Għawdex — Triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq - Xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27674 dwar it-tender għal xogħlijiet relatati ma’ parti mit-triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq li ftit wara li kienet tranġat bdiet tisfronda, jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu jistenna sabiex il-kuntrattur jibda bix-xogħlijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħlijiet humiex ser jitlestew kollha qabel jibda s-sajf 2025?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara konsultazzjoni ma’ raprezentant tal-Kunsill ġie deċiż li tibda wara s-sajf, sabiex ma’ tkunx ta’ inkonvenjent għall-għawwiema.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qatt ġewx imposti penali jew multi fuq il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fir-rigward tal-konċessjoni ta’ Manoel Island, b’mod partikolari wara li naqset milli tlesti żvilupp sostanzjalment sal-31 ta’ Marzu 2023, kif stipulat fil-ftehim ta’ kunċessjoni? Jekk ma ttieħdet l-ebda azzjoni ta’ infurzar, jista’ l-Ministru jispjega għaliex dan ma sarx, minkejja d-dispożizzjonijiet kuntrattwali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpallanta li r-risposta tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Credit/Debit cards
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23583 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra, issa li għaddew ix-xhur, jgħid kemm-il credit/debit card pubblika għandu maħruġa għall-użu tiegħu u tal-Ministeru tiegħu u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox hemm żewġ cards taħt id-dekasteru tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar li jinkludi s-Segretarju Permamenti.
Il-ħruġ ta’ card jsir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita.
Inżid ngħid illi kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi. Il-ħlas isir mil-line item rispettiv kif approvati fl-estimi finanzjarji tal-baġit u li kopja tagħhom diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm kien hemm impjegati fuq il-kotba tal-Gozo Channel f’Jannar ta’ kull sena mill-2013 sas-sena 2025 (inklużi dawk li huma pprovduti minn kuntratturi, bħal cleaners u clerks) maqsumin bil-gradi rispettivi tagħhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Jannar ta’ din is-sena fuq il-kotba tal-Gozo Channel kien hemm impjegati 186 ħaddiem.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20401, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar l-iskema miftuħa għall-Kunsilli Lokali Għawdxin sabiex jibbenefikaw minn fondi biex jintużaw għar-restawr ta’ strutturi jew monumenti ta’ importanza storika jew artistika u li tkopri wkoll fondi li jistgħu jintużaw ukoll biex jittejbu, jissebbħu u jitħaddru sqaq(ien) fil-lokalità tagħhom, u ċjoè jgħid fiex wasal il-proċess tal-evalwazzjoni msemmi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ evalwazzjoni ġie konkluż. Il-Kunsilli Lokali li tefgħu l-proposti tagħhom se jkunu notifikati bl-eżitu tar-riżultat fil-ġranet li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex ser ikunu jikkonsistu x-xogħlijiet li ser isiru fuq it-triq li minn quddiem il-junction li tieħdok għall-Fontana twasslek sat-tarf ta’ Triq Sir Arturo Mercieca, kantuniera ma’ Triq il-Vajringa u kemm fiha tul? Jista’ jgħid ukoll kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet u meta hu maħsub (xahar u sena) li jitlesta x-xogħol kollu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet f’parti min Triq Santa Domenica u fit-Triq Arturo Mercieca mistennija jkunu lesti fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir min-naħa tal-Ministeru tiegħu biex jittaffa l-periklu fit-toroq ta’ Għawdex kull darba li tagħmel ħafna xita (kif ġara dan l-aħħar), bħal bini ta’ ġibjuni taħt l-art, u tindif aktar frekwenti ta’ culverts fit-toroq prinċipali u sekondarji?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru, permess tal-ħaddiema tiegħu jassigura li l-culverts jiġu mnadfa kull meta jkun hemm bżonn imma tal-inqas darba fis-sena. Il-Ministeru permezz ta’ fondi Ewropej bena ġibjun fit-Triq Qasam San Ġorġ biex jilqa’ l-ilma tax-xita. B’hekk fis-sajf il-bdiewa jkunu jistgħu jużaw dan l-ilma għat-tisqija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu li nbeda x-xogħol fi-Triq Ta’ Stellini fix-Xagħra, meta ser titlesta minn kollox din it-triq u kemm huma stmati li se jiġu jiswew ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jsir ix-xogħol fi Triq il-Gidi fix-Xewkija, Għawdex, fid-dawl tal-fatt li dan ix-xogħol qatt ma sar u t-triq tinsab fi stat ħażin ħafna, tant li qed tikkawża problemi kbar għar-residenti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għaddej b’diversi xogħlijiet madwar Għawdex. Għaldaqstant se tingħata prijorità skont il-ħtieġa tal-esiġenzi.
Jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti sar/qed isir ix-xogħol fuqhom mill-ħaddiema tal-Gvern u tal-iskema jew tal-contract for service li jaqgħu taħt direttorati varji fi ħdan il-Ministeru tiegħu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema tal-Ministeru jaħdmu fuq xogħol rikorrenti u anke skont pjan ta’ ħidma mfassal.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Manutenzjoni tat-toroq
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26161 dwar il-manutenzjoni tat-toroq ġewwa Għawdex fejn intqal li "l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar huwa responsabbli mill-manutenzjoni tat-toroq arterjali u distributorji", jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istorm water culverts fit-toroq arterjali u distributorji ta’ Għawdex humiex responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu biex jitnaddfu minn żmien għal żmien u ssirilhom il-manutenzjoni meħtieġa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru jassigura li fit-toroq arterjali u distributorji l-istorm water culverts ikunu nodfa u issir l-manutenzjoni meħtieġa.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Public Expo Village 2025 – Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Mejju 2025?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 26292.
Pjanijiet Lokali ta’ Malta u Għawdex — Proċess ta’ reviżjoni
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6083 (tat-Tlettax-il Leġiżlatura li ġiet imwieġba fit-13 ta’ Ġunju 2018) u 8737 dwar fiex wasal il-proċess biex jiġu riveduti l-Local Plans ta’ Malta u Għawdex, fejn dakinhar kien ġie mwieġeb li "x-xogħol fuq ir-reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex kompla għaddej u issa qed ikun hemm focus fuq numru ta’ issues li huma ta’ natura aktar strateġika u li jinħtieġ ġbir ta’ aktar informazzjoni u evalwazzjoni ta’ options differenti u li l-Awtorità tal-Ippjanar għaddejja bi studji varji, meħtieġa għal reviżjoni tal-Local Plans", jista’ l-Ministru jgħid x’sar f’dawn is-snin u x’inhu jsir fil-preżent u jekk il-Local Plans ta’ Malta u ta’ Għawdex humiex ser jiġu riveduti matul is-sena 2025?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li qed isiru xi reviżjonjiet parzjali biex jiġu aġġornati ma’ policies oħra li għandha l-Awtorità u oħrajn li qed tniedi minn żmien għall-ieħor, fix-xhur li ġejjin se nkomplu għaddejjin bid-diskussjonijiet sabiex eventwalment isiru r-reviżjonijiet b’mod aktar wiesgħa.
CT2361/2022 — Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry For Gozo
Question
B’referenza għas-sejħa CT2361/2022 - Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry For Gozo, jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru sa issa permezz ta’ din is-sejħa, fiex kienu jikkonsistu, fejn saru u kemm ġiet tiswa kull biċċa xogħol? Jista’ jgħid ukoll liema xogħol ieħor baqa’ xi jsir u jitlesta permezz ta’ din is-sejħa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ivarjaw bejn; xogħlijiet ta’ rutina biex tiġi imsaħħa l-istruttura f’diversi rħula f’Għawdex, apparti diversi xogħlijiet u interventi ta’ emerġenza meta meħtieġ.
Fid-dawl li fil-11 ta’ Mejju 2022, kważi eżattament tliet snin ilu, tħabbar il-proġett ta’ restawr tal-akwidotti mibnija fi żmien l-Ingliżi, inkluż il-pjan biex dawn jiġu mirfuda mill-qiegħ, anke minħabba l-fatt li huma mibnija fuq bażi tat-tafal u peress li skont id-Direttorat tal-Wirt Kulturali, ‘Il-proġett huwa mistenni li jitlesta fl-2025.’, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar matul dawn l-aħħar tliet snin u meta huwa mistenni li dan il-proġett jitlesta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar tliet snin ġie installat shoring taħt l-arkata prinċipali tal-akwidotti, u tfassal u nħareġ it-tender għall-konsolidazzjoni strutturali u l-konservazzjoni tagħhom. Bħalissa qed isiru laqgħat tekniċi sabiex il-kuntrattur ikun jista’ jibda x-xogħlijiet.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28378 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni u jgħid min hu responsabbli biex jara li l-kamra fi Triq Victor Pasmore, il-Gudja (ritratti u lokazzjoni annessi), ma tibqax ta’ periklu għad-diversi persuni u tfal li jgħaddu jimxu f’din it-triq hekk kif il-ġebel qed jaqa’ fit-triq u jidher li hemm periklu li tiġġarraf kollha kemm hi?
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Nefqa fuq fjuri
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23479, fejn ġejt riferut għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21883, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni limitatament għall-2024, u ċjoè kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-sena 2024 u jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra, u fil-każ kemm kienet l-ispiża?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa għal fjuri hija koperta mill-Line Item 22 Materials and Supplies fl-Estimi Finazjarji tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il xahar ilu li nbeda x-xogħol fi Triq l-Emigranti, fin-Nadur u għaliex f’dawn l-aħħar xhur ma tkompla ebda xogħol f’din it-triq? Jista’ jgħid ukoll meta ser jitkompla x-xogħol, meta x-xogħol ser jitlesta minn kollox u kemm hu stmat li ser jiġi jiswa x-xogħol f’din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet se jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin.
L-Għarb — Triq Albert W. Ketelby u Triq Patri Albert Caruana - Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa fi Triq Albert W. Ketelby u Triq Patri Albert Caruana, fl-Għarb?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għaddej b’diversi xogħlijiet madwar Għawdex u se jkun qed jimxi bi prijoritajiet skont l-esiġenzi meħtieġa.