Persuna li tokkupa kariga f'dipartiment jew ministeru
Question
Jista' l-Ministru jgħid l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament x'kariga okkupa f'dipartimenti jew ministeri li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministru? Għal liema perjodu? Jista' jgħid teżistix relazzjoni ta' konsagwinità jew affinità bejn il-Ministru u l-persuna msemmija? F'liema grad?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li għaliha qed jirreferi jokkupa l-kariga ta' konsulent u ma teżisti ebda relazzjoni ta' konsagwinita' jew affinta' bejni u l-persuna msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid fis-sena 2010 u fis-sena 2011 rispettivament:
a) kemm ġew ingaġġati pulizija ġodda fil-Korp; u
b) kemm telqu membri mill-Korp tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2010 u 2011 ġew ingaġġati fil-Korp tal-Pulizija 131 u 93 persuna rispettivament. Matul is-sena 2010 spiċċaw mill-Korp 59 membru, filwaqt li matul is-sena l-oħra spiċċaw 88.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar erba' snin kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b'vjolenza domestika? Jista' jgħid il-pulizija kemm-il rapport ta' vjolenza domestika investigat? Jista' jgħid minn dawk imressqa kemm ġew liberati, kemm għandhom pendenti u kemm instabu ħatja u x'kienu l-pieni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
Kazi ta’ vjolenza domestika
2008
2009
2010
2011
2012
Persuni mressqa l-Qorti
752
651
720
1010
406
Persuni misjuba hatja
114
51
99
134
32
Persuni liberati
119
101
81
136
40
Persuni dikjarat procediment ezawrit
519
499
540
740
271
Persuni li l-kaz ghadu pendenti
Xejn
Xejn
Xejn
Xejn
63
Għar-rigward il-pieni mogħtija, dawn kienu jinkludu priġunerija, sentenza ta’ priġunerija sospiża, multa, ordni ta’ protezzjoni,
probation,
ordni ta’ trażżin, ordni ta’ trattament, liberazzjoni kundizzjonata, ċanfira jew twiddiba u garanzija.
rapport tal-bord tal-inkjesta dwar il-Forensic Unit
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-bord tal-inkjesta li twaqqaf lejn nofs is-sena 2011 u li kkonkluda x-xogħol lejn l-aħħar tal-istess sena, dwar il-Forensic Unit?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi r-rapport imsemmi wasal għal diversi konkluzjonijiet u għamel diversi rakkmandazzjonijiet li d-dipartiment qiegħed fil-proċess li jwettaq.
Kunsill Lokali tas-Sannat — Community Worker Scheme - xogħlijiet privati
Question
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 34439 u 34440, peress li deċiżjoni li qed niġbed l-attenzjoni għalihom li ħa s-sindku ta' Sannat f'żewġ każijiet separati minn xulxin kif deskrit fil-mistoqsijiet separatament ma' xulxin għar-rigward ta' dak li jista' jkun deskritt bħala imġieba irregolari ta' Sindku f'żewġ każijiet separati u għalhekk, jista' l-Ministru, permezz tad-dipartimenti konċernati jibda investigazzjoni fuq l-aġir ta' sindku, minkejja li ħaddiema tal-Community Worker Scheme, naċċetta li jaqgħa taħt ir-responsabilità ta' Ministru ieħor, f'dan il-każ qed nitlob investigazzjoni fuq deċiżjoni li setgħa ħa s-sindku u mhux ħaddiema, filwaqt li fil-każ ta' kuntratt tal-Eko-Għawdex jien nifhem li dan il-proġett jaqgħa taħt ir-responsabilità tal-Ministru ieħor iżda f'dan il-każ ukoll qed nitlob li jkun investigat l-aġir tas-Sindku li jista' jbiddel il-kundizzjoni tal-kuntratt imsemmi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Gvern Lokali għadda l-każ lill-Bord ta’ Gvernanza biex tinvestiga l-każ skont Artiklu 5 (a) tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 363.150 (Regolamenti dwar Bord ta’ Gvernanza Lokali).
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'permessi ħarġu mill-pulizija, jekk ħarġu, għall-attività ta' mużika/soċjali, li ġiet organizzata fit-13 ta' Mejju 2012 f'Buġibba/Qawra, San Pawl il-Baħar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-istabbiliment kummerċjali fejn saret din l-attività huwa kopert bil-permessi meħtieġa maħruġa mill-Awtorita' kompetenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas il-perit li d-dettlaji dwaru qed jintbagtħu separatament, mill-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema għas-servizzi tiegħu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Kunsill Lokali ta' tas-Sliema kellu servizz ta' konsulenza ta' perizja mal-kumpanija MED Developers and Consultants Ltd li r-rappreżentant tagħha kien il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi l-ħlasijiet saru lil din il-Kumpanija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas li sar mill-Kunsill Lokali tal-Imsida, l-perit li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għax-xogħol ta' servizz tiegħu lill-istess kunsill?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Kunsill Lokali tal-Imsida kellu servizz ta' konsulenza ta' perizja mal-kumpanija MED Developers and Consultants Ltd li r-rappreżentant tagħha kien il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi l-ħlasijiet saru lil din il-Kumpanija.
Jista’ l-Ministru mistoqsija parlamentari 34302 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kien hemm ġenituri tul din il-leġislatura li weħlu multi minħabba li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola mingħajr awtorizzazzjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34173.
Facilità Korrettiva ta' Kordin — persuna mingħajr uniformi
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ilha għal żmien twil tmur il-ħabs mingħajr uniformi u bl-ilbies pajzan bi ksur tar-regolament tal-istess Facilità Korrettiva ta' Kordin? X'inhi r-raġuni li kontra din l-istess persuna, ma jitteħdux passi dixxiplinarji għal dan il-ksur sfaċċat tar-regolament kif normalment jittieħdu kontra uffiċjali oħra? Meta bdew u ġew konklużi ż-żewġ inkjesti maġisterjali li nfetħu dwar din l-istess persuna u x'kien l-eżitu tagħhom? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-kamra kopja tal-lista tal-prezzijiet tat-tuck shop li huwa mmexxi mill-istess persuna?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija inkarigata mit-tuck shop u kif ukoll ma xogħol ieħor estern li huwa realtat mal-Faċilita'. Ninsab infurmat ukoll li porprju minħabba n-natura ta’ xogħol din l-uffiċjal, id-Direttur tal-Faċilita' awtorizza li tidħol mingħajr uniformi.
Rigward il-tieni mistoqsija, ninsab infurmat illi ma hemm ebda Inkjesta Maġisterjali fil-konfront tagħha.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-lista tal-prezzijiet ta’
tuck-shop.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnhu li l-priġunieri ġieli jsibu xi flus neqsin gratuity u works and pay tagħhom fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u jekk fl-affermattiv x'passi ttieħdu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ħlasijiet in konnessjoni ma’ gratuity u work and pay jiġu akkreditati fil-kontjiet tal-priġunieri perjodikament. Kien hemm xi okkażjoni meta bi żball priġunieri li isimhom u kunjomhom huwa l-istess ġew akkreditati lilhom ammonti ta’ xulxin. Naturalment, f’każijiet bħal dawn issir rettifika u l-fondi in kwistjoni jiħu irtirati mill-kont żbaljat u jitpoġġew fil-kont korrett. Kull priġunier huwa ntitolat li jitlob u jingħata account statement. Dan isir regolarment u permezz tiegħu l-priġunier konċernat jingħata sodisfazzjon li l-kont daħal u ħareġ minnhu (permezz ta’ xirjiet ta’ oġġetti) dak li kien dovut.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34615, jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-pieni li ngħataw lil 46 persuna li nstabu ħatja ta' stupru fl-aħħar għaxar snin? B'referenza għall-71 każ ta' stupru, kif joħroġ mill-istess domanda parlamentari kull wieħed minn dawn il-każijiet kemm ilu hekk pendenti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-mistoqsija numru 34352. Tagħrif dwar kemm ilhom pendenti il-każijiet li ma ġewx deċiżi huwa kif ġej: -
2002
2003
2004
2005
2006
2007
2008
2009
2010
2011
Total
1
nil
1
3
10
11
24
11
3
7
71
Taqsima ta' Kontra d-Droga — controlled deliveries
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru controlled deliveries tat-Taqsima ta' Kontra d-Droga fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar għaxar snin u f'kemm minn dawn il-każijiet waslu għal proċeduri kriminali fil-Qorti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-controlled delivery li ssir bis-saħħa tal-liġi u trid tkun awtorizzata mill-Avukat Ġenerali jew minn Maġistrat. Minħabba li din hija għodda importanti u sensittiva ħafna fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, ma nħossx li tagħrif dwar dawn l-operazzjonijiet ikun ippublikat.
Jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 34586 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'sehem għandhom il-kunsilli lokali biex jiddeċiedu fejn jista' jkun hemm car parks bil-ħlas? Liema hi l-lista ta' car parks li fihom Transport Malta għandha attendants liċenzjati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba għadha trid tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ħarbiet jew attentat ta' ħarbiet minn immigranti irregolari detenuti matul l-2008, l-2009, l-2010, l-2011 u mill-1 ta' Jannar sal-lum? Jekk jirriżulta li kien hemm, kemm kien in-numru ta' drabi? Meta ġraw (data) u ta' liema nazzjonalità kienu l-immigranti involuti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-snin imsemmija mill-Onorevoli Interpellant in-numru ta' ħarbiet minn immigratni illegali detenuti kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:-
2008 61
2009 73
2010 5
2011 9
2012 7
Infurmat ukoll illi dawn l-immigranti kienu mill-Alġerija, Benin, Burkina Faso, Cameroon, Chad, Eġittu, Etiopja, Gabon, Gambja, Ghana, Guinea, Indja, Kosta tal-Avorju, Kurdistan, Liberja, Libja, Mali, Marokk, Niger, Niġerja, Palestina, Senegal, Sierra Leone, Somalja, Sudan, Sirja, Togo u Tunesija.
Korp tal-Pulizija — Intelligence Unit - allokazzjoni ta' fondi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati fondi lill-Intelligence Unit tal-Korp tal-Pulizija sena b'sena fl-aħħar ħames snin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-fondi jiġu allokati lill-Korp tal-Pulizija in ġenerali u mhux individwalment għas-Sezzjonijiet. Dawn il-fondi mbagħad jiġu użati skont il-ħtiġijiet u l-bżonnijiet li jkollhom id-diversi Sezzjonijiet fil-Korp.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-bini ġdid tal-akkademja tal-pulizija u meta huwa stmat li jitlestu? Jista' jgħid jekk kienx hemm tibdil mill-pjanti oriġinali u jekk iva, għaliex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif ġa kelli l-okkażjoni ninforma lill-Kamra, ix-xogħol tal-kostruzzjoni tal-Akkedmja tal-Pulizija l-ġdida ġewwa Ta’ Kandja miexi kif ippjanat.
Ix-xogħol tal-kostruzzjoni tal-ġibjun tlesta, wara li kien sar tender pubbliku. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar għalaq iż-żmien għat-tfiegħ tat-tender għall-kostruzzjoni tal-blokk li jkopri l-uffiċċji ta’ l-amministrazzjoni u l-
lecture rooms,
liema tender huwa fl-istadju li jiġi evalwat. Dan huwa maħsub li jkun lest fi żmien 62 ġimgħa minn meta tingħata l-ordni li x-xogħol jista’ jibda.
Qiegħed ukoll ikun ippreparat it-tender tax-xogħolijiet infrastrutturali li huwa stmat li jkun lest fi żmien 64 ġimgħa minn meta tingħata l-ordni li x-xogħol jista’ jibda.
Bħal kull proġett ta’ bini, il-pjanti oriġinali dejjem jgħaddu minn proċess ta’ evalwazzjoni u jiġu aġġornati, sakemm isiru dawk finali li jkunu sottomessi għall-approvazzjoni tal-MEPA. Infurmat ukoll illi ma kien hemm ebda tibdil mill-pjanti kif approvati mill-MEPA.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-snin 2007/8/9/10/11 u 12 kien hemm persuni li ngħatalhom il-protezzjoni tal-pulizija? Għal kemm-il ġurnata ngħatat din il-protezzjoni u kemm ġiet tiswa lill-Kaxxa ta' Malta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni li jkollhom l-protezzjoni tal-Pulizija u l-modalita' ta’ tali protezzjoni ma hix waħda statika u tvarja minn ġurnata għall-oħra skont kif ikun meħtieġ.
Għaldaqstant il-kumpilazzjoni tat-tagħrif kif mitlub jinħtieġ eżerċizzju elaborat liema eżerċizzju jirrikjedi ħafna ħin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ċittadin Malti li ngħata l-protezzjoni u kellu jakkumpanjawh pulizija u sigurtà Maltija anki meta jsiefer barra mill-pajjiż?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li kien hemm xi ċittadin Malti li ngħata protezzjoni u kellu jakkumpanjawh Pulizija jew sigurta' Maltija meta jsiefer barra l-pajjiż.