Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għas-Saħħa – Direct orders ta' inqas minn €2,000

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Hip replacements

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4252 u 5062 u jgħid kemm saru hip replacements fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u sptarijiet privati mħallsin mill-Gvern, fix-xhur ta’ Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2026?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li bejn Frar u Settembru 2026, is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa wettaq 281 operazzjoni ta’ hip replacements f’Malta u Għawdex. Is-servizz huwa kkumplimentat mis-settur privat skont il-ħtieġa.

Knee replacements

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4251 u 5000 u jgħid kemm saru knee replacements fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u sptarijiet privati mħallsin mill-Gvern, fix-xhur ta’ Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2026?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li bejn Frar u Settembru 2026, is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa wettaq 760 operazzjoni ta’ knee replacements f’Malta u Għawdex. Is-servizz huwa kkumplimentat mis-settur privat skont il-ħtieġa.

TCNs – Infermiera u ħaddiema fil-kura (carers)

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4922 u jgħid kemm huwa n-numru ta’ infermiera u ħaddiema fil-kura (carers) minn pajjiżi terzi (TCNs) impjegati fis-servizzi tas-saħħa pubbliċi f’Malta u Għawdex, b’rendikont skont il-faċilità? Jista’ wkoll jindika x’perċentwal tal-persunal f’dawn il-karigi huwa magħmul minn TCNs u kemm kienu l-postijiet vakanti f’dawn il-karigi li mtlew minn TCNs matul l-aħħar sentejn?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għas-Saħħa – Kontinġent għall-laqgħat f’New York

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2972, 3306, 3500, 4178 u 4743 u jgħid kemm kien jikkonsisti f’persuni l-kontinġent li akkumpanjah jew li ntbagħat mill-Ministeru tiegħu għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga u r-rwol ta’ kull persuna? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali relatata ma’ dan il-kontinġent, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn il-21 u l-25 ta’ Settembru 2026 attendejt għall-81 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York. Matul din iż-żjara komplejna mmexxu ‘l quddiem l-interessi ta’ pajjiżna. Fost l-impenji li kelli, ipparteċipajt f’numru ta’ laqgħat diplomatiċi, summits u konferenzi internazzjonali u ltqajt ma’ rappreżentanti ta’ kumpaniji internazzjonali ewlenin, Id-delegazzjoni li akkumpanjatni kienet magħmula minn erba’ persuni: is-Segretarju Permanenti, il-Kap Uffiċjal Mediku, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u membru tal-istaff tiegħi. L-ispiża totali kienet ta’ €63,416.31. Matul l-istess żjara, żort ukoll il-Mayo Clinic f’Rochester, Minnesota, fejn kont akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti, mill-Kap Uffiċjal Mediku, mill-Ambaxxatur ta’ Malta fl-Istati Uniti u minn membru tal-istaff tiegħi. Għal iktar dettalji nistieden lill-Onor Interpellant jaqra il-komunitat: https://departmentofinformation.gov.mt/press-release/2026/pr261546

Sistema tas-saħħa – Infermiera

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4495 u jgħid kemm hemm infermiera li preżentement jaħdmu fl-isptarijiet u fil-Kura Primarja?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ infermiera li preżentement jaħdmu fl-isptarijiet u fil-Kura Primarja huwa ta’ 4141 (3596 uffiċjali pubbliċi u 545 impjegati tal-kuntratturi).

Ministeru għas-Saħħa – Helplines – Persuni li għamlu użu

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4491 u jgħid kemm persuni użaw il-helplines ikkoordinati mill-Ministeru għas-Saħħa u jaqsam l-informazzjoni skont il-helpline relattiv?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

L-Isptar Mater Dei – Konsulenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4489 u jgħid kemm hemm konsulenti jaħdmu fl-Isptar Mater Dei preżentement, maqsuma skont il-linja tal-mediċina li jipprattikaw fiha?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li fl-Isptar Mater Dei jaħdmu 368 konsulent f’għoxrin dipartiment, li jkopru l-firxa sħiħa tal-ispeċjalitajiet kliniċi u dijanjostiċi.

Sptar Reġjonali Ċensu Moran – Persuni li għamlu użu mis-servizzi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4488 u jgħid kemm kien in-numru ta’ pazjenti li għamlu użu minn xi wieħed mis-servizzi offruti mill-isptar reġjonali Ċensu Moran, mill-ftuħ tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Ottubru 2025 u l-31 ta’ Ottubru 2026, kien hemm total ta’ 256,396 pazjent li għamel użu minn wieħed jew aktar mis-servizzi offruti mill-isptar reġjonali Ċensu Moran.

Servizz tal-Home Care – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni fil-lista ta’ stennija għas-servizz tal-Home Care, skont l-aħħar ċifri disponibbli? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ilhom jistennew: i.     inqas minn tliet xhur; ii.    bejn tliet xhur u sitt xhur; iii.   bejn sitt xhur u sena; jew iv.   aktar minn sena? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-itwal żmien li persuna ilha tistenna?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda servizz bl-isem ta’ Home Care taħt il-Ministeru għas-Saħħa. Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tiċċara għal liema skema qed tirreferi.

Suwiċidji – Mistoqsijiet parlamentari

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex il-mistoqsijiet parlamentari dwar suwiċidji jitwieġbu mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà minflok mill-Ministru għas-Saħħa?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 32498 tal-Leġislatura XIV li kienet ingħatatilha fit-03 ta’ Diċembru 2025.

Pain Clinic – Injections/interventi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema tip ta' injections u interventi qed jiġu offruti mill-Pain Clinic?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li l-Pain Clinic toffri servizz multidixxiplinari u komprensiv fl-isptar Mater Dei, fiċ-Ċensu Moran Paola Hub, fl-isptar San Vinċenz de Paule u fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għall-uġigħ akut u kroniku, uġigħ tal-kanċer, u kura paljattiva u kura oħra meta l-pazjent ikun wasal fl-aħħar zmien ta' ħajtu. Komponent ewlieni huwa l-immaniġġjar intervenzjonali tal-uġigħ, inkluż firxa wiesgħa ta’ injezzjonijiet iggwidati minn landmark, ultrasound u fluworoskopija bħal injezzjonijiet epidurali, fl-għeruq tan-nervituri, fil-faċċetti u fil-ġogi sakroiljaċi, blokki tan-nervituri periferali u simpatetiċi, injezzjonijiet fil-ġogi/bursali u trigger-point, flimkien ma’ proċeduri ta’ radjufrekwenza u newrolitiċi. Is-servizz jipprovdi wkoll konsultazzjonijiet speċjalizzati, medication optimisation, infużjonijiet ta' ketamine/lignocaine, u neuromodulation avvanzata.

Formularju tal-Gvern – Mediċina Prolia

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx ħsieb li l-Prolia (denosumab) jew il-verżjoni ġenerika tagħha tiddaħħal fil-Formularju tal-Gvern?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li kull mediċina proposta għall-Formularju tal-Gvern tgħaddi minn proċess ta’ evalwazzjoni strutturat. L-introduzzjoni tad-denosumab qed tiġi kkunsidrata f’dan il-qafas, b’segwitu għall-verifiki tekniċi, ekonomiċi u legali kollha meħtieġa.

L-Isptar Mater Dei – Servizz tal-kirurġija tal-fwied – Investiment

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'investiment sar matul dawn l-aħħar snin sabiex fl-Isptar Mater Dei jkun jista' jiġi żviluppat is-servizz tal-kirurġija tal-fwied? Jista' jgħid ukoll x'investiment sar jew hu ppjanat f'apparat, infrastruttura, taħriġ ta' kirurgi u professjonisti oħra tas-saħħa, sabiex aktar operazzjonijiet tal-fwied ikunu jistgħu jsiru f'Malta u jonqos il-bżonn li pazjenti jintbagħtu barra minn pajjiżna?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul l-aħħar snin, żewġ kirurgi rċievew taħriġ ta’ kwalita’ f'ċentri kbar fir-Renju Unit, l-Italja u l-Irlanda u għall-aħħar 5 snin l-operazzjoniiet tal-fwied (mhux trapjant) kważi kollha qed isiru Malta fl-isptar Mater Dei. Il-kirurgi li ġew ingaġġati qegħdin joffru servizz ta’ kwalita’ kif jixhdu r-riżultati miksuba. Fl-aħħar sena, iż-żewġ kirurgi kienu qed jitħarġu biex ikunu jistgħu iwettqu dawn l-operazzjonijiet permezz tal-aħħar teknologija, jiġifieri permezz tal-użu tar-robotika li toffri iktar preċizjoni waqt l-operazzjoni u b'riżultati superjuri.  Huwa maħsub li fis-sentejn li ġejjin se jkun kemm kirurgu/a li se j/tkun qiegħed j/titħarreġ fil-kirurgija tal-fwied f ċentri barra minn Malta.  Bħala investiment, it-teatri tal-isptar Mater Dei huma attrezzati bl-aħħar infrastruttura neċessarja għal operazzjonijiet tal-fwied.  Inxtrat strumentatura apposta kif ġie rakkomandat mill-kirurgi nnifishom.

Trapjanti tal-fwied

Question

Peress li pazjenti Maltin li jkollhom bżonn trapjant tal-fwied tradizzjonalment jintbagħtu barra minn Malta, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-kapaċità jew il-pjan li dawn it-trapjanti jibdew isiru fl-Isptar Mater Dei? Jekk iva, jista’ jgħid meta hu mistenni li jibda dan is-servizz u jekk le, x'inhuma l-isfidi ewlenin li minħabba fihom għadu mhux possibbli li jiġi introdott?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li l-operazzjonijiet tat-trapjant tal-fwied isiru barra minn Malta minħabba l-fatt, li skond linji gwida internazzjonali, biex ċentru jkun jista joffri servizz bħal dan, huwa neċessarju li jagħmel mill-inqas 20 trapjant fis-sena - ir-rakkomandazzjoni hi li jsiru 30 trapjant fis-sena. Bħalissa f’pajjiżna jkun hemm bżonn ta’ bejn 3 u 5 trapjanti tal-fwied fis-sena.

Finanzjament mogħti lil NGOs

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3751 u jagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsum skont l-NGO, l-għan u s-sena?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 5075.

Kollaborazzjoni ma’ NGOs

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3750 u jelenka l-NGOs li l-Ministeru qed jikkollabora magħhom u jispeċifika s-servizzi mogħtija minn kull waħda?

Response (BORG, IAN)

Infurmat li l-Ministeru għas-Saħħa jikkollabora ma’ numru ta’ NGOs u dan sabiex jiġu pprovduti diversi servizzi fosthom Community services għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, Seminars f’diversi Kunsilli Lokali u Għaqdiet Volontarji fuq suġġetti relatati mas-saħħa, Appoġġ għall-għoti ta’ kura paljattiva lil persuni b’mard terminali, Akkomodazzjoni u servizzi spiritwali barra minn Malta għal pazjenti li jkunu qed jirċievu trattamenti varji, Voluntiera biex jassistu u jipprovdu appoġġ lil pazjenti u qrabathom fl-għoti ta’ servizzi mhux mediċi u mhux kliniċi fl-isptarijiet f’Malta, Attivitajiet varji għall-anzjani fi djar residenzjali tal-Gvern biex iżommu ruħhom attivi u ħafna oħrajn. L-Għaqdiet Volontarji li bbenefikaw minn dawn is-servizzi jinkludu: Richmond Foundation, Hospice Malta, Puttinu Cares, Maltese Conventual Franciscan Province Friars, SOS Malta, Karl Vella Foundation, Din l-Art Ħelwa, The Scout Association of Malta, St. Jeanne Antide Foundation, St. John Rescue Corps, Fondazzjoni Suret il-Bniedem, Gozo Business Chamber, Mission4Changes u Malta Dementia Society.

Reġistrazzjoni tal-imwiet – Aġġornament awtomatiku jew manwali tad-data

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3888 u 4420 u jgħid jekk ir-reġistrazzjoni tal-mewt ta’ pazjent f’sistema waħda twassalx għal aġġornament awtomatiku tal-istatus tal-pazjent fis-sistemi l-oħra, jew jekk dan jiddependix minn intervent manwali? Jista’ jgħid ukoll fejn ikunu meħtieġa aġġornamenti manwali, liema kontrolli huma fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-informazzjoni tiġi aġġornata b’mod korrett u fil-ħin?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 5064.

Sptarijiet pubbliċi – Sistemi elettroniċi tal-informazzjoni – Reġistrazzjoni tal-imwiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3887 u 4419 u jgħid x’inhuma l-proċeduri fis-seħħ fl-isptarijiet pubbliċi biex il-mewt ta’ pazjent tiġi rreġistrata fis-sistemi elettroniċi tal-informazzjoni? Jista’ jispeċifika liema sistemi jintużaw, inklużi l-ICM, il-Patient Dashboard, l-EPR u l-Converge, u jispjega kif l-informazzjoni dwar il-mewt ta’ pazjent tiġi trażmessa u aġġornata bejn dawn is-sistemi? Jista’ jispjega wkoll jekk hemmx differenza bejn meta persuna tmut fid-dar residenzjali tagħha jew fl-isptar?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li fl-isptarijiet pubbliċi, l-mewt ta’ pazjent tiġi rreġistrata skont proċeduri stabbiliti, u l-informazzjoni tiġi aġġornata fis-sistemi rilevanti tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa. Fil-każ ta’ mwiet li jseħħu barra mill-isptar, inkluż fir-residenza tal-persuna, l-informazzjoni tiġi aġġornata abbażi tad-dokumentazzjoni uffiċjali. Is-sistemi u l-proċessi relatati jiġu riveduti b’mod kontinwu, bil-għan li tissaħħaħ aktar l-interoperabbiltà bejniethom.

Operazzjonijiet tal-katarretti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4253 u jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-katarretti fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u sptarijiet privati mħallsin mill-Gvern, fix-xhur ta’ Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2026?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li bejn Frar u Settembru 2026, is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa wettaq 3,504 operazzjonijiet tal-katarretti f’Malta u Għawdex. Is-servizz huwa kkumplimentat mis-settur privat skont il-ħtieġa.