Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – użu ta’ faċilitajiet għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema faċilitajiet f’Għawdex se jintużaw għal xi parti mil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li mistennija jsiru f’Malta dalwaqt? Liema dixxiplini se jsiru f’dawn il-faċilitajiet? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm faċilitajiet oħrajn li kienu qed jiġu kkonsidrati li jintużaw għal dawn il-logħob, iżda issa mhux se jintużaw u fil-każ, x’inhi r-raġuni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Xagħra, Għawdex – proġett tal-Għar ta’ Calypso

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2951 dwar fiex wasal il-proġett tal-Għar ta' Calypso fix-Xagħra Għawdex, liema għar issa ilu magħluq għall-pubbliku għal diversi snin peress li kienet ċediet parti minnu u in vista tal-fatt li ż-żewġ Ministri ta' qablu ddikjaraw kemm-il darba li x-xogħol kien wasal biex jibda u li dalwaqt jerġa’ jinfetaħ, fejn kien ġie mwieġeb “li l-Ministeru għaddej bil-konsultazzjonijiet mal-entitajiet meħtieġa biex eventwalment ikunu jistgħu jinkisbu l-permessi", peress li din it-tweġiba ngħatat fil-31 ta’ Ottubru 2022, jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar ħames xhur x'tip ta' konsultazzjonijiet mal-entitajiet meħtieġa saru, ma’ min saru, xi progress sar u meta hu maħsub li, bejn wieħed u ieħor, ikunu jistgħu jinkisbu l-permessi meħtieġa biex eventwalment ikun jista’ jibda x-xogħol meħtieġ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati u ġew riveduti l-pjanti biex il-proġett jokkupa spazju li hu diġà kompromess minn żvilupp preċedenti. Il-pjanti finali se jiġu sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar f’dawn il-ġimgħat biex ikun jista' jitkompla l-proċess ħalli jinħarġu l-permessi neċessarji biex ikun jista' jibda x-xogħol.

Rabat, Għawdex — Triq it-Tabib Anton Tabone – problema tal-ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid għandux xi pjanijiet u fiex jikkonsistu u meta huma ppjanati li jiġu mwettqa u fl-immedjat x'se jsir sabiex tiġi solvuta l-problema tal-ilma tax-xita fi Triq it-Tabib Anton Tabone, fir-Rabat Għawdex, peress li kull meta tagħmel ix-xita, id-djar tar-residenti ta' din it-triq qed jimtlew bl-ilma u qed ikun hemm ukoll periklu kbir f'din l-imsemmija triq kull meta tagħmel ħafna xita?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jagħmel xogħol ta’ storm water culvert fi Triq Santa Domenica biex tiġi indirizzata l-problema tal-ilma tax-xita. Hekk kif jitlesta dan il-proġett, il-Ministeru se jimbarka fuq proġetti ġodda biex jassigura li jittaffew il-problemi tal-ilma tax-xita fir-Rabat.

Rabat, Għawdex – Triq it-Tabib Anton Tabone – problema tal-ilma tax-xita

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2426 li ngħatat fid-19 ta' Ottubru 2022, fejn kien ġie mwieġeb li “bħalissa l-Ministeru qiegħed iħejji pjan infrastrutturali għas-snin li ġejjin”, jista’ l-Ministru jgħid meta nbeda u minn min qed isir, fiex jikkonsisti u fiex wasal il-proċess ta' tħejjija min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex rigward il-“pjan infrastrutturali għas-snin li ġejjin”?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar ġimgħat beda x-xogħol ta’ culvert ġdid fi Triq Santa Domenica, liema xogħol huwa relatat mal-problemi msemmija fi Triq it-Tabib Anton Tabone.

Il-Qala, Għawdex – Triq il-Wardija – xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2420 li ngħatat fit-18 ta' Ottubru 2022 rigward Triq il-Wardija, il-Qala Għawdex, u xogħol biex tinbidel is-sistema tad-drenaġġ u t-tarmak tat-triq kollha kemm hi, fejn ġie mwieġeb “li x-xogħol fuq din it-triq ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin”, jista’ l-Ministru jgħid għaliex għaddew aktar minn ħames xhur u x-xogħol għadu ma bediex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol marbut ma’ din it-triq mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.

Ministeru għal Għawdex — emails mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-emails b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali li rċieva l-Ministeru tiegħu u l-entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar, Frar u Marzu 2023?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jgħoddu l-istess prinċipji msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija tiegħu numru 7125.

Ittra mill-KE dwar l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’Mejju tas-sena l-oħra rċeviex ittra mill-Kummissarju Ewropew Virginijus Sinkevicius dwar l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid x’kienet ir-risposta tiegħu għal din l-ittra? Jista’ wkoll jgħid jekk wara l-ittra ta’ intimazzjoni (letter of formal notice) li rċieva fil-15 ta’ Frar 2023 dwar l-istess suġġett, ir-risposta ta’ Malta lill-KE ntbagħtitx sad-deadline tal-15 ta’ April 2023? Jista’ jagħtina fil-qosor din ir-risposta fir-rigward ta’ kif Malta reġgħet fetħet staġun għall-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-korrispondenza bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta’ każijiet pendenti ta’ ksur hija privileġġjata u għaldaqstant din l-informazzjoni ma tistax tingħata.

Rabat, Għawdex – Twaħħil ta’ struttura fuq il-binja ta’ ARMS Ltd.

Question

Fid-dawl tal-fatt li twaħħlet struttura temporanja fuq il-binja tal-ARMS Ltd. fi Triq il-Kapuċċini, ir-Rabat Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid: a. x'inhi r-raġuni li twaħħlet din l-istruttura; b. hemmx il-permessi kollha neċessarji kif stabbiliti mil-liġi biex isiru x-xogħlijiet? Jekk iva, x'inhu n-numru tar-referenza tal-permess; ċ. hemmx pjan ta' rilokazzjoni għal entità tal-ARMS fid-dawl tal-fatt li dan jista’ jkun ta' periklu; u d. x'inhu l-pjan u għal kemm terminu ta' żmien din l-istruttura se tibqa’ mwaħħla?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 1756 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 121 tal-15 ta' Mejju 2023)

Ministeru għal Għawdex – Intervention Unit — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li qed jaħdmu fl-Intervention Unit? X’inhu l-grad ta’ kull ħaddiem?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tim tal-Intervention Unit huwa kompost minn 16-il ħaddiem. Il-gradi jvarjaw minn Chief Scientific Officer sa Motor Transport Driver.

Sannat, Għawdex — Triq Xamgħan – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li ssir triq ġdida fi Triq Xamgħan, fis-Sannat peress li din it-triq tinsab fi stat diżastruż ħafna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru għal Għawdex għaddej b’ħidma kontinwa fejn tidħol l-infrastruttura madwar il-ġżira, inkluż f’toroq li għal għexieren ta’ snin tħallew jiddeterjoraw minn Gvernijiet Nazzjonalisti.

Għawdex – proġetti ġodda

Question

B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret f'Jannar 2018 mill-Ministeru għal Għawdex rigward il-Master Plan għall-Gozo Experimental Farm u l-proġett tal-Petting Farm u faċilitajiet ġodda għall-SPCA u l-Animal Welfare, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi meħtieġa min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u jgħid fiex waslu dawn il-proġetti u jekk tlestewx? Jekk ma tlestewx, x'inhuma r-raġunijiet li għadhom ma tlestewx? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa globali fuq dawn il-proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ma kompliex fuq dawn il-pjanijiet.

Ministeru għal Għawdex – proġetti b'fondi taħt il-programm LIFE Integrated Project

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti u fejn jinsabu f’Għawdex, li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm LIFE Integrated Project? Jista’ jgħid liema ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati biex isiru matul is-snin 2014 sal-2023 mill-programm LIFE Integrated Project u liema saru u liema bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom? Jista’ jgħid ukoll kemm se jingħata flus il-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond fuq kull proġett? Jista’ jgħid jekk hux se jingħata aktar flus u jekk iva, kemm se jingħata minn dan il-fond u għal liema proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żmien indikat il-Ministeru għal Għawdex ma bbenifikax minn tali programm.

Ministeru għal Għawdex — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order saret mid-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Għawdex – spiża u xogħol fuq football grounds

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7404 kollha u jgħid mis-sena 2019 sal-lum kemm kienet l-ispiża totali fuq il-football grounds f'Għawdex min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex u kemm kienet l-ispiża fuq kull ground partikolari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex – nies assenjati ma’ football grounds

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma’ kull football ground f'Għawdex kemm hemm nies assenjati mill-Ministeru għal Għawdex jew minn xi skema mħaddma mill-Gvern? Jista' jgħid x’inhu x-xogħol ta' kull ħaddiem ma’ kull ground partikolari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tmien grawnds tal-futbol f’Għawdex hemm assenjati 15-il ħaddiem. Dawn il-ħaddiema jagħmlu xogħol ta’ watching duties, tindif, manutenzjoni, xogħol klerikali, ġardinara u superviżjoni.

Għajnsielem – Dar tal-Anzjani San Ġużepp – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-data ta’ meta d-Dar tal-Anzjani San Ġużepp, fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem, għandha tiġi inawgurata u tilqa' fiha l-ewwel anzjani, peress li x-xogħol fuq din id-dar issa ilu li nbeda aktar minn tmien snin u nofs imma għadha fi stat ta’ ġebel u saqaf? Jista’ jgħid jekk l-appell rigward is-sejħa CT2281/2019 – Tender to Finish, Furnish, Equip, Operate, Manage, Maintain and Transfer Back Dar San Gużepp, Għajnsielem, Gozo as a Long-Term Care Facility for Elderly with Environmental Friendly items – quddiem il-PCRB u fil-Qorti tal-Appell ġiex deċiż u x' kien l-eżitu u x’inhu jsir bħalissa fuq dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 7859.

Għajnsielem – Dar tal-Anzjani San Ġużepp – parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il parkeġġ ser ikollha d-Dar tal-Anzjani San Ġużepp, fi Triq l-Imġarr, f'Għajnsielem?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dar tal-Anzjani fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem, ser ikollha 22 parkeġġ.

Rabat, Għawdex – akwadott – xogħol ta’ konsolidazzjoni strutturali tal-pedamenti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proġett ta’ konsolidazzjoni strutturali tal-pedamenti u l-konservazzjoni tal-akwadott fir-Rabat, Għawdex, li ilu jiġi mwiegħed f’diversi baġits f’dawn l-aħħar snin? Jista’ jgħid jekk inħarġitx is-sejħa u ġietx awarded għal xogħol ta' konsolidazzjoni strutturali tal-pedamenti u l-konservazzjoni tal-akwadott? Jista’ jgħid ukoll bejn wieħed u ieħor meta hu ppjanat li jinbeda x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti għadha ma ħarġitx.

Ministeru għal Għawdex – implimentazzjoni ta’ Direttivi tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu tul is-sena 2022 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2022 il-Ministeru għal Għawdex ma kellu l-ebda Direttiva tal-Unjoni Ewropea li kellha tkun trasposta fil-liġi nazzjonali u għaldaqstant m’hemm l-ebda Direttiva li hija pendenti.

Ministeru għal Għawdex — persuni rreġistrati bħala self-employed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni rreġistrati bħala self-employed mal-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru ma jkunux irreġistrati persuni self-employed. Meta jkun hemm contracts for service dawn jingħataw skont regolamenti tax-xiri pubbliku (public procurement).