Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #38479 Sitting 529 2012-11-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Intern

Msida — Swatar - Tower Road - triq magħluqa

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37991 li oriġinajrament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jinvestiga l-ilment ta' bosta residenti tas-Swatar, Msida, dwar il-fatt li f'Tower Road, Swatar, tgħalaq minħabba li ngħqalet bankina b'mod li ġie ristrett l-aċċess għall-bypass u b'konsegwenza ta' dan ir-residenti qed ikollhom jinżlu Ta' Paris biex joħorġu għal main road? Tista' tinstab soluzzjoni anqas inkonvenjenti mill-arranġament preżenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara li l-kunsill kien talab parir dwar dan is-suġġeriment lil Transport Malta u rriżulta li l-awtorità kienet tal-istess fehma, jiġifieri li jekk din it-triq tinfetaħ jista' jinħoloq periklu lis-sewwieqa.
Leg 11 PQ #38305 Sitting 528 2012-11-26 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Korp tal-Pulizija — ingaġġ ta' nisa

Question

Fir-rigward tat-tul rikjest għall-ingaġġ ta' nisa fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar 5 snin, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien it-tul rikjest f'kull sejħa f'dan il-perjodu? Għaliex dan inbidel minn żmien għal żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi it-tul rikjest matul dawn l-aħħar ħames snin sabiex nisa setgħu japplikaw għall ingaġġ bħala kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija kien kif ġej: 2008 - ma kienx hemm sejħiet għall-applikazzjonijiet 2009 - 1.65m 2010 - 1.65m 2011 - 1.70m 2012 - 1.70m Ta’ min jghid illi t-tul huwa element importanti kemm għad-dehra kif ukoll għan-natura tax-xogħol tal-Pulizija. Għaldaqstant inħass illi t-tul rikjest għall ingaġġ ta’ pulizija għandu jkun l-istess kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.
Leg 11 PQ #38287 Sitting 527 2012-11-26 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru tal-Intern

Siġġiewi — manutenzjoni ta' trejqa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37319, jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex, filwaqt li l-kunsill lokali infurmah li lir-residenti ta' din l-area, għarrafhom ukoll li se jkun qiegħed jikkomunika direttament magħhom biex iżommhom infurmati dwar l-iżviluppi rigward il-ħsara fiż-żona, sal-lum, kważi xahar wara, il-kunsill lokali ma għamel l-ebda kommunikazzjoni ma' dawn ir-residenti, minkejja l-periklu li t-trejqa tinsab fih u wkoll id-diffikultà li hemm għal dawn ir-residenti biex jgħaddu minn din l-istess trejqa? Jista' jgħid fiex wasal il-kunsill lokali f'dak li wiegħed li se jagħmel sabiex din it-trejqa perikoluża tissewwa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qed jistenna r-rapport tal-Perit li mistenni jippreżentaħ lill-Kunsill f’dawn il-jiem. Il-Kunsill diġa` ikkomunika dan mal-familja residenti f’din it-trejqa.
Leg 11 PQ #38312 Sitting 527 2012-11-26 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Intern

ingaġġ ta' pulizija

Question

Peress li kien hemm persuni li meta marru japplikaw għall-vakanzi li kien hemm dan l-aħħar għal pulizija, l-applikazzjoni tagħhom ġiet rifjutat minħabba tpinġija (tattooes), jista' il-Ministru jgħid x'inhu meqjus bħala mhux aċċettabli fejn tidħol tpinġija li jkollha persuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fl-aħħar żewġ sejħiet għall-applikazzjonijiet kif pubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern kienu jispjegaw ċar u tond illi applikazzjonijiet minn kandidati li jkollhom fuq il-persuna tagħhom tatwaġġi, ma jkunux ikkunsidrati.
Leg 11 PQ #38329 Sitting 527 2012-11-26 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Intern

Għawdex — Kerċem - Triq is-Summien - manutenzjoni

Question

Peress li r-residenti ta' Triq is-Summien Kerċem Għawdex qed jilmentaw minħabba l-istat ħażin tat-triq, jista' l-Prim Ministru jara li din it-triq issirilha l-manutenzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-Kunsill ser iwettaq ix-xogħol meħtieġ fi żmien qasir. Dan ix-xogħol kien ser isir f’dan l-aħħar jiem imma ma setgħax isir minħabba l-maltemp li għamel.
Leg 11 PQ #38373 Sitting 527 2012-11-26 Oral · Interim From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — karozzi użati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm karozzi mal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? X'inhuma n-numri tar-reġistrazzjoni ta' dawn il-karozzi? Kemm minn dawn il-karozzi huma monitored bis-sistema tad-Datatrak u kemm mhumiex hekk monitored? Liema huma dawk il-vetturi li għandhom d-Datatrak?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #37926 Sitting 526 2012-11-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Intern

Bord għat-Tnaqqis mis-Sentenzi tal-Ħabs

Question

Jista l-Prim Ministru jgħid il-Bord għat-Tnaqqis mis-Sentenzi, kemm irċieva talbiet mil-bidu ta din il-leġislatura sal-lum (sena, sena) u kemm minnhom ġew milqugħa? It-talbiet li ġew milqugħa kif huma maqsumin? Huma maqsuma skont it-tip ta' reat? F'kull każ is-sentenza kemm ġiet imnaqqsha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord għat-Tnaqqis mis-Sentenzi ġie imwaqqaf fit-22 ta’ Awwissu 2012 bis-saħħa tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. Il-Bord għat-tnaqqis mis-Sentenzi huwa responsabbli sabiex jiddeċiedi dwar l-għoti, it-telf jew l-għoti lura ta’ ġranet ta’ tnaqqis mis-sentenza mitlufa, hekk kif stipulat fl-Artikolu 20(2) tal-imsemmi Att. Dan ma jsirx a bażi ta’ talba iżda skont il-proċeduri msemmija fl-Att. Fil-preżent il-Bord stabbilixxa l-proċeduri li bihom ghandu jopera u qiegħed jikkonsidra l-ewwel każijiet tiegħu.
Leg 11 PQ #38222 Sitting 526 2012-11-23 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru tal-Intern

Korp tal-Pulizija — promozzjonijiet għal grad ta' surġent

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jiġu pubblikati l-promozjonijiet għar-rigward tar-riżultati ġa pubblikati għal grad ta' surġent fil-Korp tal-Pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi kien biss il-ġimgħa li għaddiet li l-eżamijiet, inkluż ir-reviżjoni tal-karti u t-talbiet ta’ xi wħud mill-kandidati biex jaraw il-karti tagħhom, ġew konklużi. Għalhekk, il-ħatriet jiġu mħabbra fiż-żmien li ġej.
Leg 11 PQ #37892 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Intern

bini ta' post għall-immigranti illegali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37152, jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-gvern qed iħejji xi post (skola sekondarja Paola Ġuże D'Amato) biex xi immigranti illegali jkunu jistgħu jabitaw fih u jikkonferma din ix-xniegħa? Jekk iva, fejn qed jiġi diskuss il-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fl-ebda ħin ma kien hemm xi ħsieb li l-post indikat minnu jintuża għall-iskop li qed isemmi fid-domanda tiegħu.
Leg 11 PQ #38100 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli Lokali — dejn

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma kemm huma d-djun f'ċifra ta' flus globali li għandhom llum il-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni iżda din id-darba kunsill, kunsill separatament għas-snin 2009, 2010 u 2011?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nassumi illi l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal dawk il-Kunsilli Lokali li jkollhom ‘shortfall’ fil-working capital tagħhom fl-aħħar tas-sena finanzjarja. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tliet tabelli li juru l-informazzjoni mitluba għas-snin li għalqu fil-31 ta’ Diċembru 2009 (9 xhur), 31 ta’ Diċembru 2010 u 31 ta’ Diċembru 2011.
Leg 11 PQ #38193 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli Lokali — minuti tal-laqgħat

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif il-minuti tal-kunsilli lokali jkunu jirrispettaw dak li fil-fatt ikun ġara fil-laqgħa u mhux mod ieħor? Billi l-minuti mhux xi ħaġa ta' maġġoranza jew minoranza, iżda każ ta' rappurtar fattwali ta' dak li jkun ġara, kif jista' jiġi assigurat li tali minuti jkunu korretti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Artiklu (9) tal-Ordni Permanenti 14A fi Skeda Sitta tal-Liġi dwar Kunsilli Lokali jippermetti “r-rekordjar jew reġistrazzjoni oħra ta’ proċedimenti għall-iskop uniku li jiġi faċilitat l-abbozzar tal-Minuti. Dawk ir-reġistrazzjonijiet kollha jistgħu jitħassru wara li l-Minuti tal-laqgħa relattiva ġew approvati.” Dan l-irrekordjar fil-fatt jintuża minn xi kunsilli lokali bl-iskop li jassiguraw li l-Minuti jkunu korretti.
Leg 11 PQ #38034 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

San Ġiljan — Triq William Prestcott - tneħħija ta' trakk

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li trakk fi Triq William Prestcott, San Ġiljan li ilu żmien twil abbandunat hemmhekk, jistax jitneħħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-vettura msemmija mill-Onorevoli Interpellant tneħħiet.
Leg 11 PQ #38188 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru tal-Intern

Ħal Lija — Triq Preziosi - xogħlijiet imwiegħda

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 37652, fejn intqal li l-Prim Ministru ma jistax jifhem x'inhu qed jiġi mfisser b’xogħlijiet imwegħda, jista' l-Prim Ministru jikkonferma li l-gvern ċentrali wiegħed aktar minn sena ilu li se jieħu ħsieb jagħmel dawn ix-xogħlijiet, hekk kif jirriżulta mill-estratti tal-minuti tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Lija li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M’għandi xejn x’inżijd mar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 37652.
Leg 11 PQ #38192 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

servizz tal-pulizija Għawdxin

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn pulizija Għawdxin li qed iwettqu s-servizz tagħhom f'Malta? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk dawn il-pulizija jingħatawx xi preferenza biex jaħdmu kemm jista' jkun qrib Għawdex, minħabba l-inkonvenjenti ta' trasport, u tal-ħinijiet tax-xogħol tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 68 membru tal-Korp tal-Pulizija residenti Għawdex li jaħdmu Malta. Sakemm huwa possibli dawn jiġu stazzjonati fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, għajr għal dawk li huma stazzjoni fl-Iskwadri Speċjalizzati.
Leg 11 PQ #37762 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru tal-Intern

Speed cameras — ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-speed cameras matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu, Settembru u Ottubru 2012 ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #37764 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru tal-Intern

Management tat-traffiku ħdejn l-iskejjel

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid minn huwa responsabbli għaż-żamma tal-ordni u managment tajjeb tat-traffiku ma' ġenb l-iskejjel speċjament meta t-tfal ikunu ħerġin u deħlin għall-iskola? Hemm linji gwida li kull skola trid issegwi? Min irid jara li dawn il-linji gwida jridu jiġu oservati? Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni, il-pulizija jew xi dipartiment ieħor li jieħu ħsieb il-gwardjani lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi skont l-artikolu 33 (1) (d) ta’ l-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kap.363) huma l-Kunsilli Lokali li fost funzjonijiet oħra, għandhom jipprovdu għall-ħarsien tat-tfal tal-iskola qrib l-iskejjel. Madanakollu, il-Korp tal-Pulizija joffri ukoll dan is-servizz ta’ kull filgħodu u wara nofsinhar mal-iskejjel primarji tal-gvern madwar Malta u Għawdex. Fejn l-eżiġenzi jippermettu l-pulizija ukoll tassisti ma’ skejjel kemm tal-knisja kif ukoll dawk privati.
Leg 11 PQ #37987 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

San Pawl il-Baħar — ftuħ ta' għassa il-ġurnata kollha

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif l-għassa tal-pulizija f'San Pawl il-Baħar tista' tibda tkun miftuħa kuljum, kemm matul il-jum kif ukoll matul il-lejl?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fl-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed tkun miftuħa regolarment. Madankollu, jista' jkun hemm drabi jew ħinijiet fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-pulizija li jkun għassa joħroġ fuq xi doveri oħra barra mill-Għassa, bil-konsegwenza li l-Għassa jkollha tingħalaq temporanjament matul dak il-ħin.
Leg 11 PQ #37996 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar — tender għal għażla tal-post

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq it-transformazzjoni ta' showroom għall-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar fil-leġislazzjoni l-oħra? Jista' jagħti tagħrif kemm ġiet tiswa il-plakka tal-irħam ta' inawgurazzjoni u jekk tħallsetx b'xi direct order? Jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra il-mozzjoni ta' kif ġie deċiż li l-kunsill imur għal post ieħor u jekk il-kunsill ħariġx xi forma ta' tender biex jintgħażel il-post bħala kunsill il-ġdid? Jekk ma kienx hemm ħruġ ta' tender min jassumi r-responsabilità li jintgħażel il-post preżenti u fuq liema kriterju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għadu ma ġabarx l-informazzjoni kollha rikjesta mill-Onorevoli Interpellant, risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #38003 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Intern

Wied il-Għajn — għassa tal-pulizija

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 27283, 32097 u 34322 jista’ l-Prim Ministru jindika jekk hux se tinbena għassa tal-pulizija f’Wied il-Għajn wara li kienet indikata lista twila ta’ proprjetajiet battala f’din il-lokalità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi minn verifiki li saru irriżulta li l-ebda wieħed mill-postijiet indikati ma huwa tajjeb sabiex jintuża bħala Għassa tal-Pulizija. Madankollu ninsab infurmat ukoll illi l-Għassa tal-Pulizija ta' Wied il-Għajn qiegħda tinżamm miftuħa għall-pubbliku regolarment. Huma biss f’każijiet eccezzjonali u fejn l-ezigenzi tas-servizz jkunu jirrikjedu mod ieħor, li tingħalaq din l-Għassa. Dan isir meta il-preżenza tal-pulizija f’din il-lokalità tkun meħtieġa barra mill-Għassa jew f’xi post ieħor.
Leg 11 PQ #38037 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Marsa — Toroq li jsiru rondi tal-pulizija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm qed isiru rondi mill-Korp tal-Pulizija ġewwa l-lokal tal-Marsa, fl-inħawi ta’ Triq is-Salib tal-Marsa, Triq Ascot, Triq Simpson, Sqaq ir-Ross u Triq Derby? Nitlob li jgħid x’ħin u kemm-il darba ssir ronda kuljum, kemm inħarġu akkużi dwar prostituzzjoni matul din is-sena lil min instab f’dawn l-inħawi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokumentazzjoni li tixhed dan filwaqt li jindika kemm-il darba nqabbdet l-istess persuna? Jista' jgħid kif qed tiġi ndirizzata din il-problema sabiex tiġi solvuta peress li r-residenti f’dawn l-inħawi qed jispiċċaw ostaġġi ġewwa djarhom stess minħabba l-moviment relattat li jkun hemm jum wara jum f’dan ir-rigward?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi kemm il-pulizija tad-Distrett kif ukoll dawk ta’ l-Iskwadra ta' kontra l-Vizzji u tal-Mobile jagħmlu ronda kuljum f’ħinjiet differenti, partikolarment tard filgħaxija, f’diversi inħawi ta’ Malta, inkluż it-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, b’konnessjoni mal-ġlieda kontra l-prostituzzjoni. Infurmat ukoll illi matul din is-sena kien hemm 40 persuna li bejniethom instabu 210 darbiet li kienu qegħdin jitlajjaw fil-Marsa għall-iskop ta’ prostituzzjoni. Dawn kienu kif ġej: 1 persuna nstabet 25 darba 3 persuni nstabu 7 darbiet kull wieħed 1 persuna nstabet 17 il-darba 2 persuni nstabu 6 darbiet kull wieħed 1 persuna nstabet 13 il-darba 4 persuni nstabu 5 darbiet kull wieħed 1 persuna nstabet 12 il-darba 1 persuna nstabet 4 darbiet 2 persuni nstabu 11 il-darba kull wieħed 4 persuni nstabu 3 darbiet kull wieħed 3 persuni nstabu 9 darbiet kull wieħed 1 persuna nstabet 2 darbiet (darbtejn) 1 persuna nstabet 8 darbiet 15 persuni nstabu darba kull wieħed Il-Pulizija se tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha sabiex kemm jista jkun dan l-abbuż ikun ikkontrollat.