Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — informazzjoni dwar l-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29116 u jagħti rendikont ta' kemm daħlu impjegati fid-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'liema rwoli u b'liema salarji mill-2004 sal-lum? Jista' jgħid jekk humiex Maltin jew barranin? Jista' jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin? Għall-istess perjodu, jista' jgħid kemm irtiraw, irriżenjaw u tkeċċew nies mill-istess dipartimenti u entitajiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — lista ta' tenders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31102 u 30889 u jagħti lista ta' tenders mogħtija fl-2008, 2009, 2010 u bejn Jannar u Novembru 2011 mill-Ministeru, l-aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet, eċċ. li jaqgħu taħtu u li l-valur tagħhom kien ta' iktar minn miljun ewro? Jista' jagħti dettalji ta' x'tenders kienu u lil min ingħataw? Jista' jgħid fuq kemm minnhom tħallas iktar minn kemm kienet l-ispiża oriġinali u kemm kienet id-differenza f'kull każ u jagħti r-raġuni għaliex ġara hekk f'kull każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Apparat ta' Video Telemetry għal nies li jbatu bl-epilepsija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32528 u jikkonferma li hemm apparat ġdid tal-video telemetry għal nies li jbatu bl-epilepsija li ilu snin li nxtara imma qatt ma ntuża? Kemm ġie jiswa dan l-apparat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-apparat għall-Video EEG Long Term Monitoring jinsab fin-Neuromedical Ward fl-isptar Mater Dei. Dan huwa servizz ġdid u speċjalizzat fil-qasam ta' l-Epilessija, u ilu li nbeda l-użu ta' dan l-apparat minn Mejju 2012. Il-kuntratt biex jinxtara l-apparat tal-Long Term EEG sewa €131,926.42 (li jinkludi 18% VAT ). Dawn għandhom jitħallsu fuq perjodu ta’ seba’ (7) snin. L-ispiża tkopri ukoll maintenance agreement għal seba’ (7) snin.

Spezzjonijiet fi ħwienet tal-laħam minħabba livel ta' sanità

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 37868, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk waqt tali spjegazzjonijiet isirux verifiki ukoll dwar jekk id-deskrizzjoni mogħtija tkunx korretta jew le, ukoll dwar jekk dak il-laħam inkunx prodott lokalment, inkella introdott fis-suq lokali kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll minn pajjiżi terzi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li waqt l-ispezzjonijiet kif indikati fir-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37868, kemm id-deskrizzjoni fuq it-tikketta tal-prodott jew tal-maħfen tiġi verifikata kif ukoll il-pajjiż tal-oriġini tal-laħam li tista` tiġi verifikata minn numru tal-istabbiliment ta’ fejn saret il-qatla.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — direct order

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders (x'kienet id-direct order, kemm swiet u lil min ingħatat) f'dawn l-aħħar tliet xhur u jagħti d-dettalji relattivi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Sptar Mater Dei — differenza bejn carers u nursing aides

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu ta’ carers mal-kuntrattur ġewwa l-Isptar Mater Dei? Kemm hemm nursing aides? Ma jħossx li hija diskriminatorja li filwaqt li nursing aides li jaħdmu mal-gvern u li jagħmlu kważi xogħol identiku għandhom paga doppja ta’ dik li jaqilgħu l-carers u dan mingħajr ebda preġudizzju għall-kundizzjonijiet li jgawdu n-nursing aides iżda sempliċiment minħabba d-diżlivell li hemm bejn il-kundizzjonijiet tat-tnejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-Isptar Mater Dei hemm 254 carers mal-kuntrattur u 225 nursing aides. Is-salarji tan-Nursing Aides huma skont ir-rati stipulati mal-Gvern, filwaqt li l-ħlas tal-carers isir abbażi tal-kuntratt li dawn il-persuni għandhom mal-kuntrattur li jimpjegahom.

Sptar Mater Dei — Nuqqas ta' ħaddiema fil-laboratorji tal-isptar

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-preżent ġewwa l-Isptar Mater Dei hemm nuqqas ta' ħaddiema fil-Laboratorji tal-istess sptar? Jikkonferma ukoll li filwaqt li hemm diversi li se jiggradwaw u oħrajn li diġà gradwaw m'hemm l-ebda ħsieb li dawn se jiġu impjegati minħabba li d-Dipartiment tal-Patoloġija m'għandux finanzi għall-pagi tal-ħaddiema? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm laboratorji fl-Isptar Mater Dei u kull wieħed minnhom kemm qed iħaddem nies fil-preżent u kemm huwa n-numru ta' ħaddiema li suppost jaħdmu f'kull laboratorju?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm vakanzi approvati li għadhom mhumiex mimlija u li preżentament hemm sejħa biex jintlew vakanzi ta’ Medical Laboratory Technologist fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, li fetħet fl-20 ta’ Novembru 2012 u tagħlaq fil-14 ta’ Diċembru 2012. Ninsab informat ukoll illi fil-Medical Laboratory Services tal-Isptar Mater Dei hemm total ta’ 149 impjegat li qed jaħdmu fit-taqsimiet kif jidher hawn taħt: Administration 6 Bacteriology 24 Biochemistry 39 Cytogenetics 3 Cytology 5 Haematology 23 Histology 15 Hospital Blood Bank 14 Immunology 6 Mortuary 2 Mycology 2 Toxicology 3 Virology 7 Total ta’ Taqsimiet: 13 149

Sptar Mater Dei — Ftehim ma' Sptar Privati għal servizz mogħti fil-weekend

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu jew le li l-ftehim li sar ma' sptar privat dwar servizz mogħti fil-weekend minflok persuna tmur ġewwa l-Isptar Mater Dei jeskludiex persuna taħt it-18-il sena? Jekk dan mhux minnu, kellu xi rapport li ġieli ntqal dan il-kliem minn xi persuni li forsi jaħdmu fl-isptar privat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fid-definazzjoni ta’ dan il-kuntratt li jirregola dan is-servizz bejn id-dipartiment tas-Saħħa u l-isptarijiet ta’ s-St. James (Żabbar u Sliema), jeskludi pazjenti ta taħt is-sittax-il sena (paediatric patients). B’konsegwenza, pazjenti bejn is-sittax u t-tmintax-il sena jiġu trattati bħal kull pazjenti regolari oħra.

Dipartiment tas-Sanità Pubblika — azzjoni industrijali

Question

Jikkonferma l-Ministru li fil-preżent hemm azzjoni industrijali fi ħdan id-Dipartiment tas-Sanità Pubblika? Jekk fl-affermattiv x’inhi r-raġuni għal din l-azzjoni? Jista' jgħid kif il-pubbliku qed jiġi moqdi fil-preżent?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li preżentament hemm azzjoni industrijali fi ħdan id-Direttorat għal Saħħa Ambjentali. Ir-raġuni għal tali azzjoni hija minħabba nuqqas ta’ qbil mal-Union Ħaddiema Magħqudin dwar il-ftehim kollettiv settorali. Il-pubbliku mhux qiegħed jiġi moqdi fir-rigward ta’ dawk l-azzjonijiet indikati fl-istess azzjoni mill-Union.

tlaqqim kontra virus

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jitlaqqmu l-bniet kontra l-virus li jħassar is-cervix?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa hemm appell pendenti quddiem il-Kumitat tal-Appelli dwar it-tilqima għall-prevenzjoni tal-kanċer ċervikali fil-bniet. Qabel ma tingħata deċiżjoni ma jistax jitkompla l-proċess tax-xiri ta’ din it-tilqima.

tilqima kontra l-meningitis

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-batch il-ġdid tat-tilqima kontra l-meningitis, hux se jkun inkluż il-Meningococcal B strain f'prodott approvat dan l-aħħar - 4CMenB, peress li l-B strain hu l-aktar komuni u virulenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-tilqima kontra l-meninġite li tinsab fil-formularju tal-Gvern tilqa’ kontra l-gruppi A, C, W135, u Y. Ma kien hemm l-ebda talba għad-dħul ta’ 4CMenB fil-formularju tal-Gvern. Importanti jingħad li l-vaċċin 4CMenB għadu fl-istadju ta’ provi kliniċi u għaldaqstant għadu ma ġiex illiċenzjat.

paramediċi — direttivi

Question

Fl-azzjonijiet industrjali kontemporanji li fihom paramediċi mhumiex jikkomunikaw ma' pazjenti, f'każ fejn dan jista' jkun ta' dannu għall-pazjent, bħal fil-każ li jrid jiġi spjegat verbalment minnufih li tinbidel doża wara li jiġi eżaminat id-demm fl-Anticoagulant Clinic, jista' l-Ministru jgħid il-ħaddiema humiex eżenti milli jsegwu d-direttiva tat-trejdunion tagħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-paramediċi li qed issir referenza għalihom ma jikkomunikawx mal-pazjent dirett imma mat-tabib preżenti. Huwa tajjeb li jingħad li anke waqt id-direttiva tat- trade union tagħhom, riżultati abnormali ġew ikkomunikati mat-tabib preżenti biex issir żgur li ma jkun hemm l-ebda dannu għall-pazjent.

Sptar Mater Dei — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru, permezz tal-customer care tal-Isptar Mater Dei, ikellem lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minħabba l-problema li għandha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ufficjal tal-Customer Care tkellmet mal-pazjenta li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, u l-isptar qed jassigura li l-proċeduri kollha neċessarji jittieħdu biex il-pazjenta tiġi megħjuna fil-problemi tagħha. Ufficjali tal-Customer Care kellmu lill-missier il-pazjenta ukoll.

problemi relatati ma' mard tas-sider

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'jiġri minn dawk il-pazjenti nisa li għandhom storja ta' problemi relatati ma' mard tas-sider u għandhom iktar minn 62 sena? Jista' jgħid jekk dawn jistgħux jidħlu fl-iskema ta' skrenjar ukoll?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Programm Nazzjonali ta’ Screening għall-Kanċer tas-sider bħalissa qed jistieden lin-nisa f’Malta u Għawdex ta’ bejn il-50 u s-60 sena (madwar 42,000 mara) fuq medda ta’ tliet snin. Il-Programm jistieden lil nisa li huma b’saħħithom u jirrakkomanda bis-saħħa li kull min għandu xi dubju jew diffikulta’ dwar is-sider, anki jekk eliġibbli għall-iScreening, jieħu parir immedjat mit-tabib. Dan ikun jista’ jiggwidahom dwar bżonn ta’ aktar investigazzjoni jew riferiment. Matul il-ġimgħat li ġejjin ser issir evalwazzjoni tal-programm mill-International Agency for Research on Cancer (IARC), li gew ingaġġati ukoll biex jagħtu parir dwar estensjoni tas-servizz hekk u fejn meħtieġ.

mammografija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk biex tagħmel mammografija tridx tkun ta' ċertu età biss, u xi proċedura trid issegwi mara li tixtieq teżamina sidirha b'dan it-test?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-deċiżjoni biex isir it-test tal-mammografija mhijiex ibbażata biss fuq l-età iżda hija deċiżjoni li tittiehed b’mod ħolistiku wara eżami kliniku, analiżi tas-sintomi u l-istorja tal-mara u indikaturi kliniċi oħrajn. Kull min għandu xi dubju jew diffikulta’ dwar is-sider għandu jieħu parir immedjat mit-tabib. Dan ikun jista’ jiggwidahom dwar bżonn ta’ aktar investigazzjoni jew riferiment.

San Pawl il-Baħar — persuni li għandhom il-karta roża u s-safra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li għandhom il-karta r-roża f'San Pawl il-Baħar u kemm minn dawn għandhom il-karta s-safra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta' kartun isfar fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar huwa ta’ 7,235. Ninforma lill-Onor. Interpellant biex rigward il-karta r-roża jistaqsi lill-Ministru kkonċernat.

Applikazzjoni għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jara fiex wasal il-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni biex tidħol fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul. B’hekk din l-applikazzjoni tqegħdet fil-lista ta’ stennija skont il-mertu tal-każ.

sussidju fuq il-kera tat-telefon

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37745 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jara x'ġara mill-applikazzjoni tas-sussidju tal-kera tat-telefon ta' koppja anzjana li d-dettalji dwarha qed jidhru separatamet li minkejja li ilha li applikat tliet xhur għadha bla sussidju?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-każ li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, jirriżulta li kemm skont ir-records fiċ-Ċentru Servizz Anzjan, Valletta, kif ukoll skont ir-records ta` GO plc, l-applikazzjoni ta` din il-koppja qatt ma daħlet fid-Dipartiment. Sussegwentament meta din il-koppja ġew ikkuntattjati, irriżulta li huma minn naħa tagħhom lanqas ma rċievew aknowledgement li normalment jintbgħatu lil kull applikant ġdid. Meta mitluba tagħti l-informazzjoni jekk tafx fejn bgħatet l-istess applikazzjoni għat- Telephone Rebate Service, il-persuna qaltilna li ma tafx lil min u fejn bgħatuha.

cancer fit-thyroid — radiotherapy

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex pazjenti fil-cancer fit-thyroid qed jiġi rakkmandat lilhom li r-radiotherapy issirilhom barra minn Malta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li il-kamra lesta u l-appuntamenti għall-kura tar-radioactive therapy diga’ ngħataw, u se jibdew mit-3 ta’ Diċembru 2012. Se nibdew nikkuraw erba’ (4) pazjenti fil-ġimgħa minflok pazjent wieħed fil-ġimgħa, kif kien qabel ma beda x-xogħol. Sakemm kien għaddej ix-xogħol f’din il-kamra, il-pazjenti kienu qed jintbagħtu barra għall-kura u b’hekk is-servizz baqa għaddej.

Mellieħa — operat tax-shelter

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-operat tax-shelter tal-Mellieħa? Min jamministra l-fondi? X'qed isir mill-flus miġbura bħala miżata jew donazzjoni għad-dħul ġewwa l-istess shelter?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-operat tan-Night Shelter tal-Mellieħa kif ukoll l-amministrazzjoni ta` fondi hija r-responsabilità tad-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Kommunita`. Il-flus miġbura bħala miżata jew donazzjoni għad-dhul ġewwa l-istess shelter, jintbagħtu l-Accounts Section fi ħdan id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Kommunità.