji u cafeteria għal dan is-sit. Preżentament għaddejjin bl-evalwazzjoni tal-offerta li dahlet għal dan ix-xogħol. Huwa mistenni li x-xogħol fuq din l-binja jibda fix xhur li ġejjin. Diġa saru xogħolijiet neċessarji biex jinġieb is-servizz tad-dawl għal ġewwa l-ġnien.
ERA – applikazzjonijiet dwar qlugħ u żbir ta’ siġar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni daħlet għand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) minn entitajiet governattivi inkluż kunsilli lokali dwar qlugħ u żbir ta’ siġar fis-sena 2017 u minn Jannar sa April 2018? Kemm ġew irrifjutati talbiet għall-perjodi msemmija? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawk li ġew approvati għall-perjodi msemmija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – Data Protection Officers
Question
Jista' l-Ministru jagħti l-isem u l-kunjom tad-Data Protection Officers kollha fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima inkluż dawk l-uffiċjali f kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma l-Onor. Interpellant li n-numru ta’ uffiċjali li bħalissa qed jaqdu d-dmirijiet ta’ Data Protection Officer fil-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima inkluż id-dipartimenti, l-entitajiet u l-awtoritajiet huma 13. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data se jkun applikabbli fil-25 ta’ Mejju u għaldaqstant il-Ministeri, Dipartiment u entitajiet qed jaġġornaw il-listi skont il-provvedimenti tar-Regolament.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – radio advertising — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq radio advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid uffiċjalment x’inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ tal-Pitkalija fil-preżent? Sabiex bidwi jidħol qabel il-ħin stipulat mill-istess regolamenti ta’ dħul ta’ bdiewa fil-Pitkalija, jista’ jgħid kemm-il permess ħareġ għal dan il-għan f’Jannar 2018, Frar 2018, Marzu 2018 u April 2018? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ pitkala li għandhom il-permess li jkollhom trakkijiet tal-friża fil-Pitkalija? Min huma dawn il-pitkala u x’inhu n-numru ta’ trakkijiet tal-friża li għandhom il-permess biex jidħlu fil-Pitkalija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftuh uffiċjali tal-Pitkalija huwa s-segwenti:
It-Tnejn u l-Ħamis
Bdiewa Għawdxin jidħlu mill-4.30am il-quddiem
Bdiewa Maltin jidħlu mill-5.00am il-quddiem
It-Tlieta, l-Erbgħa u l-Gimgħa
Bdiewa Għawdxin u Maltin jidħlu mis-7.00am il-quddiem
Mill-Ewwel ta' Jannar 2018 sal-aħħar t'April 2018 ma nħareġ l-ebda permess sabiex bidwi jidħol qabel il-ħin tal-ftuħ stipulat. M'hemm l-ebda regolament li l-Pitkala huma obligati jirreġistraw l-vetturi tax-xogħol tagħhom u għalhekk din l-informazzjoni ma tinżammx.
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, fuq newspaper advertising, maqsuma skont digital advertising u print advertising, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Nagħmel referenza għal użu żejjed ta’ boroż tal-plastik li qed jingħataw mill-ħwienet u għalkemm xi snin ilu kienet saret eco contribution fuq il-basktijiet tal-plastik, biex b’hekk jonqos it-tniġġis, imma ġara li b’xi mod in-negozjanti tal-merċa raw kif jaħarbu minna u fil-fatt minn dak iż-żmien minflok basket tal-plastik qed jagħtu boroż tal-plastik bil-konsegwenzi ambjentali u s-sistemi ħżiena tal-iskart li huma bil-bosta, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid kif il-Ministeru ser jindirizza dan in-nuqqas? Jista’ jgħid x’promozzjoni jew inċentivi qed isiru biex iġiegħel lix-xerrej jieħu basket miegħu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ta’ min jikkjarifika li l-eko-kontribuzzjoni fuq il-basktijiet tal-plastik m’għadiex in vigore, u minflok mill-1 ta’ Jannar tal-2016, ġiet imposta dazju tas-sisa fuq xkejjer u basktijiet tal-plastik li huma prodotti, importati u mqiegħda fuq is-suq Malti, hekk kif imsemmija fi ‘Skeda Hamsa fl-Att dwar id-dazju tas-sisa’ (Kap. 382).
Fl-2017 saru tibdiliet neċessariji fil-qafas regolatorju sabiex ma jkunx hemm aktar distinzjoni bejn basktijiet tal-plastik u boroż tal-plastik oħra li huma fornuti lill-konsumaturi fil-punt tal-bejgħ sabiex jintużaw għal-fini ta’ ġarr ta’ oġġetti jew prodotti mixtrija. Dan il-plastik huwa kopert minn ‘Skeda Hamsa fl-Att dwar id-dazju tas-sisa’ (Kap. 382).
B'mod konformi mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, dan il-ħlas qed jingħadda fuq il-konsumaturi ta' basktijiet tal-plastik fil-punt tal-bejgħ sabiex jinċentiva lill-konsumaturi biex jadattaw għal kunċett ta’ SMART Shopping, bħal per eżempju l-użu ta’ basktijiet tad-drapp, bl-għan aħħari li jinkiseb tnaqqis sostenut fil-konsum tal-basktijiet tal-plastik f'livell nazzjonali.
B’referenza għax-Xatt l-Aħmar u t-tisfija ta’ drenaġġ mill-impjant ta’ Għawdex, peress li d-drenaġġ mhux imsaffi qed joħroġ konsegwenza tad-demel tal-baqar li qed jintrema fl-impjant, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jieħu d-Dipartiment tal-Biedja biex jiġu implimentati mezzi alternattivi? X’inhuma n-nuqqasijiet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal-Mistoqsija Parlamentari 5612.
L’ Aġenzija tal-Governanza tal-Bio riżorsi Agrikoli (GAB) qabdet kuntrattur biex jinġabar u jisaffa s-srew tad-demel kollhu li hu prodott fuq l-irziezet tal-baqar u majjali f’Għawdex. Barra minn hekk, Il-GAB għaddejja minn proċess ta evaluazjoni ta’ proposti li intefgħu fuq sejħa maħruġa bi sħab ma l-MCST fuq proċeduri li jistgħu jkunu ta’ soluzjoni fuq livell nazzionali ghat-trattament u immaniġjar tas-srew tad-demel. Rigward in-nuqqasijiet nitolbu jispeċċifika x’nuqqasijiet qed jirreferi għalijhom.
Ix-Xewkija — Impjant ta' Tisfija tad-Demel - funzjoni tas-separator
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5195, jista' l-Ministru jgħid jekk s'issa l-parti likwida wara t-trattament ta' tisfija ta' demel li qed isir fl-Impjant ta' Tisfija tad-Drenaġġ fix-Xewkija Għawdex, kienx qed tintrema fis-sistema tad-drenaġġ domestiku sa kemm ikun deċiż x'għandu jsir? Kemm-il darba il-parti likwida mhiex qed tintrema' fis-sistema ta' drenaġġ domestiku, jista' jgħid fejn qed ikun depositat dan il-likwidu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent l-parti likwida li tirriżulta wara t-trattament ta' tisfija tas-srew tad-demel li qed isir fl-Impjant ta' Tisfija Temporanju f’tal-Kus fix-Xekwija Għawdex, u mhux fl-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ, qed tintrema fis-sistema tad-drenaġġ domestiku sa kemm ikun hemm aktar żviluppi li jistgħu jwasslu għall-użu aktar sostenibbli tiegħu.
Il-Mosta — Triq lejn ta' Xkora - tneħħija ta' ħaxix ħażin u siġra tal-prinjol mejta
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5531 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jieħu l-passi neċessarji meħtieġa sabiex isir it-tindif u l-qtugħ mill-ħaxix ħażin ta' fuq u taħt il-bankina li tieħu minn fejn tispiċċa Triq il-Kbira u t-triq lejn Ta' Xkora fil-Mosta? Jista' jara li s-siġra mejta tal-prinjol titneħħa sabiex ikun evitat kull perikolu fl-istess parti tat-triq lejn Ta' Xkora?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant li qtugħ ta’ ħaxix ħażin ta’ fuq u taħt il-bankina huwa parti mill-programm tax-xogħlijiet li jisir mill-Cleansing Department. Għaddejna din l-osservazzjoni biex jieħdu passi neċessarji u jintervjenu f’ dan ir-rigward.
Il-ġimgħa li għaddiet stess nħarget struzzjoni biex is-siġra msemmija, u l-ħaxix ta’ madwarha, titneħħa minn fejn hi qiegħda.
Il-Pitkalija – każijiet ta’ prodotti mhux tal-istaġun għall-bejgħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir sabiex ikunu investigati każijiet ta’ meta fil-Pitkalija jkun hemm għall-bejgħ prodotti ta’ ħaxix u frott fl-istaġun li fih il-prodott Malti jkun impossibbli li jittieħed għall-bejgħ mill-bdiewa għaliex ma jkunx iż-żmien li fih l-għelieqi f’Malta u Għawdex ikun imkabbar, maqtugħ u meħud il-Pitkalija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta nirċievu xi rapport, dan jingħata l-importanza xierqa u jigi investigat mill-Ispetturi tad-Dipartiment tal-Agrikultura.
Il-Pitkalija – regolamenti għall-bejgħ ta’ prodotti
Question
Fil-ħidma favur l-interessi tal-bdiewa fil-Pitkalija, jista’ l-Ministru, jgħid jekk hemmx regolamenti li jimponu li prodotti tal-agrikoltura (ħaxix u frott) impurtati, ma għandhomx ikunu mibjugħa fil-Pitkalija lill-vendituri? Jista’ jgħid jekk hemmx dawn ir-regolamenti, u jekk iva, ipoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid x’ħidma qed issir sabiex jekk hemm regolamenti, dawn jiġu mħarsa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm liġi f’dan ir-rigward li hija Leġislazzjoni Sussidjarja 117.04 - Regolamenti dwar il-Bejgħ tal-Prodotti tal-Biedja. Kopja ta’ dawn ir-Regolamenti qiegħda tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.
F’Taqsima II Artikolu 4, hemm is-segwenti "prodotti tal-biedja" tfisser kull prodott li hu miżrugħ jew imkabbar minn bidwi jew hu miksub mit-trobbija ta’ annimali lokali, prodott li s-soltu jinbiegħ b’mezz ta’ pitkal.
Isiru wkoll spezzjonijiet regolari mil-ispetturi tad-Dipartiment tal-Agrikultura mingħajr preavviż.
Peress li Malta għandha fost l-agħar rati ta’ riċiklaġġ fl-Ewropa, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn l-iskema ta’ depożiti tal-fliexken ġiet posposta għas-sena 2019 meta kellha ssir din is-sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema ta’ depożitu tal-kontenituri tax-xorb ma ġietx posposta. L-iskema ġiet imnedija għall-konsultazzjoni pubblika l-ġimgħa li għaddiet, liema konsultazzjoni tkun konkluża sal-4 ta’ Ġunju 2018.
Wieħed mill-istadji importanti biex titħaddem skema bħal din hija r-reġistrazzjoi tal-prodotti kollha li jaqgħu taħt il-parametri hekk kif stabbiliti, fejn il-produtturi kif ukoll fuq l-importaturi ser ikollhom jirreġistraw il-prodotti tagħhom, kif ukoll dawk li jinnegozjaw mal-fornituri sabiex jintroduċu l-immarkar neċessarju fuq il-prodott.
Dan il-proċess jieħu madwar disa’ u tnax-il xahar sabiex jiġi konkluż. Barra minn hekk, trid ukoll ssir sejħa għall-offerti sabiex jiġi identifikat operatur għar-ripożitorju tal-flixkien li hu mistenni li jinvesti fil-makkinarju u tagħmir għal Malta u Għawdex kollu.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — production costs għal TV advertising - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal production costs għal TV advertising minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Miżuri biex annimali indiġeni lokali jkunu konservati u mkattra
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu mill-Gvern biex annimali indiġeni lokali jkunu konservati u mkattra? Hemm xi programmi u/jew għajnuniet biex iħajru raħħala u bdiewa jrabbu dawn l-ispeċi indiġeni?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala miżuri biex nissalvagwardjaw ir-razez tal-annimali indiġeni agrikoli, qed inżommu merħliet ta’ dawn l-annimali fosthom baqar, mogħoż, nagħaġ u tiġieġ fil-qasam tar-riċerka agrikola ġewwa l-Għammieri, bil-għan ta’ konservazjoni u tkattir. Barra minn hekk, id-Direttorat responsabbli qed iżomm kuntatt ma raħħala li jrabbu dawn ir-razzez sabiex jagħti pariri kif dawn ir-razzez ikunu jistgħu jibqgħu mħarsa.
Il-Programm tal-Iżvilupp Rurali għal Malta 2014-2020 jinkludi miżuri li joffru għajnuna finanzjarja għat-trobbija u l-konservazzjoni ta' annimali indiġeni. L-iskemi agro-ambjent-klima 6A u 6B, li jaqgħu taħt il-Miżura 10.1 tal-Programm, huma skemi li jipprovdu għajnuna għall-integrazzjoni u ż-żamma ta' speċijiet Maltin, speċifikament it-tiġieġa sewda Maltija u l-gendus Malti. Barra minn hekk il-Programm jinkludi wkoll il-Miżura 10.2, li għadha ma ġietx imnedija mill-Awtorità ta' Ġestjoni, u li tipprovdi għajnuna finanzjarja għall-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-iżvilupp ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura. Din il-miżura tkopri l-konservazzjoni ta' riżorsi ġenetiċi tal-annimali li għandu jsir primarjament permezz tal-introduzzjoni mill-ġdid ta' speċijiet indiġeni Maltin ta' annimali li qegħdin f'riskju ta' estinzjoni.