Legislature:
Category:
Reset

Sistema tal-kulleġġi – Riforma strutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjan li jwettaq riforma strutturali fis-sistema tal-kulleġġi sabiex jingħataw aktar awtonomija fit-tmexxija u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom? Jekk iva, jista' jgħid meta hija mistennija titħabbar din ir-riforma?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030 id-dokument numru 4859 li diġà tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-Leġislazzjoni numru erbatax fis-seduta numru 302.

Ħal Qormi – Triq San Bastjan – Xogħlijiet

Question

Fid-dawl tal-istat ħażin f’partijiet minn Triq San Bastjan, f’Ħal Qormi, tista’ l-Ministru tgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol f’din it-triq?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 3515.

Għajnuna għall-bdiewa li għandhom is-serer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdiewa li għandhom is-serer hux jingħataw xi għajnuna biex iħaddmu prattiċi aktar sostenibbli u b’anqas impatt ambjentali? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid fiex tikkonsisti din l-għajnuna u kemm hemm bdiewa li gawdew minn din l-għajnuna sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, bħala parti mill-miżuri li wettaq il-Gvern matul l-ewwel mitt jum tiegħu wara l-elezzjoni, ġiet imnedija skema ġdida għall-ġbir ta’ plastik, pajpijiet u materjal ieħor relatat mal-attività agrikola, mingħajr ħlas, għall-bdiewa li għandhom is-serer jew li jkabbru l-fjuri. Permezz ta’ din l-iskema, Riżorsi Agrikoli Malta qed toffri servizz ta’ ġbir ta’ dan il-materjal mingħajr ebda spiża għall-bdiewa eliġibbli. Din il-miżura għandha l-għan li tinkoraġġixxi prattiċi agrikoli aktar sostenibbli u tnaqqas l-impatt ambjentali tal-attività agrikola, filwaqt li tiffaċilita l-immaniġġjar responsabbli tal-iskart agrikolu. Din l-inizjattiva tikkumplimenta wkoll miżuri agroambjentali oħra disponibbli għall-bdiewa taħt il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), li flimkien joffru appoġġ għal prattiċi agrikoli aktar sostenibbli, użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u tnaqqis tal-impatt ambjentali tas-settur agrikolu.

Programmi ta’ taħriġ u evalwazzjoni tal-ħiliet għall-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru programmi ta’ taħriġ u evalwazzjoni tal-ħiliet għall-bdiewa matul is-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru organizza workshop għall-bdiewa fis-settur tat-trobbija tal-ħnieżer, li ffoka fuq il-faċilitajiet tat-twelid għall-ħnieżer, b’enfasi partikolari fuq ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet xierqa għall-akkomodazzjoni tal-ħnieżer nisa u tal-qżieqeż. Din l-attività twettqet b’kollaborazzjoni ma’ esperti minn TEAGASC, li hija meqjusa bħala istituzzjoni ta’ referenza f’dan is-settur fl-Irlanda, bħala parti mill-proġett Agrikonsulta, bil-għan li jkompli jissaħħaħ l-għarfien tekniku u jiġu kondiviżi l-aħjar prattiċi fis-settur tat-trobbija tal-ħnieżer. Barra minn hekk, matul l-2026, il-Ministeru organizza kors speċjalizzat dwar il-produzzjoni u l-evalwazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, b’kollaborazzjoni ma’ esperti miċ-Ċentru ta’ Riċerka CIHEAM f’Bari. Fl-istess waqt, bħalissa għaddejja ħidma b’kollaborazzjoni man-National Skills Council għas-settur agrikolu. Din il-ħidma tinkludi analiżi tal-lakuni fil-ħiliet, bil-għan li r-riżultati miksuba jikkontribwixxu għat-tfassil ta’ programmi futuri ta’ taħriġ immirati lejn il-ħtiġijiet attwali u futuri tal-bdiewa u tal-operaturi fis-settur. Inżid ngħid li matul din is-sena, ġew ipprovduti ukoll tlett programmi ta’ taħriġ lill-bdiewa, fosthom: ·   Agri-Environment-Climate Commitments (AECC) ·   Complementary Income Support for Young Farmers (YF) ·   Eco-Scheme 2 – Integrated Pest Management (ES2)

Pitkalija – Sistema ġdid għall-bejgħ u x-xiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi introdotta sistema ġdida biex il-bejgħ u x-xiri fil-Pitkalija jkunu aktar effiċjenti u ġusti mal-bejjiegħa u x-xerrejja?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara r-Riforma tal-Pitkalija fl-2021, l-Aġenzija responsabbli tejjbet u ssimplifikat il-proċess tal-bejgħ billi daħħlet Sistema tal IT robusta fil-qalba tal-operat. Il-bdiewa (ilbidwi.gov.mt) u x-xerrejja (ixxerrej.gov.mt) issa għandhom apps biex jaraw u jivverifikaw il-bejgħ u x-xiri tagħhom. Ġie introdott ukoll il-Proċess tal-Bejgħ Dirett, li jħeġġeġ lill-bdiewa jbiegħu direttament permezz ta’ ilbidwi.gov.mt, filwaqt li jibqgħu jgawdu l-istess inċentivi tat-taxxa bħall-bejgħ permezz tal-Pitkalija. Barra minn hekk, il-Gvern qed jippjana l-bini ta’ Pitkalija ġdida bħala parti mill-programm ta’ ħidma tiegħu. Dan l-investiment ser joħloq l-opportunità sabiex, flimkien mal-infrastruttura l-ġdida, jiġu kkunsidrati aktar titjib u bidliet fis-sistema preżenti, bil-għan li l-operat tal-Pitkalija jsir aktar modern, effiċjenti u adattat għall-ħtiġijiet tal-bdiewa u tal-operaturi fis-settur.

Bidla fil-kaxxi tal-pitkalija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għadux bil-ħsieb li jibdel il-kaxxi l-ħodor tal-ħaxix u l-frott (kaxxi tal-pitkalija)? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'tip ta' kaxxi ħodor tal-pitkalija ser jiġu introdotti f'pajjiżna, kemm se jiswew flus biex jinbidlu l-kaxxi kollha, kemm hemm bżonn kaxxi ġodda u jekk il-bdiewa u l-koperattivi tagħhom ġewx ikkonsultati b'dan it-tibdil?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Miżura Elettorali (19.008) tipprevedi l-modernizzazzjoni tas-sistema tal-ippakkjar fil-Pitkalija, permezz tas-sostituzzjoni tal-kaxxi l-ħodor tal-ħaxix u l-frott b’kontenituri aktar moderni u prattiċi għall-bdiewa. F’dan il-kuntest, l-Aġenzija responsabbli qiegħda teżamina tipi differenti ta’ kontenituri li jistgħu jtejbu l-immaniġġjar u l-preżentazzjoni tal-prodott, kif ukoll il-loġistika marbuta mad-dħul, il-bejgħ u d-distribuzzjoni tal-prodott fil-Pitkalija. Bħala parti minn dan il-proċess, l-Aġenzija qed tippjana li tidentifika sett ta’ kontenituri standard u tniedi proġett pilota sabiex jiġu ttestjati u evalwati l-aktar għażliet adattati, b’konsultazzjoni mal-għaqdiet tal-bdiewa u l-koperattivi. Dan ix-xogħol ser jikkontribwixxi wkoll għall-proċess usa’ ta’ modernizzazzjoni tas-sistema tal-bejgħ u x-xiri fil-Pitkalija, skont l-għanijiet tal-Miżura Elettorali.

Proġett tal-Pitkalija l-ġdida u l-faċilitajiet tal-ħażna tal-ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett tal-Pitkalija l-ġdida u l-faċilitajiet tal-ħażna tal-ikel? Jista’ jgħid ukoll kemm hi stmata l-ispiża biex isir dan il-proġett, fiex ser ikun jikkonsisti dan il-proġett, meta hu ppjanat li jibda x-xogħol u meta hu ppjanat li jkun lest?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq id-disinji tal-Pitkalija l-ġdida u l-faċilitajiet tal-ħażna tal-ikel, filwaqt li qiegħed jiġi kkompilat ukoll rapport ta’ fattibbiltà dwar il-proġett. Id-dettalji dwar l-ispiża stmata tal-proġett u l-iskeda prevista għall-bidu u t-tlestija tax-xogħlijiet jingħataw fi stadju aktar avvanzat, ladarba jitlestew id-disinji u r-rapport ta’ fattibbiltà.

Art agrikola privata - Eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiġi estiża l-eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni għal art agrikola privata li tingħata għall-użu minn bdiewa żgħażagħ jew bdiewa ġenwini?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżura ta’ eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni, daħlet fis-seħħ permezz ta’ Kapitolu 364 tal-Liġijiet ta’ Malta, u se tibqa’ fis-seħħ għaliex mihiex miżura temporanja.

San Pawl il-Baħar - Triq Sant’ Aristarku - WSC - Spezzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi spezzjonijiet saru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) dwar ħruġ ta’ drenaġġ fi Triq Sant’ Aristarku, San Pawl il-Baħar, matul ix-xahar ta' Ottubru? Tista’ tgħid ukoll x’kienu r-riżultati ta’ dawn l-ispezzjonijiet, x’tiswija saret, meta saru l-ispezzjonijiet u meta saret it-tiswija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sitwazzjoni li qed tagħmel referenza għaliha l-Onor. Interpellanta ġiet solvuta fit-28 t’Ottubru 2026. Inżid li dan kien każ fejn ġebla, flimkien ma’ wipes, xugamani u skart ieħor mormi b’mod illeċitu u irresponsabbli daħlu ġewwa mejn u mblukkawh.  Sabiex issolvi din is-sitwazzjoni, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kellha tħaffer parti mit-triq u jinqata’ l-mejn li kellu l-problema.

Proġetti komunitarji – Benefiċjarji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif qed jiġu allokati l-madwar €3 miljun imħabbra fil-Baġit 2026 għal proġetti komunitarji, fosthom ċentri għall-għaqdiet volontarji, faċilitajiet sportivi, proġetti ekkleżjastiċi u restawr? Tista’ tagħti lista tal-benefiċjarji u l-ammont approvat għal kull proġett?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġetti komunitarji mill-vot li fih ċifra ta’ Eur3 miljuni huma proġettati kif jidher hawn taħt. L-ammonti approvati għadhom ma ġewx konklużi f’dan l-istadju. Tisbiħ ta’ Spazji Pubbliċi Lokalità Proġett Vittoriosa Repaving of Triq Wenzu Dyer Mqabba Construction of a public garden overlying an existing stormwater reservoir -Triq il-Ħajt tal-Matla Kirkop Embellishment of Ġnien Rousset Qrendi Embellishment of Tal-Ħniena Chapel area Mqabba Demolition of existing Public Convenience and construction of a Community Clinic and Local Council Hall Birżebbuġa Birżebbuġa Master Plan Mellieħa Paving, construction of rubble walls and fencing, and landscaping works at the PWD North Region District Office. Cospicua Paving works at Pjazza Gavino Gulia NGO’s Lokalita Proġett Mġarr Refurbishing works at Ex-Water Pumping Station – Għaqda Banda Mġarr Birżebbuġa Birżebbuġa: Heating systems at Birżebbuġa Aquatic & Sports Club Birzebbuġa Construction of Regatta Club Facilities Bormla Works within the Regatta Club Floriana Raised flooring at backyard of Children's Hub at Maison Notre Dame, St. Calcedonius Square Religious Organisations Lokalità Proġett Paola Lighting of façade of Poala Basilica Mqabba St Catherine's Chapel Mqabba Kirkop Refurbishment and re-construction of the Domus Kirkop Parish Church St Leonard Fgura Architectural Lighting of Church Birkirkara Reconstruction of the belfry of the Oratory MSSP Kirkop St. Leonard's Parish Church - Restoration/replacement of balustrades in parvis Żurrieq Ċentru Parrokkjali: Installation of a Passenger Lift

Baġit 2026 – Spazji pubbliċi ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħolqu spazji pubbliċi ġodda taħt il-proġetti mħabbra fil-Baġit 2026 u kemm spazji ġew riġenerati? Tista’ tagħti lista ta’ dawn il-proġetti u tindika kemm minnhom huma miftuħa għall-pubbliku?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li nħolqu jew ġew riġenerati erbgħa u għoxrin spazju pubbliku. Il-proġetti ndikati huma kollha miftuħa għall-pubbliku. Spazji miftuħa riġenerati taħt il-FA 2024-2026 Lokalità Triq/Żona Ħamrun Triq Atoċja Ġnien Anton Buttiġieġ Isla Ġnien il-Gardjola Kirkop Ġnien Rousset Gudja Ġnien Raymond Caruana Għaxaq Ġnien 2000 Mġarr Wesgħat il-Ġublew Mosta Eco Garden, Triq il-Feniċi Santa Margerita Civic Centre Triq il-Fortizza Triq il-Mitna l-Qadima/Sqaq Xorxa Mtarfa Pjazza tal-Mtarfa, riġenerazzjoni Qormi Pjazza Narbona Qrendi Pjazza tal-Ħniena Rabat Kappella Sta Katerina tad-Daħla, spazju pubbliku Kappella Ta' Casha, spazju pubbliku Siġġiewi Triq Ramija Sliema Triq Howard Żebbuġ Vjal il-Ħelsien De Rohan Gate Pjazza fi Triq Sciortino Ġnien l-Indipendenza Żurrieq Belveder fi Triq Franġisk Coleiro

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi – Bankini u żoni pedonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm metri kwadri ta’ bankini u żoni pedonali ġew mibnija jew imtejba permezz tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll taqsam din l-informazzjoni skont il-lokalità u l-proġett?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul is-sena 2026, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq diversi interventi ta’ kostruzzjoni, tisbiħ u titjib ta’ bankini u spazji pubbliċi f’diversi lokalitajiet madwar Malta. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu fost oħrajn, aktar minn 7 kilometri ta’ bankini, pavimentar ta’ aktar minn 6,628 metru kwadru ta’ bankini, kif ukoll aktar minn 6,500 metru kwadru ta’ pavimentar fi spazji pubbliċi miftuħa. Il-lokalitajiet fejn saru dawn ix-xogħlijiet huma indikati fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Toroq arterjali f’Għawdex – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tat-toroq arterjali f’Għawdex li sar xogħol fuqhom matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fil-kuntest tal-impenn imħabbar fil-Baġit 2025? Tista’ tgħid ukoll it-tul tat-toroq li saru, l-ispiża u jekk ix-xogħol tlestiex?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Ħal Kirkop – Proġett ta’ riorganizzazzjoni tat-traffiku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-proġett ta’ riorganizzazzjoni tat-traffiku f’Ħal Kirkop tlestiex skont il-pjan oriġinali? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm dewmien, bidliet fil-pjanijiet jew żidiet fl-ispejjeż?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Ħal Qormi – Proġett ta’ riorganizzazzjoni tat-traffiku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħlijiet ta’ riorganizzazzjoni tat-traffiku f’Ħal Qormi msemmija fil-Baġit 2025, tlestewx? Tista’ wkoll tagħti rendikont tax-xogħlijiet li saru, l-ispiża totali u jekk għadx hemm xogħlijiet pendenti?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Heritage Malta u l-Kummissjoni Maltija għall-Films - Mekkaniżmi formali ta’ koordinazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jispjega liema mekkaniżmi formali ta’ koordinazzjoni jeżistu bejn Heritage Malta u l-Kummissjoni Maltija għall-Films sabiex il-ħtiġijiet tal-konservazzjoni u dawk tal-industrija tal-films jiġu kkunsidrati flimkien meta jiġu ppjanati interventi fuq siti storiċi?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

L-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.

Dħul għal entitajiet pubbliċi minn film locations

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul ta’ Heritage Malta u entitajiet pubbliċi oħra mill-għoti ta’ permessi jew mill-kiri ta’ siti storiċi għall-ġbid ta’ films u produzzjonijiet televiżivi matul kull waħda mill-aħħar ħames snin, u jagħti t-tqassim tad-dħul skont l-entità?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-użu ta’ siti storiċi għall-ġbid ta’ films u produzzjonijiet televiżivi huwa suġġett għall-proċeduri u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-entitajiet responsabbli mill-amministrazzjoni tas-siti rispettivi. Id-dħul minn dawn l-attivitajiet jiġi amministrat mill-entitajiet konċernati, skont il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom. Il-Ministeru jagħraf l-importanza li dawn is-siti jkomplu jintużaw b’mod responsabbli għal produzzjonijiet awdjoviżivi, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna.

Kummissjoni Maltija għall-Films - Siti storiċi - Promozzjonijiet internazzjonalment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema inizjattivi ħadet il-Kummissjoni Maltija għall-Films matul l-aħħar ħames snin sabiex tippromwovi internazzjonalment is-siti storiċi ta’ Malta bħala locations għal films u produzzjonijiet televiżivi, u kemm intefqu fondi fuq dawn l-inizjattivi?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

L-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.

Kummissjoni Maltija għall-Films - Siti storiċi - Evalwazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kriterji tuża l-Kummissjoni Maltija għall-Films meta tevalwa jekk sit storiku huwiex adattat biex jiġi promoss bħala location għal produzzjonijiet internazzjonali, u jekk dawn il-kriterji jinkludux il-kundizzjoni fiżika, il-karatteristiċi arkitettoniċi u l-flessibbiltà tas-sit għall-bżonnijiet tal-produzzjoni?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

L-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.